Kif inkun ċert li qiegħed fil-preżenza t’Alla fit-talb? Għandi nara’ xi sinjal jew inħoss xi ħaġa? Jekk ma nara u nħoss xejn, jiġifieri Alla mhux preżenti, jew forsi li jien għandi nieqaf nitlob għax qed nitlob ħażin?

13

🌻 Li wieħed jara jew iħoss mhux importanti. Il-ħass jista’ jkun ‘ħass ħażin’!! L-importanti b’liema attitudni qed nidħol fit-talb. Jekk ix-xewqa tiegħi hi li Alla jibdilni għall-aħjar, kif u meta jrid Hu, allura fil-mumenti tat-talb, tassew jiġri dan anki meta wieħed ma jintebaħx.

🌻 Eżempju: Ġieli fis-Sajf, meta tkun ħdejn il-baħar, ix-xemx tkun mgħottija bis-sħab u mhux talli ma tidhirx, imma ukoll ma tħossx ir-raġġi qawwijin tagħha fuqek. Minkejja dan, meta tmur id-dar u tħares fil-mera, ġeneralment tinduna li tkun ħaditek xorta waħda bla ma int indunajt! Hekk jiġri minn min jidħol fil-preżenza t’Alla fit-talb b’xewqa sinċiera u b’fidi fiH.

 

It-talb kif jorbot mas-suċċess tal-ħajja tal-bniedem?

14

🌻 Hija mentalità profondament żbaljata u ereżija li l-bniedem kapaċi waħdu:

  • jibni lilu nnifsu,
  • jeħles minn ħtijietu u d-dgħufijiet tiegħu,
  • jibni ambjent ġust madwaru
  • u jsalva ruħu fl-eternità.

Hija suppervja li bniedem jimmaġina li jista’ jwassal lilu nnifsu waħdu għal suċċess bħal dan.

🌻 Ġesu qal: “Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibgħux fija. … għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.” (Ġwanni 15: 4-5).

🌻 Permezz tat-talb mimli fidi, talb sinċier u ma jaqta’ xejn, aħna nibqgħu f’Ġesu’ u Ġesu’ jibqa’ fina u jagħtina l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu

  • jgħallimna,
  • jiffurmana,
  • isaħħaħna,
  • jagħtina l-għerf,
  • l-għaqal,
  • il-biża’ t’Alla,
  • iqawwilna l-fidi, it-tama, l-imħabba …

Mela s-suċċess jirriżulta minn tnejn jaħdmu id f’id: jien u Alla.

🌻 Min jgħix ħajtu bla ma jafda lil Alla jkun ħati ta’ dnub li ma jinħafirx (kontra l-Ispirtu s-Santu – li jkun ġie mogħti lilu għal xejn).

🌻 Min jikkoopera mal-Ispirtu s-Santu jsir, għax hekk jagħmel Alla, bniedem sħiħ fi Kristu; bniedem tal-Beatitudnijiet. Dan hu bniedem kif iridu Alla u għalhekk jagħtih il-premju tal-ħajja ta’ dejjem – jiġifieri r-rebħa tas-suċċess.

Huwa żgur li Alla jweġibna meta nitkellmu miegħU fit-talb?

5

🌻 Iva, żgur imma jrid ikollna attitudni u xewqa sinċiera li nsibu lil Alla, ħalli naraw xi jrid jgħidilna u nfasslu ħajjitna fuq dak li jrid Hu.

🌻 Hu stess wegħedilna din il-ħaġa. F’Ġeremija 29: 11 Alla jgħid li kull wieħed u waħda minna:

“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom; pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimmli tama. Intom issejjħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni.”

🌻 Mela, la Hu stess wegħedna u aħna nemmnu li Hu ħaj, iweġibna ŻGUR għax min hu haj, jikkomunika.