26. Riflessjoni fuq Mark 8: 27-33

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 8: 27-33

matthew-16L-Evanġelju skont San Mark 8: 27-33

[Mk:8:27] Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”

[Mk:8:28] Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.”

[Mk:8:29] “Imma intom,” staqsiehom, “intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.”

[Mk:8:30] Mbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.

[Mk:8:31] U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum.

[Mk:8:32] Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu.

[Mk:8:33] Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min hu Ġesu’ għalik?

F’ħin opportun Ġesu’ jġarrab lid-dixxipli tiegħu bil-mistoqsija kruċjali. “Min jgħidu n-nies li jiena?” “U min tgħidu intom li jien?”

Ġesu’ kien ikkunsidrat mill-maġġoranza tal-poplu f’Iżrael bħala bniedem kbir t’Alla anki kkumparat mal-akbar fost il-profeti, Ġwanni l-Battista, Elija u oħrajn. Pietru stqarr li Ġesu’ kien il-Messija. L-ebda bniedem ma seta’ jirrivela dan lil Pietru. Kien biss Alla nnifsu. Kien l-ewwel dixxiplu li għaraf lil Ġesu’ bħala l-Midluk, il-Messija u l-Kristu u f’San Mattew kapitlu 16 vers 16 insibu li qallu wkoll li Hu l-Iben uniku t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Madanakollu l-fidi ta’ Pietru tgħaddi minn prova meta Ġesu’ jispjega l-bżonn għall-Messija li jbati u jmut sabiex il-ħidma tas-Salvazzjoni t’Alla titwettaq. Kif inħasdu d-dixxipli meta semgħu dan il-kliem. Kemm huma differenti l-ħsibijiet u t-triqat t’Alla minn dawk tagħna l-bnedmin.

Permezz tal-umiljazzjoni, tas-sofferenza u tal-mewt fuq is-Salib, Ġesu’ kisser il-qawwa tad-dnub u tal-mewt u rebaħ għalina u għas-salvazzjoni tagħna. Il-Mulej jgħaddi wkoll lilna b’mod personali mill-prova bl-istess mistoqsija. “Int min tgħid li jien?” U jekk se twieġbu li Hu l-Mulej, qed tħallih ikun il-Mulej, jiġifieri s-Sid ta’ kull ma int, tal-ħsibijiet, tax-xewqat u tal-azzjonijiet tiegħek?

Inti taħseb kif jaħseb Alla jew toqgħod fuq li taħseb int li jista’ jkun żbaljat?

Itlob …

Mulej Ġesu’, jiena nistqarr u nemmen li Inti l-Messija l-Iben t’Alla l-Ħaj. Inti l-Mulej u s-Salvatur tiegħi. Agħmel li l-fidi tiegħi tkun qawwija bħal dik ta’ Pietru u agħtini li nitkellem u nixhed għalik bil-kuraġġ kollu quddiem l-oħrajn ħalli huma wkoll jaslu biex jagħrfu lilek b’mod personali bħala l-Mulej u s-Salvatur u jikbru fl-għarfien tal-Imħabba tiegħek.

Għażiża Ommi Marija, għinni biex bħalek jiena nħalli l-Kelma t’Alla titnissel fija ħalli Hu jkun iċ-ċentru ta’ dak li naħseb, ngħid u nagħmel. Ammen.

25. Riflessjoni fuq Mark 8: 14-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 8: 14-21

DqeOIIr51A_1403121109063L-Evanġelju skont San Mark 8: 14-21

[Mk:8:14] F’dak iż-żmien, id-dixxipli ta Ġesu nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa.

[Mk:8:15] Hu wissiehom u qalilhom: “Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi?”

[Mk:8:16] Huma bdew jgħidu bejniethom: “Dan għax m’għandniex ħobż?”

[Mk:8:17] Ġesù induna u qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom?

[Mk:8:18] Għandkom għajnejn u ma tarawx? Għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux

[Mk:8:19] meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?” Qalulu: “Tnax.”

[Mk:8:20] “Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?” Qalulu: “Sebgħa.”

[Mk:8:21] “U għadkom ma fhimtux?” qalilhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex l-ipokresija hija assoċjata mall-ħmira?

Għal-Lhud il-ħmira kienet sinjal ta’ ħażen. Kienet biċċa għaġina mill-fdalijiet tal-ħobż li tiffermenta. Il-fermentazzjoni kienet assoċjata mall-ħażen li wieħed jeħżien.

Għaliex Ġesu’ wissa lid-dixxipli biex jevitaw l-attitudnijiet tal-Fariżej?

Il-Fariżej kienu jinqalgħu biex jidhru reliġjużi filwaqt li kienu mimlija b’intenzzjonijiet ħżiena minn ġewwa. Il-kelma ‘ipokrita’ tfisser ‘attur’ – xi ħadd jippretendi dak li mhux.

Imma min jista’ jkun tajjeb ħlief Alla waħdu?

Bl-ipokresija wieħed jista’, apparentament jidher tajjeb u fl-istess waqt jaħbi dak li ma jridx li l-oħrajn jaraw fih. L-aħbar it-tajba hi li d-dawl t’Alla jikxef kemm id-dlam tal-ħażen u d-dnub, kif ukoll jirbaħ fuq il-mibgħeda bl-imħabba, fuq is-suppervja bl-umilta’ u fuq il-pretenzjoni bl-integrita’ u l-verita’. Alla jagħti l-grazzja lill-umli u lil dawk li juru sobgħa u ndiema vera ta’ dnubiethom sabiex dawn ikunu jistgħu jirbħu fuq l-ħmira tan-nuqqas ta’ sinċerita’ u fuq l-ipokresija fil-ħajja tagħhom.

Ħsieb għal Qalbek …

Int tħalli l-anzjeta’ jew il-biża’ żżommuk ‘il bogħod milli tafda lil Alla fil-providenza tiegħu f’ħajtek?

“L-Imħabba perfetta tqaċċat il-biża’ ‘l barra.” Din insibuha fl-ewwel ittra ta’ San Ġwann kapitlu 4 vers 18. Itlob lil Alla biex jimla lil qalbek bl-imħabba tiegħu u biex ikabbar il-fidi tiegħek fil-providenza u fl-imħabba tiegħu lejk.

L-appostli inkwetaw għaliex kienu nsew iġibu l-ħobż magħhom fid-dgħajsa u dan wara li Ġesu’ kien għadu kemm wettaq il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż li bih temgħa 4,000 ruħ. Kemm hu faċli ninsew dak li Alla jkun għadu kemm għamel f’ħajjitna u niddubitaw fil-wegħdiet tiegħu li jieħu ħsiebna.

