Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 13: 22-30
L-Evanġelju skont San Luqa 13: 22-30
[Lq:13:22] F’dak iż-żmien, Ġesu’ hu u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula.
[Lq:13:23] U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom:
[Lq:13:24] “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.
[Lq:13:25] Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’
[Lq:13:26] Mbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’
[Lq:13:27] Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m’hux sewwa!’
[Lq:13:28] Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ‘l barra.
[Lq:13:29] U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.
[Lq:13:30] U araw, hawn min hu ta’ l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu ta’ l-ewwel u għad ikun l-aħħar.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
L-immaġni tal-bieb x’tgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?
L-istorja ta’ Ġesu’ dwar il-bieb li jiġi magħluq għal dawk li waslu tard tagħtina x’nifhmu li dawn offendew bl-ikrah lil sid id-dar u kien ħaqqhom li jiġu esklużi. Kienet użanza għall-għalliema fi żmien Ġesu’ li jgħalqu l-bieb għall-istudenti li jittardjaw u ma kienux iħalluhom jidħlu għall-ġimgħa sħiħa biex jgħallmuhom lezzjoni dwar id-dixxiplina u l-fedelta’.
Ġesu’ qal l-istorja bħala risposta għall-mistoqsija għal min se jirnexxielu jikseb il-ġenna. L-għalliema ta’ żmienu kienu jemmnu li l-Iżraelin kollha kienu se jsalvaw ħlief għal ftit midinbin pubbliċi li jeskludu lilhom infushom. Fuq kollox huma kienu magħżulin b’mod speċjali minn Alla meta daħal f’patt magħhom. Ġesu’ jissorprendiehom billi jgħidilhom li l-fatt li huma l-poplu l-magħżul ma kellhomx garanzija li kienu se jidħlu l-ġenna awtomatikament. Iżid jgħid li anke l-pagani se jidħlu fis-Saltna.
Ħsieb għal Qalbek …
L-istedina ta’ Ġesu’ hi miftuħa għal kulħadd, imma jwissina li nistgħu niġu esklużi jekk ma ngħaddux mill-bieb id-dejjaq. Il-bieb li Ġesu’ kellu f’moħħu hu; Hu innifsu fi Ġwanni kapitlu 10 vers 9 qal: ‘Jien il-bieb jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi ssalva.’ Bis-salib Ġesu’ jiftaħ it-triq għalina għas-Saltna t’Alla, imma aħna wkoll rridu nimxu warajh fit-triq tas-salib. Il-kelma tħabat tista’ tiġi tradotta bħala agunija, biex jidħol fis-Saltna t’Alla wieħed għandu jitħabat kontra l-forza tat-tentazzjonijiet u kontra kulma jista’ jtellfu milli jagħmel ir-rieda t’Alla.
L-aħbar it-tajba hi li aħna ma nitħabtux waħedna, imma lkoll flimkien bħala komunita’ waħda. Ġesu’ jiżgurana mir-rebħa.
U inti tafda fl-għajnuna t’Alla b’mod speċjali f’mumenti ta’ tiġrib u tentazzjonjiet?
Itlob …
Mulej, għinni ma nagħmel l-ebda kompromess mal-Kelma tiegħek jew inġib ruħi b’indifferenza lejk.
Għażiża Marija, inti waħda mill-aqwa għajnuniet essenzjali li Alla tana. Imxi magħna nitolbuk din it-triq imħarbta ta’ din id-dinja u għamel li miegħek bħala ommna, aħna naslu ħdejk fil-ġenna. Ammen.