Hemm min jgħid: “Kristu, iva! Knisja, le!”. Xi ngħidu dwar dan?

11

🌻 Hemm min jaħseb biex jitlaq mill-Knisja, iżda jkun jrid jibqa’ jemmen fi Kristu. Dan ma jagħmilx sens għax kif tista’ trid lil Kristu u ma tridx dak li jgħid Hu?

🌻 Mela mhux vera tridu, għax kieku vera tridu trid dak li jrid Hu, u Ġesu jrid il-Knisja għax waqqafha Hu stess. Mela min jitlaq il-Knisja u jipprova jżomm lil Kristu, ikun qed jemmen f’xi Kristu kif jimmaġinah u jivvintah hu, u mhux il-vera Kristu.

L-insara kif qed jitilfu l-fidi?

45

🌻 Billi jħalli lil min ma jemminx jgħarraqlu t-twemmin (per eżempju: bi programmi qarrieqa, b’argumenti u taparsi provi kontra l-fidi, eċċ… );

🌻 Billi ma jaqblux ma’ xi tagħlim tal-Knisja, jew għax jarawh eżaġerat, jew antikwat, eċċ…;

🌻 Billi jisma’ mill-medja li tenfasizza ħafna skandli u żbalji li jagħmlu membri importanti fil-Knisja;

🌻 Billi jingħata lid-‘dinja’;

🌻 Billi jħalli d-dubji jeqirdulu t-twemmin flok bihom ifittex biex jissaħħaħ aktar;

🌻 Billi ma jipprattikax aktar is-Sagramenti u t-talb;

🌻 Bit-traskuraġni fid-doveri tiegħu bħala nisrani u membru ħaj tal-Knisja (per eżempju: meta jgħid li għandu wisq x’jagħmel);

🌻 Billi jiġġudika lill-insara u/jew lill-qassisin li juru wiċċ b’ieħor u li ma jgħixux dak li jippriedkaw;

🌻 Billi jdaħħal ir-reliġjon f’xi taqlib li jkollu mal-awtorita’;

🌻 Bil-‘peer pressure’. Meta wieħed jinġarr mill-grupp ta’ ħbiebu;

🌻 Aħseb: Jekk xi ħadd ikanta b’mod stunat kanzunetta vera sabiħa, dan ma jfissirx li għandna narmu l-kanzunetta. L-istess bil-fidi. Jekk ikun hemm min jagħti eżempju ħażin, dan ma jfissirx li l-fidi ħażina!

X’differenza hemm bejn twemmin u fidi?

43

🌻 Jingħad li wieħed jemmen meta b’moħħu jaċċetta li xi ħaġa hija vera. Per eżempju: meta wieħed jemmen li l-ħabib tiegħu mhux qed iħarref imma qed jgħid il-verita’.

🌻 Jingħad li wieħed għandu l-fidi meta jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’persuna oħra u jagħmel li tgħid hi.

🌻 Ir-reliġjon għandha t-tagħlim tal-veritajiet. Mela membru ta’ dik ir-reliġjon l-ewwel irid jemmen li qed tgħidlu l-verita’. Imma dan mhux biżżejjed biex wieħed jgħix dik ir-reliġjon. Imbagħad hemm il-fidi. Dan ifisser li wara li emmen, dak li jkun għandu jafda f’dak li tgħallem, jgħixu u jobdih.

🌻 Fil-fidi tal-insara, dawn mhux biss jafdaw f’li emmnu, imma jafdaw direttament lil Alla li jgħallem permezz ta’ dawk li jirrappreżentawh. Mela l-ewwel, il-Knisja tippreżentalna l-veritajiet fuq Alla. Dawn twemmin. Imbagħad meta wieħed li jemmen jagħmel esperjenza t’Alla u jafda ħajtu f’idejh, ikun wasal għal fidi.

Biex temmen hemm bżonn li tirraġuna fuq l-affarijiet jew trid taċċetta kollox b’mod għami bla ma tistaqsi xejn?

42

🌻 Aħna rridu noqogħdu attenti li nemmnu l-verita’ u mhux xi taħwid, żbalji jew gideb. Mela hemm bżonn nirraġunaw qabel ma nemmnu. Hemm bżonn naraw l-evidenza ta’ l-affarijiet biex naraw hux ta’ min wieħed jemminhom jew le. Jekk ma jkollhomx evidenza biżżejjed, allura m’għandniex nemmnuhom, iżda jekk hemm evidenza biżżejjed għandna naċċettaw u nemmnu.

🌻 Jekk fuq xi ħaġa hemm biżżejjed evidenza li hija vera imma persuna twebbes rasha u tibqa’ ma tridx taċċetta, allura din il-persuna tkun ħatja li mhix raġonevoli.

🌻 Ladarba rajna li hemm biżżejjed evidenza li jeżisti Ħallieq, allura għandna nemmnu f’Alla.

  • Huwa żbaljat min jaħseb li biex temmen ma trid tistaqsi xejn u kemm taqbad u taċċetta kollox. (Meta San Tumas qal li biex jemmen irid l-evidenza kien qed jagħmel sewwa. Ġesu’ ma ċanfrux, anzi tah l-evidenza. Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza mbagħad qallu biex jemmen. Mela aħna għandna nagħmlu l-istess. Imma mbagħad Ġesu’ qal li ħenjin dawk li jemmnu bla ma jaraw. Mela aħna ma nistgħux nistennew li Ġesu’ joqgħod jidhrilna biex nemmnu. Għandna nemmnu fuq il-bażi ta’ l-evidenza u mhux nippretendu li Ġesu’ se joqgħod jagħmel affarijiet biex iġegħlna nemmnu).
  • Jekk hemm xi ħadd li minnu ġej kollox u li kollox qiegħed iżomm fih, jeħtiġilna naraw kif nibnu l-aħjar rabta miegħu.

La lil Alla ma narahx u ma m’għandix provi xjentifiċi dwar r-realta’ tiegħU kif nista’ nemmen fiH?

3

🌻 Tista’ tipprova b’mod xjentifiku l-imħabba ta’ bejnietna? Jekk tgħid li ommok, missierek, it-tfajla, il-ġuvni, martek, żewġek, uliedek, il-familjari jew ħbiebek iħobbuk, kif tista’ tkun ċert minn dan? L-imħabba ma tistax tanalizzha taħt l-ebda strument xjentifiku.

🌻 Forsi hawn tgħiduli li tafu li persuna tħobbkom għax turikom rispett, tgħinkom, tieħu ħsiebkom, jimpurtha minn dak li tkunu għaddejjin minnu. Imma dawn kollha huma l-AZZJONIJIET tal-persuna li tħobbkom u mhux l-IMĦABBA fiha nnifisha.

🌻 L-istess fejn jidħol Alla. LilU ma narawhx imma naraw l-azzjonijiet ta’ mħabbtU;
  • is-sbuħija tal-ħolqien,
  • il-paċi fil-qalb ta’ dawk li jimxu fuq il-Kelma tiegħU,
  • il-persuni li jieħdu ħsiebna u jimpurthom minna eċċ… kollox rigal tiegħU!