Meta l-appostli komplew jinkwetaw minħabba li ma tantx kellhom ħobż, Ġesu’ fakkarhom fil-mod kif hu pprovda mirakulużament il-ħobż u temgħa lil dawk l-eluf ta’ nies. Imbagħad jgħidilhom, anzi jċanfarhom minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja tagħhom f’Alla. “Ma tifhmux qalilhom”. Huwa faċli li taqbad tinkwieta fuq il-problemi u fuq il-bżonnijiet preżenti ta’ ħajtek u tinsa r-realta’ l-aktar importanti fuqhom ilkoll – il-preżenza li dejjem qiegħda magħna t’Alla nnifsu u fil-providenza abbundanti tiegħu fil-ħajja tagħna.

U inti titlob bil-ferħ u bil-kunfidenza: ‘Missierna, agħtina l-ħobża ta’ kuljum.’

Itlob …

Mulej, Inti biss tista’ ssostnini bil-Kelma u bl-Ispirtu tiegħek li Inti tagħtini kontinwament. Imlieni bil-ferħ u bil-qawwa biex inservik f’kull mument ta’ ħajti.

Għażiża Ommi Marija, għinni ndur mill-ħmira tad-dnub tiegħi u agħmel li jien qatt ma nattakka qalbi mall-affarijiet ta’ din id-dinja b’mod speċjali dawk li jistgħu jġibu korruzzjoni u mewt. Agħtini l-grazzja Ma, li jien ningħaqad dejjem m’Ibnek Ġesu’ u nafda b’kunfidenza totali fil-providenza u fl-imħabba tiegħu għalija. Ammen.

24. Riflessjoni fuq Mark 8: 11-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 8: 11-13

Pharisees-arguing-with-Jesus.5L-Evanġelju skont San Mark 8: 11-13

[Mk:8:11] Fdak iż-żmien, ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha ma Ġesu; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema.

[Mk:8:12] Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: “Għalfejn irid sinjal dan in-nisel? Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel.”

[Mk:8:13] U telaqhom, raġa’ tala’ fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kemm int kapaċi taqra is-sinjali taż-żminijiet?

In-nies ta’ żmien Ġesu’ kienu jistennew li l-miġja tal-Messija kienet se tiġi mwettqa b’sinjali u għeġubijiet sopranaturali. Il-messiji foloz għamlu stqarrijiet kbar biex jattiraw ħafna dixxipli. Ġesu’ kien jaf il-qlub ta’ dawk li resqu lejh biex iġarrbuh. Kienu iżjed interessati f’sinjali u f’fenomini milli fil-Kelma t’Alla.

Xmun kien ipprofetizza fit-twelid ta’ Ġesu’ li hu kien iddestinat għall-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael u li kellu jkun sinjal li jmerruh biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna. Dan insibuh f’Luqa kapitlu 2 versi minn 34 sa 35. Ġesu’ ma tahom l-beda sinjal ħlief lilu nnifsu u l-prova aħħarija tad-Divinita’ tiegħu meta qam mill-imwiet.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej jurina lilu nnifsu b’ħafna modi, bil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija kif ukoll permezz tal-Knisja l-Ġisem Mistiku tiegħu. Permezz tal-ħolqien u taċ-ċirkustanzi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jekk infittxu l-Mulej, nistgħu nserrħu rasna li Hu se jagħtina kulma għandna bżonn biex nagħmlu r-rieda tiegħu. Fuq kollox il-Mulej jassigurana mill-preżenza tiegħu u mill-wegħda li qatt ma jitlaqna.

Fil-ktieb ta’ talb ta’ Santa Tereża t’Avila nstab miktub dan il-kliem:

“Tħallix xi jtaqqlek.
Tħallix xi jbeżżgħek.
Kollox jgħaddi, Alla biss jibqa’. Ma jinbidilx.
Bil-paċenzja tikseb kulma taħdem għalih.
Min għandu ‘l Alla, ma jonqsu xejn.
Alla waħdu kollox.”

U għalik Alla huwa kollox?

Itlob …

Mulej, ibdel lil qalbi u lil ħajti ħalli ngħix Miegħek b’mod sħiħ. Għinni nagħżel dak li huwa s-sewwa u naħrab kull okkażjoni tad-dnub.

Marija, Omm tiegħi tas-sema, għinni ma norbotx qalbi mal-affarijiet ta’ din id-dinja li jżommuni milli nista’ nkun il-ħin kollu nħobb u nservi lil Alla b’qalb sħiħa. Ammen.

23. Riflessjoni fuq Luqa 6: 17. 20-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 17. 20-26

TissotBeatitudes.144163156205L-Evanġelju skont San Luqa 6: 17.20-26

[Lq:6:17] F’dak iż-żmien, Ġesu niżel ma t-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon.

[Lq:6:20] Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:

[Lq:6:21] Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.

[Lq:6:22] Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajjrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.

[Lq:6:23] Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

[Lq:6:24] Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.

[Lq:6:25] Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku.

[Lq:6:26] Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-għajn vera tal-ferħ u l-kuntentizza li ħafna jsibuha diffiċli li jaċċettaw?

Ġesu’ jibda t-tagħlim tiegħu fuq kif tgħix biex tiret is-Saltna tas-sema billi jindirizza l-punt ta’ fejn wieħed jista’ jsib il-ferħ veru. Il-kelma henjin letteralment tfisser mimlijin bil-ferħ jew imberkin. It-triq ta’ Ġesu’ li twassal għal dan il-ferħ vera, imma titlob trasformazzjoni minn ġewwa konverżjoni tal-qalb u tal-moħħ li sseħħ biss b’deċiżjoni personali u bid-don tal-Ispirtu s-Santu.

Kif inhu possibli li wieħed isib il-ferħ fil-faqar, fil-ġuħ, fin-niket u fil-persekuzzjoni?

Jekk iridu inkunu mimlijin bil-ferħ u l-paċi tas-sema, allura rridu niżvujtaw lilna nfusna minn dak li jista’ jaqtagħna minn m’Alla. Il-bniedem li huwa fqir fl-ispirtu għandu spazju għall-preżenza t’Alla fih. Din tnissel ferħ etern li jibda minn hawn u jkompli għall-eternita’. Dan il-ferħ ma jifhmux min ma jduqux. Huwa ferħ li anqas min daq ma jista’ jfissru. Jista’ biss jistieden lill-oħrajn biex huma wkoll iduquh aktar milli jippruvaw jifhmuh b’moħħhom. Xi biċċa kejk tajba nutli tipprova timmaġina jekk għandix tomgħa tajba jew le sakemm ma tasalx biex inti dduqha, ma tistax itemgħha u għalhekk tiggustaha.

