X’inhi t-tama għal min jgħix ta’ nisrani vera fejn tidħol l-Eternita’?

3

🌻 Alla Hu Trinità – 3 persuni f’Alla wieħed:

  • Missier li ħalaq kollox u għamel pjan biex isalva lil kull bniedem
  • L-Iben (Ġesù) li wettaq il-pjan tal-Missier
  • Spirtu s-Santu li jagħtina l-ħajja u l-qawwa li nħobbu kif iħobb Alla.

Bħala Nsara irridu ngħixu ta’ wlied il-Missier billi nixbhu lil Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li hemm fina.

🌻 Il-Ġenna hija l-esperjenza li nħobbu u nkunu maħbubin f’għaqda intima u profonda ma’ Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, l-għaqda li jibqa’ jkollna ma’ dawk li nħobbu u li mietu qabilna, l-iskop ewlieni ta’ kull bniedem.

🌻 Dawk li jkunu fittxew il-ħbiberija ta’ Alla ‘mma kien hemm xi dnubiet li baqgħu jifirduhom minn Alla, jkollhom bżonn li jinħelsu minn dawn id-dnubiet biex jingħaqdu ħaġa waħda ma’ Alla. Dan il-Knisja ssejjaħlu l-Purgatorju.

🌻 Dawk li f’ħajjithom iwarrbu lil Alla u minflok l-imħabba tiegħu jagħżlu l-egoiżmu, s-suppervja u l-mibegħda, jibqgħu jgħixu hekk wara li jmutu, iġifieri bogħod minn Alla u f’disperazzjoni għax issa jagħrfu sew xi jkunu tilfu. Dan jissejjaħ Infern.

Nisrani kif għandu jieħu sehem fil-Quddiesa u għaliex il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba?

70

🌻 In-nisrani:

  • Għandu jmur il-Quddiesa għax jixtieq jobdi u jħobb lil Ġesu’ u lill-Knisja tiegħu.
  • Għandu jindem minn dnubietu biex jagħmel tqarbina tajba.
  • Għandu jagħmel ħiltu biex jixrob il-Kelma.
  • Għandu tassew jitlob bil-qalb fil-waqtiet li jsir dan.
  • Għandu jitqarben bl-akbar fidi, tama u mħabba li hemm fih.
  • Għandu jrodd ħajr lil Alla.

🌻 Il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba għaliex fi Ġwanni 4, insibu li Ġesu qal li l-Missier Alla jfittex lil dawk li jadurawh fl-Ispirtu u l-Verita’. Din hi l-adorazzjoni unika li jrid u jistenna l-Missier. Ġesu’ qalilna li hu din il-Verita u Hu biss jista’ jagħtina l-Ispirtu. Dan iseħħ bil-mod l-aktar qawwi fil-Quddiesa u bit-Tqarbin. Mela t-talba li l-aktar togħġob lil Alla l-Missier hi l-offerta ta’ Ġesu’ ssagrifikat għalina u mogħti lil Missier. Aħna nidħlu bis-sħiħ f’din l-offerta tal-Iben lill-Missier bit-talb u t-tqarbin u mbagħad billi ngħixu din l-offerta tul ħajjitna.

Għalfejn jeżisti d-dnub? Għalfejn Alla m’għamilniex perfetti bħalu?

20

🌻 L-ewwel bniedem daħħal id-dnub fid-dinja u sa issa l-bniedem għadu jagħżel id-dnub bħalma naraw madwarna. Ġesu’ salvana mill-konsegwenza tad-dnub biss ma jisforza lil ħadd biex jiċħad id-dnub u jimxi warajH.

🌻 Aktar ma l-bniedem jidneb aktar jinħakem mix-xitan u x-xitan jingħata s-setgħa li:

  • jfarrak,
  • ikisser,
  • imarrad,
  • jikkawża tbatija,
  • diżastri naturali, eċċ…

🌻 Minkejja li d-dnub u l-effetti tiegħu, aħna msejħin li nimxu lejn il-perfezzjoni u li nsiru qaddisin għax qaddis hu Alla. Ħafna nies imxew ‘il quddiem fil-perfezzjoni tant li l-Knisja għamlithom ‘mudelli’ ta’ virtu’ għalina eż. Il-beati u l-qaddisin eċċ…

🌻 Idejalment, kien ikun aħjar li kienu d-dnub ma jeistix, imma l-barkiet li rċevejna meta Ġesu’ miet biex isalvana mid-dnub huma kbar tant li jagħtuna tama u ferħ b’rigal kbir li hemm jistenniena fil-ġenna jekk f’ħajjitna nagħrfu naħarbu d-dnub u t-tfixkil.

X’jagħmel l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-bniedem u liema huma xi wħud mill-vokazzjonjiet li jagħti?

29

🌻 L-Ispirtu s-Santu nistgħu ngħidu li jagħmel kollox fil-Knisja. Hu:

  • jagħti l-fidi, it-tama u l-imħabba,
  • iqajjem mexxejja,
  • joħroġ dejjem il-verita’ fil-Knisja tiegħu,
  • jifforma qaddisin,
  • iwettaq kull Sagrament,
  • iqanqal il-kuxjenza ta’ kull bniedem,
  • jagħmel sejħiet (vokazzjonijiet) u
  • jagħti s-saħħa pass pass biex dawn jitwettqu.

L-Ispritu s-Santu hu l-bennej tal-Knisja fuq kull livell tagħha.

🌻 L-ewwel l-vokazzjoni li jagħti l-Ispirtu s-Santu hi dik tal-Magħmudija, li biha nidħlu fi Kristu u li ngħixu l-fidi, tama u mħabba agape ta’ Kristu.

🌻 Żewġ vokazzjonjiet oħra Sagramentali huma ż-Żwieġ u l-Ordni Sagri.

🌻 Vokazzjoni speċjali oħra hi l-Verġinita’ għas-Saltna tal-ħajja reliġjuża jew ta’ xi għaqda bħall-Mużew.

🌻 Lil uħud jagħmilhom missjunarji, oħrajn katekisti, oħrajn li jaħdmu fis-soċjeta’ biex jġibuha ‘l quddiem.