Il-bniedem li huwa bil-ġuħ fl-ispirtu huwa l-bniedem li jfittex in-nutriment u l-qawwa tiegħu fil-Kelma t’Alla, fis-Sagramenti u b’mod speċjali dak tal-Qrar u tat-Tqarbin Imqaddes fejn aħna nirċievu lil Ġesu’ nnifsu, l-ikel ta’ ruħna. Il-bniedem li jitnikket u jibki fuq ħajja moħlija u fuq id-dnub huwa bniedem li jasal għall-indiema sinċiera. Din twassal għall-ferħ u għall-liberta’ mill-iskjavitu tal-ħtija u tal-oppressjoni.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla jirrivela lilu nnifsu lil dawk li huma umli f’qalbhom. Hu jurihom l-għajn tal-ħajja fil-milja kollha tagħha u tal-ferħ li jiġi biss Minnu. Ġesu’ jwiegħed lid-dixxipli tiegħu li dak li se nduqu fil-ġenna se jkun ħlas bil-wisq għola għat-tiġrib u l-iebes li jkollna ngħaddu minnu biex ngħixu kif iridna Hu.

U inti sibtu l-ferħ veru?

Jekk le, agħti ċans lill-Mulej idewwqek dak li d-dinja ma tistax tagħtik – l-imħabba safja u bla kundizzjoni.

Jekk iva, qiegħed tgħożżu u tkabbru fik billi tfittex dak li hu n-nutriment vera tar-ruħ tiegħek, Alla nnifsu?

Itlob …

Mulej, kabbar il-ġuħ tiegħi għalik u kompli urini kif għandi ngħix fl-Imħabba tiegħek.

Marija Ommi għażiża, Inti li għext fqira fl-ispirtu, imma ma kien jonqsok xejn għax kellek lil Alla miegħek l-Awtur ta’ kull ħaġa tajba, għallimni biex inżomm lil Alla fl-ewwel post f’ħajti ħalli jien ukoll ngħix fil-veru ferħ tiegħu. Ammen.

7. Ir-Rit tal-Għeluq

Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.

Ir-Rit tal-GheluqIR-RIT TAL-GĦELUQ

Ir-rit tal-għeluq jitqassam hekk:

  • It-tislima u l-Barka tas-Saċerdot; f’xi ġranet u okkażjonijiet partikulari, il-Barka tingħata skont formula aktar solenni, jew qabilha tingħad talba għall-poplu;
  • Il-liċenzjament, jiġifieri d-Djaknu jew is-Saċerdot stess, jekk ma jkunx hemm Djaknu, jibgħat lil kulħadd fis-sliem, biex il-fidili joħorġu u jingħataw għall-ħidma tajba tagħhom u jfaħħru u jbierku lill-Mulej. (O.G.M.R. – 57).

It-tislima u l-Barka tas-SacerdotIT-TISLIMA U L-BARKA TAS-SAĊERDOT

Filwaqt li jiftaħ idejh, is-Saċerdot isellem lill-poplu u jgħid: “Il-Mulej magħkom” u l-poplu jwieġeb: “U miegħek ukoll.” Minnufih, is-Saċerdot iżid: “Iberikom Alla li jista’ kollox..” irodd is-Salib fuq il-poplu u dan iwieġeb “Ammen”. (O.G.M.R. – 124).

Waqt il-Benedizzjoni, is-Saċerdot jerfa’ jdejh ‘il fuq biex juri li huwa f’isem il-Knisja sejjer jitlob mingħand Alla, il-milja tal-Barka tas-sema fuq l-insara li jkunu madwaru. Imbagħad irodd fuqhom is-Salib biex juri li s-Sagrifiċċju tal-Kalvarju mwettaq fuq is-Salib huwa l-għajn ta’ kull grazzja u ta’ kull Barka.

Is-Sinjal tas-Salib li bih tinbeda ċ-ċelebrazzjoni Ewakristika, jimmarka wkoll it-tmiem tagħha. B’dan il-mod aħna nifhmu aħjar li ċ-ċelebrazzjoni kollha hija taħt il-ħarsien tat-Trinita’ Qaddisa, li minnha jiddependi fuq kollox it-twettiq tal-pjan tas-Salvazzjoni matul l-istorja.

Din il-Benedizzjoni tfakkarna f’dik li Kristu ta lil Ommu Marija u lid-dixxipli qabel ma ħalla d-dinja u tela’ fis-smewwiet. “Ħadhom sa ħdejn Betanja u refa’ idejh u berikom. U ġara li huwa u jberikom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. (Luqa 24: 50-51). Tfakkarna wkoll f’dik il-Barka li meta Kristu jidher fl-aħħar tad-dinja, biex jagħmel il-ħaqq, jagħti lit-tajbin bħala siġill tal-fidwa tiegħu: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.” (Mattew 25.34).

Il-Barka li s-Saċerdot jitlob fuq dawk li jieħdu sehem fil-Quddiesa hija s-sinjal li l-Mulej jibqa’ dejjem ma’ dawk li jemmnu sabiex isaħħaħhom fix-xhieda li jridu jagħtu lid-dinja. (Mattew 28. 20). In-nisrani jaf li l-Mulej mhux biss huwa preżenti fit-Tempju tal-ġebel, iżda jgħammar ukoll fil-qalb tiegħu, speċjalment jekk jilqa’ kif imiss il-Kelma t’Alla u t-Tqarbin Imqaddes. Kif kienu jistqarru fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, kull nisrani huwa Kristofru, jiġifieri jġorr miegħu lil Kristu.

Tmiem il-QuddiesaTMIEM IL-QUDDIESA

Wara l-Barka, is-Saċerdot igħaqqad idejh ma’ xulxin u jgħid “Morru fil-paċi ta’ Kristu” u kulħadd iwieġeb “Inroddu ħajr lil Alla” (O.G.M.R. – 124).

Is-Saċerdot ibus l-Altar u mbagħad isellem b’inklinazzjoni profonda jew b’ġenuflessjoni jekk ikun hemm it-Tabernaklu bis-Santissmu Sagrament, u jidħol ġewwa flimkien mal-Ministri. (O.G.M.R. – 125).

It-tislima “Morru fil-paċi ta’ Kristu” tfisser li għad li r-rit Ewkaristiku issa huwa mitmum, iżda għall-insara tibda ċelebrazzjoni oħra, li fiha hija mpenjata ħajjithom kollha kemm hi. Huma joħorġu mit-Tempju u jimxu fit-toroq tad-dinja, iżda għandhom ikunu fost ħuthom, “ix-xhieda tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu” bi kliemhom, bl-għemejjel tagħhom u b’ħajjithom kollha. Il-ħin taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, mela, huwa l-mument prezzjuż li fih, filwaqt li bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, nagħtu qima lil Alla, nikbru fl-imħabba u fl-għaqda tagħna mal-Feddej u mal-proxxmu tagħna, nitħeġġu u nitħejjew aħjar biex naqdu dmirijietna bħala nsara fis-soċjeta’.

Il-ħruġ mill-Knisja huwa sinjal ieħor ta’ dak il-pelleġrinaġġ jew mixja twila li l-insara jridu jwettqu ta’ kuljum biex jaslu fid-dar tal-Missier. Matul il-jum u matul il-ġimgħa, l-insara jitferrxu ‘l hawn u ‘l hemm biex kull wieħed minnhom iwettaq il-ħidma tiegħu ta’ kuljum, iżda jħossu li ma humiex weħidhom u lanqas mifrudin minn xulxin, għaliex jemmnu li jiffurmaw il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u mxierkin fi Knisja waħda, hekk li flimkien iġorru r-responsabbilta’ u jħarsu l-impenn li jkun xhieda ta’ Kristu fid-dinja.

6. Ir-Rit tat-Tqarbin

Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.

Ir-Rit tat-TqarbinIR-RIT TAT-TQARBIN

Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika hija l-ikla tal-Għid tal-Mulej. Għalhekk il-fidili mħejjija tajjeb, ikunilhom ta’ ġid jekk, skont il-kmandament tal-Mulej, jersqu jirċievu l-Ġisem u d-Demm tiegħu b’ikel spiritwali tagħhom. Hu għalhekk li jsir il-qsim tal-ħobż u r-riti l-oħra tat-tħejjija li bihom il-fidili jitressqu għat-Tqarbin. (O.G.M.R. – 56).

Fil-lejl qabel ma miet, is-Sinjur tagħna Ġesu’ kiel il-ħaruf tal-Għid flimkien mad-dixxipli tiegħu bħala ikla ta’ Sagrifiċċju. Skont it-tradizzjoni tal-Lhud, l-ikla tal-ħaruf li joffru lil Alla, kienet simbolu ta’ għaqda m’Alla u ma’ dawk kollha li jkunu jieklu flimkien. Hekk ukoll, bl-istess mod, għandna nifhmu t-Tqarbin Imqaddes. Aħna nieklu l-ħaruf tal-Għid tagħna li hu maqtul (1 Kor 5,7) jiġifieri nieħdu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u b’din l-ikla aħna nkunu nfissru l-għaqda tagħna mhux biss m’Alla f’Ġesu’ Kristu, imma wkoll ma’ dawk kollha li jitqarbnu magħna. (Missal għall-Ħdud daħla paġna 6).

Ir-riti li jsieħbu t-Tqarbin u li jservu bħala tħejjija għalih huma: il-Missierna, l-Emboliżmu, Ir-rit tal-paċi, Il-qsim tal-ħobż, Il-Ħaruf t’Alla, It-tħejjija privata tas-Saċerdot, “Dan hu l-Ħaruf t’Alla”, It-Tqarbin tas-Saċerdot, It-Tqarbin tal-fidili, Is-skiet jew innu wara t-Tqarbin, It-Talba ta’ wara t-Tqarbin.

It-Talba tal-Mulej (Missierna)IT-TALBA TAL-MULEJ (MISSIERNA)

Wara d-Dossoloġija, is-Saċerdot igħaqqad idejh ma’ xulxin u jgħid it-twissija ta’ qabel il-Missierna, imbagħad jiftaħ idejh u flmkien mal-poplu igħid il-Missierna. (O.G.M.R. – 110).

Fiha nitolbu lil Alla biex jagħtina l-ħobż ta’ kuljum, li lill-insara jfakkarhom fil-Ħobż Ewkaristiku, kif ukoll biex jaħfrilna dnubietna, ħalli l-ħwejjeġ qaddisa nirċievuhom tassew bil-qdusija. Is-Saċerdot jistieden lill-fidili għal din it-talba u lkoll igħiduha flimkien miegħu, imbagħad hu, waħdu, iżid l-Emboliżmu li l-poplu jagħlaq bid-Dossoloġija. (O.G.M.R. – 56a).

Il-Missierna li tingħad bħala tħejjija għat-Tqarbin hija t-Talba li għallimna Sidna Ġesu’ Kristu nnifsu, kif tinsab fl-Evanġelju ta’ San Mattew (6, 9-13). Fi żminijiet bikrin tal-Knisja, kienet meqjusa bħala oġġett sagru u prezzjuż, u l-insara kienu jħarsuha bħala sigriet qaddis. Ma kinitx tiġi reċitata b’leħen għoli u lanqas kienet tiġi miktuba sabiex ma jkunx hemm il-periklu li jgħidha xi ħadd li jkun għadu mhux imgħammed. Lanqas dawk li kienu jħejju ruħhom għall-Magħmudija ma kienu mħollijin igħiduha, qabel jirċievu dak is-Sagrament.

Hija orazzjoni fundamentali għall-insara. Fiha nsibu mhux biss xempju kif għandna nitolbu, iżda wkoll kif għandna ngħixu. Min jifhem sewwa l-Missierna, jifhem ukoll il-messaġġ ta’ Kristu għaliex hija ġabra fil-qosor tal-Evanġelju. Hija turina liema għandhom ikunu r-relazzjonijiet bejnietna u m’Alla, skont it-tagħlim ġdid ma’ Kristu, jiġifieri fiha jidher id-dmir li nħobbu ‘l Alla bħala Missier tagħna u lill-bnedmin kollha bħala ħutna. Min igħid bis-serjeta’ l-Missierna, jimpenja ruħu li jgħix skont it-tagħlim tal-Evanġelju. Mhux għaġeb għalhekk, li kważi s-Santi Padri kollha, għamlu kummenti fuq il-Missierna, fissruha lill-insara u nqdew biha sabiex jagħtu katekeżi lill-bnedmin ta’ żmienhom.

Skont Sant’Wistin (Sermo 17, 5, 5 – p.l. 38, 127) il-Missierna hija bħala purifikazzjoni jew tisfija spiritwali li jagħmlu l-insara, qabel ma jirċievu s-Sagrament Imqaddes, peress li fiha jingħadu l-kelmiet: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”

Wisq probabbli li kien San Girgor il-Kbir li ordna li l-Pater Noster jingħad wara t-Talba Ewkaristika, sabiex biha nfaħħru u nbierku lil Alla, bl-istess ta’ kliem, fil-preżenza tal-Ġisem u d-Demm għażiż tiegħu. (P.L.77, 956).

L-EmbolizmuL-EMBOLIŻMU

Wara l-Missierna, is-Saċerdot jibqa’ b’idejh miftuħa u waħdu jgħid l-Emboliżmu: “Eħlisna nitolbuk, Mulej…” li l-poplu jwieġeb għalih bid-Dossoloġija jew akklamazzjoni: “Għax tiegħek hi s-Saltna..” (O.G.M.R. -111).

L-Emboliżmu hu t-talba li tfisser iktar fit-tul l-aħħar talba tal-Missierna u fiha s-Saċerdot jitlob li l-ġemgħa kollha tal-fidili tkun meħlusa mis-setgħa tal-ħażin. L-istedina għat-talba tal-Missierna, it-talba stess, l-Emboliżmu u d-Dossoloġija tal-għeluq, jistgħu jitkantaw jew jingħadu b’leħen ċar. (O.G.M.R. 56a).

Fiż-żminijiet tan-nofs, wara l-Missierna, kienu jiġu miżjudin xi talbiet għall-għajnuna t’Alla, speċjalment meta l-insara kienu jkunu mhedda minn xi gwaj jew periklu. Fil-Liturġija tallum, bil-kelmiet tal-Emboliżmu ‘Eħlisna nitolbuk Mulej,” is-Saċerdot ikompli jitlob li niġu meħlusin mill-ħażen u mid-dnub u b’hekk nishru u ngħassu filwaqt li nistennew it-tieni miġja tal-Mulej, fil-glorja tiegħu li jagħtina s-sliem għal dejjem.

L-Ewkaristija li fiha nieħdu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, iżżomm ħajja fina t-tama tal-ħajja ta’ dejjem u tfakkarna fl-eternita’. L-Emboliżmu għandu jqanqal lill-insara sabiex jixtiequ u jistennew is-Saltna t’Alla, li tinkiseb fil-milja tagħha fid-dinja l-oħra. Imħeġġin minn din ix-xewqa l-insara jxandru l-qawwa u l-glorja t’Alla fid-Dossoloġija, li hija ġejja minn tradizzjoni antika u għadha tingħad mhux biss fil-Liturġija tagħna, iżda wkoll fil-Litruġiji Orjentali u fis-servizzi Liturġiċi tal-Knejjes tar-riforma.

Fl-Emboliżmu jidher ċar il-kuntrast bejn id-deni u l-ħażen minn naħa l-waħda u l-hena u l-paċi min-naħa l-oħra. Bħala fejqan għall-ħażen ta’ kull għamla, tal-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej, nitolbu li jkollna l-paċi. Iżda qabel xejn, nitolbu li nkunu meħlusa minn kull ħtija għaliex l-paċi esterna u l-ħelsien mill-hemm jiddependu mill-paċi interjuri li hija l-ħlusija mid-dnub u l-ħbiberija m’Alla.

Ir-rit tal-PaciIR-RIT TAL-PAĊI

F’dan ir-rit, nitolbu lil Alla biex jagħti s-sliem u l-għaqda lill-Knisja u lill-familja kollha tal-bnedmin, qabel ma jersqu biex jieħdu sehem flimkien minn ħobża waħda. (O.G.M.R. – 112).

It-talba li jgħid is-Saċerdot tfakkarna li Kristu, awl il-lejl qabel ma miet, fuq kollox talab għall-paċi u għall-għaqda fost dawk li jemmnu fih u għal dan il-għan ukoll ħallielna Ġismu u Demmu. L-ikbar espressjoni tal-għaqda tagħna fi Kristu hija t-Tqarbina minn ħobża waħda u minn Kalċi wieħed, iżda biex nitħejjew kif imiss għal din it-Tqarbina jeħtieġ li nkunu fil-grazzja t’Alla, jiġifieri fil-paċi ma’ Kristu u ma jkollniex mibgħeda għall-oħrajn, ċioe’ nkunu fil-paċi wkoll mal-proxxmu tagħna.

Il-ġesti tal-paċi, ma jfisser xejn jekk l-insara wara li jkunu talbu l-maħfra tal-Missier, ma jkunux lesti li jaħfru huma wkoll lil min għamlilhom id-deni. (Mat. 5.23). Fil-qalba tal-messaġġ tal-morali nisranija hemm l-imħabba tal-proxxmu u l-Ewkaristija hija s-Sagrament li jfisser u jipproduċi din l-imħabba u l-għaqda fost l-insara. Biex il-ġest tal-paċi jkun sinċier jeħtieġ li jkun imsieħeb max-xewqa u mal-impenn li wieħed jaħdem għal ftehim u l-għaqda fost l-insara. Waqt li nagħtu l-paċi lil xulxin, nitolbu lil Alla li jagħmilna strumenti tal-paċi tiegħu biex ikollna sehem mill-beatitudni ta’ Kristu: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.” (Matt 5.9)

Il-paċi u l-għaqda huma rigal li aħna nitolbu minn għand Alla għall-Knisja, u għall-bnedmin; iżda huma wkoll impenn tal-insara kollha, għax kull wieħed minnhom għandu jħabrek sabiex madwaru u fid-dinja kollha ssaltan il-paċi ta’ Kristu.

Permezz ta’ dan ir-rit, l-Ewkaristija tidher wisq tajjeb bħala sinjal tal-għaqda u rabta tal-karita’.

Il-Qsim tal-HobzIL-QSIM TAL-ĦOBŻ

Is-Saċerdot, wara li jikxef il-Kalċi, jieħu l-Ostja f’idejh, jaqsamha fuq il-Patena, jixħet fil-Kalċi biċċa żgħira minnha u jgħid taħt l-ilsien: “Il-Ġisem flimkien mad-Demm…” Sadanttant il-kor u l-poplu jkantaw jew jgħidu l-“Ħaruf t’Alla”. (O.G.M.R. – 113).

Ir-rit tal-qsim tal-ħobż huwa ġej minn żmien l-Appostli, fil-Liturġija Ewkaristika. Anzi din kienu jsejħulha “il-Qsim tal-Ħobż”, għaliex Kristu fl-Aħħar Ċena, qasam il-ħobż (Matt 26, 26; Mark 14, 22; Luqa 22, 19) u hekk ukoll għamel meta deher id-dixxipli t’Emmaus (Luqa 24,30).

Fil-Quddiesa, dan ir-rit isir sabiex is-Saċerdot ikun jista’ jitqarben u fl-antik l-insara kienu jitqarbnu bil-biċċiet li jinqatgħu minn Ostja waħda kbira. Iżda fir-rit hemm ukoll simboliżmu ċar.

Fir-Rabta l-Qadima (Ġenesi 15, 9 Ġeremija 34, 18, Eżodu 24, 4) insibu li l-vittmi tas-sagrifiċċju kienu jiġu maqsuma min-nofs. Dan il-qsim tal-Ostja jfisser il-mewt ta’ Kristu, il-vittma tas-Sagrifiċċju tar-Rabta l-Ġdida.

It-tfigħ ta’ biċċa żgħira mill-Ostja Kkonsagrata fid-Demm Imqaddes ġiet interpretata minn xi teoloġi medjevali, fosthom Durandus, bħala simbolu tal-qawmien ta’ Kristu, meta r-ruħ u d-Demm tal-Mulej reġgħu ngħaqdu ma’ Ġismu li kien fil-qabar, li mbagħad reġa’ ħa l-ħajja u qam mill-mewt. (S.Tumas, Summa Theol III, 9. 83a 5 ad 3).

Il-qsim tal-ħobż ifisser ukoll li aħna għalkemm aħna ħafna, insiru ġisem wieħed, meta fit-Tqarbin naqsmu bejnietna l-ħobża waħda tal-ħajja li hu Kristu. San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin (10, 16-17) kiteb: “Il-Ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-Ġisem ta’ Kristu? Għax la ħobża hi waħda, aħna, li aħna ġisem wieħed, ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda.”

Il-Haruf t'AllaIL-ĦARUF T’ALLA

Waqt il-qsim tal-ħobż u l-immissjoni, il-grupp tal-kant jew il-kantur igħidu l-invokazzjoni “Ħaruf t’Alla” u l-poplu jwieġeb. Din l-invokazzjoni titkanta jew tingħad b’leħen għoli u tista’ tibqa’ tirripeti ruħha kemm ikun hemm bżonn, sa ma jispiċċa r-rit tal-qsim tal-ħobż; fl-aħħar tagħlaq bil-kelmiet “agħtina l-paċi.” (O.G.M.R – 56 e).

Skont il-Liber Pontificalis ( 1. 376) kien il-Papa Serġju 1 (6887 -701) ta’ nazzjonalita’ greko-sirijaka, li daħħal l-Agnus Dei fil-Liturġija Rumana. Dan il-kant aktarx li kellu l-bidu tiegħu fil-pajjiżi tal-Lvant. Għall-ewwel, il-kant kien jiġi ripetut ħafna drabi, iżda mis-seklu tnax (XII) sakemm bdiet isseħħ l-aħħar riforma Liturġika, l-Agnus Dei kien jingħad biss tliet darbiet.

Il-kliem tal-Ħaruf t’Alla, li jsieħeb il-qsim tal-ħobż, ifakkarna fil-Ġisem issagrifikat ta’ Kristu u fid-Demm tiegħu mxerred waqt il-Passjoni. Fih ukoll invokazzjoni lil Kristu, il-Ħaruf tal-Għid tal-Patt il-Ġdid, maqtul iżda rebbieħ, kif jgħidilna San Ġwann fl-Apokalissi.

Hekk waqt li l-qsim tal-ħobż jissimboleġġa il-waqt li fih ġie minfud il-Ġisem ta’ Kristu fuq is-Salib għall-fidwa tal-ġens tal-bnedmin, bil-kliem tal-Agnus Dei, insejħu lil din il-Vittma Divina u Innoċenti sabiex tqassmilna l-frott tal-istess Sagrifiċċju billi tagħtina l-maħfra ta’ dnubietna u l-paċi.

Fl-Agnus Dei, għandu jkun ċar il-ħsieb tas-Sagrifiċċju, jiġifieri li Kristu sar Vittma għal dnubietna. L-insara għandhom jiftakru li Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa qiegħed fostna u jitolbu l-ħniena tiegħu.

It-thejjija privata tas-SacerdotIT-TĦEJJIJA PRIVATA TAS-SAĊERDOT

Is-Saċerdot iħejji ruħu b’talba waħdu minn taħt l-ilsien li fiha jitlob biex it-Tqarbina tiegħu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tkunlu ta’ ġid. Jagħżel waħda miż-żewġ talbiet: “Mulej Ġesu’ Kristu, Bin Alla ħaj…” jew “Mulej, Ġesu’ Kristu, nitolbok…” Il-fidili jagħmlu bħalu u jitolbu fis-skiet. (O.G.M.R. 56 f, 114).

Huma talbiet ta’ pjeta’ privata u ġew imdaħħla fil-Quddiesa aktarx li mhux qabel is-seklu għaxra. Xi wħud jaħsbu li ġew miktubin minn Alcuino, qassis ingliż għaref minn York, li miet fis-sena 804.

Filwaqt li t-talbiet ta’ qabel huma fil-plural, din it-talba tingħad fis-singular, għaliex tirreferixxi għas-Saċerdot waħdu.

Huwa importanti li min ikun ser jitqarben iħejji ruħu sewwa għall-Ikla Mqaddsa, kif iwissina l-Appostlu Missierna San Pawl fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin (11. 28-29). “Ħa jagħrbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-Kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-Ġisem tal-Mulej ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess.”

Fuq l-eżempju taċ-ċelebrant, anke l-insara li jkunu ser jieħdu sehem fit-Tqarbina tagħhom fis-Sagrifċċju Mqaddes, għandhom iħejju ruħhom kif jixraq b’xi talba li jgħidu f’qalbhom u billi jaħsbu fuq Dak li jkunu ser jirċievu.

Stedina ghall-mejda ta' KristuSTEDINA GĦALL-MEJDA TA’ KRISTU

Wara t-talba privata ta’ tħejjija, is-Saċerdot jagħmel ġenuflessjoni, iqum, jieħu f’idejh l-Ostja, iżommha merfugħa kemm kemm ‘il fuq b’idu l-leminija, bil-Patena taħtha f’idu, l-oħra, u b’wiċċu lejn il-poplu jgħid: “Dan hu l-Ħaruf t’Alla, Dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf.” (O.G.M.R. – 115). Hekk, waqt li juri lill-fidili l-Ħobż Ewkaristiku li bih ikunu ser jitqarbnu, jistedinhom għall-mejda tal-Mulej u flimkien magħhom jagħmel att ta’ fidi u umilta’: “Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.” (O.G.M.R. – 56g).

Il-kliem li jingħad immedjatament qabel it-Tqarbin huwa meħud mill-Kotba Mqaddsa tar-Rabta l-Ġdida. Bl-istess kliem, li jgħid is-Saċerdot, San Ġwann Battista wera lil Kristu, meta kien jitkellem mal-poplu fid-deżert: “Araw il-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.” (Ġwann 1.29). Fil-ktieb tal-Apokalissi (19.9) insibu t-tieni parti tal-istedina għat-Tqarbin. “Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf.” li huwa Kristu. Dan ifakkarna li l-Ewkaristija twassal għall-ikla jew festa kbira fil-hena tas-sema. It-talba li jagħmlu l-insara flimkien mas-Saċerdot hija meħuda mill-kliem li qal iċ-Ċenturjun lil Ġesu’, meta talbu biex ifejjaqlu lill-qaddej tiegħu: “Sinjur ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda int għid kelma waħda biss u l-qaddej tiegħi ifieq.” (Mattew 8.8).

it-tqarbin.jpgIT-TQARBIN

Is-Saċerdot waħdu, b’wiċċu lejn l-Altar, igħid fis-skiet, “ Il-Ġisem ta’ Kristu jħarisni għall-ħajja ta’ dejjem” u bl-qima kollha jitqarben bil-Ġisem ta’ Kristu. Bl-istess mod jieħu l-Kalċi, u jgħid: “Id-Demm ta’ Kristu jħarisni għall-ħajja ta’ dejjem,” u bil-qima kollha jixrob id-Demm ta’ Kristu. (O.G.M.R. – 116).

Imbagħad jieħu l-Patena jew il-Pissidi, jersaq lejn dawk li jkunu ser jitqarbnu u lil kull wieħed u waħda minnhom jurih l-Ostja, kemm kemm merfugħa quddiemu u jgħidlu: “Il-Ġisem ta’ Kristu”. Min ikun se jitqarben iwieġeb “Ammen”, u jirċievi s-Sagrament. (O.G.M.R. – 117).

Waqt it-Tqarbin tas-Saċerdot u tal-fidili, isir il-kant, jew minn floku tingħad l-antifona tat-Tqarbin li hemm fil-Missal. Iżda jixraq wisq iżjed li jsir il-kant f’dan il-ħin, għaliex b’hekk jidher aħjar li t-Tqarbin huwa rit ta’ festa. Ġesu’ nnifsu flimkien mal-Appostli tiegħu, kantaw fl-aħħar Ċena u din id-drawwa nżammet mill-insara tal-qedem. Dan il-kant tal-fidili waqt it-Tqarbin tagħhom ifisser ukoll li bħalma huma magħquda leħen wieħed flimkien, hekk ukoll ruħ waħda bejniethom u li b’qalbhom ferħana qegħdin iħossu iżjed li huma lkoll aħwa resqin flimkien biex jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu. (O.G.M.R. – 56 i). Barra minn hekk, sabiex l-insara jersqu lejn l-Altar għat-Tqarbin bl-ordni u bil-qima, jeħtieġ li tiġi fformata bħala proċessjoni u kull proċessjoni hija msieħba bil-kant.

Il-Knisja tixtieq ħafna li l-fidili jitqarbnu bl-Ostji Kkonsagrati fl-istess Quddiesa, ħalli jidher aħjar is-sinjal li t-Tqarbina hija sehem mill-istess Sagrifċċju li jkun qed jiġi ċċelebrat. (O.G.M.R. – 56 h). Din ix-xewqa tal-Knisja hija mfissra b’mod ċar mill-Papa Piju XII, fl-Enċiklika “Mediator Dei”: Hu tajjeb li l-poplu jersaq jitqarben, wara li jkun tqarben is-Saċerdot u ta’ min ifaħħar ‘l dawk li meta jkunu għall-Quddiesa jitqarbnu bl-Ostji Kkonsagrati fl-istess Sagrifiċċju; b’dan il-mod iseħħu tabilħaqq il-kelmiet: ‘biex aħna lkoll, li nieħdu sehemna mill-Altar u nitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm Imqaddes t’Ibnek, nimtlew b’kull barka u grazzja tas-sema.”

It-talba ta' wara t-TqarbinIT-TALBA TA’ WARA T-TQARBIN

Wara li jitqarben kulħadd, is-Saċerdot, jekk jibqa’ xi frak tal-Ostja, jiġbru, jippurifika l-Patena jew il-Pissidi fuq il-Kalċi, u mbagħad jippurifika l-istess Kalċi u jimsħu bil-Purifikatur. (O.G.M.R. – 120).

Wara l-purifikazzjoni tal-Kalċi, is-Saċerdot jista’ jerġa’ jmur fuq is-siġġu jew jibqa’ bilwieqfa. Jista’ jinżamm ftit ħin tas-skiet fil-ġabra, waqt li kulħadd ikun bilqiegħda, jew inkella joqgħodu bilwieqfa u jingħad xi Salm jew Kantiku ta’ tifħir. (O.G.M.R. – 121).

Meta jintemm ir-radd ta’ ħajr fis-skiet jew bil-kant is-Saċerdot, b’wiċċu lejn il-poplu jgħid “Nitolbu” u b’idejh miftuħa jlissen it-talba ta’ wara t-Tqarbin, li għaliha l-poplu jwieġeb: “Ammen”. (O.G.M.R. – 122).
F’dan il-ħin, is-Saċerdot jitlob lil Alla biex ixerred fuq kulħadd il-ġid tal-Misteru ċċelebrat.

5. Ir-Rakkont tat-Twaqqif tal-Ewkaristija

Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.

ir-rakkont-tat-twaqqif-tal-ewkaristija.jpgIR-RAKKONT TAT-TWAQQIF TAL-EWKARISTIJA

Permezz tal-kelmiet u l-ġesti ta’ Kristu, tiġi rappreżentata l-Aħħar Ċena li fiha l-Mulej Ġesu’ waqqaf is-Sagrifiċċju u s-Sagrament tal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu, meta taħt ix-xbihat tal-ħobż u tal-inbid ta lill-Appostli Ġismu mogħti b’Sagrifiċċju għall-bnedmin u Demmu li kellu jiġi mxerred għall-maħfra tad-dnubiet, sabiex dan ikun l-ikel u x-xorb tagħhom u ordnalhom li jkomplu jwettqu dan il-Misteru.

Il-kelmiet tal-Missal ma humiex meħudin kelma b’kelma mill-Evanġelju, iżda jiġbru t-test tas-Sinottiċi (Mattew, Mark, Luqa) flimkien ma’ dak tal-Appostlu San Pawl, fl-ewwel ittra lill-Korintin.

Is-Saċerdot dawn il-kelmiet tal-Konsagrazzjoni jgħidhom fil-persuna ta’ Kristu u japplikahom għall-ħobż u l-inbid li jkollu preżenti quddiemu. (S Theol III, 78 a5).

Bil-kelmiet qaddisa: “Dan hu Ġismi”, “Dan hu l-Kalċi ta’ Demmi” il-ħobż u l-inbid fuq l-Altar jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Jibqa’ biss ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid, iżda r-rejalta’ li hemm taħt dawk ix-xbihat tinbidel. Dak li hemm preżenti taħt dawn ix-xbihat, mhux iżjed ħobż u inbid, iżda huwa Kristu bil-ġisem u d-demm tiegħu. Din il-bidla tal-għaġeb, il-Knisja, issejħilha “Transustanzazzjoni.”

Sa mis-seklu XIII (tlettax) ġie mdaħħal fil-Quddiesa, wara l-kelmiet tal-Konsagrazzjoni, ir-rit tal-Elevazzjoni tal-Ostja u tal-Kalċi. Is-Saċerdot, jerfa’ l-Ostja Kkonsagrata, juriha lill-poplu, imbagħad jerġa’ jqiegħedha fuq il-Patena u jinżel għarkupptejh jaduraha. Hekk ukoll, wara l-Konsagrazzjoni tal-inbid, juri l-Kalċi bid-Demm Imqaddes lill-poplu, imbagħad iqiegħdu fuq l-Korporal u jinżel għarkupptejh jadurah.

Fl-aħħarnett, is-Saċerdot jgħid: “Dan hu l-Misteru tal-fidi” u l-poplu jwieġeb b’waħda mill-akklamazzjonijiet bħalma hija “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej…” L-Ewkaristija hija tabilħaqq il-Misteru tal-fidi għaliex tiġbor fiha l-pjan kollu tas-Salvazzjoni, imfassal minn Alla fl-imħabba infinita’ tiegħu għalina l-bnedmin, u mwettaq minn Ibnu, Ġesu’ Kristu Sidna, bil-mewt u l-qawmien tiegħu.

F’dan il-ħin tajjeb li niftakru fit-talba li għamel lil Kristu missier it-tifel imbikkem maħkum mix-xitan: kif insibu fl-Evanġelju: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi! (Mark 9:24) u nirrepetu f’qalbna din it-talba.

L-AnamnesiL-ANAMNESI

Il-Knisja, filwaqt li twettaq il-kmand li taha Kristu permezz tal-Appostli, tiċċelebra t-tifkira tal-Mulej Ġesu’ billi ġġibilna quddiem għajnejna l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jiġifieri l-passjoni, il-mewt, il-qawmien glorjuż tiegħu u t-tlugħ fis-sema.

L-ikla tal-Għid li l-Lhud kienu jiċċelebraw ta’ kull sena b’festa kbira u li Kristu ried jagħmel mal-Appostli tiegħu f’Ħamis ix-Xirka, kienet tifkira ħajja ta’ meta Alla ħeles lill-poplu magħżul tiegħu mill-jasar tal-Eġittu.

Meta ninġabru għall-Quddiesa, aħna nirrepetu b’tifkira dak li għamel Kristu fil-lejl ta’ qabel ma miet, fl-Aħħar ikla mal-maħbubin tiegħu. Ġesu’ newlilhom Ġismu mogħti b’Sagrifiċċju u Demmu li kellu jixxerred għalihom. Ħallielhom ukoll il-kmand jew ordni tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Din iċ-ċelebrazzjoni li nagħmlu aħna, hija marbuta mas-Sagrifiċċju li Kristu wettaq darba għal dejjem fuq il-Kalvarju. Hija t-tifkira u t-tiġdid tal-istess Sagrifiċċju, li l-Knisja tibqa’ ttenni sal-aħħar taż-żminijiet meta Kristu jerġa’ jiġi fil-Glorja tiegħu. Għalhekk San Pawl iwissina: “Kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-Kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.” (1Kor. 11:26).

L-Offerta tas-SagrificcjuL-OFFERTA TAS-SAGRIFIĊĊJU

Il-membri tal-Knisja, speċjalment dawk li jkunu miġburin flimkien għas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, joffru lill-Missier Alla, fl-Ispirtu s-Santu, il-Vittma bla tebgħa li huwa Kristu. Il-Knisja tixtieq li flimkien ma’ din il-Vittma, l-insara jitgħallmu joffru wkoll lilhom infushom u permezz ta’ Kristu jitwettqu dejjem iżjed fil-għaqda m’Alla u bejniethom, sabiex fl-aħħar Alla jkun kollox f’kulħadd.

Il-Quddiesa hija l-istess Sagrifiċċju tal-Kalvarju. Kemm fuq is-Salib u kif ukoll fuq l-Altar, Kristu huwa l-Vittma u s-Saċerdot ewlieni. Iżda meta kien merfugħ fuq is-Salib bejn l-art u s-sema, Kristu kien waħdu u qisu miċħud mill-bnedmin. Fil-Quddiesa, aħna noffru flimkien miegħu s-Sagrifiċċju u nħossuna magħqudin ħaġa waħda mal-Offerta ta’ Kristu, għax aħna membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu li hija l-Knisja.

L-Offerta ta’ Kristu, għalhekk, tiġbor fiha wkoll l-offerta tagħna, żgħira kemm hi żgħira. Hu offra lilu nnifsu, iżda aħna magħqudin miegħu, mhux biss fil-ħsieb u x-xewqa li nagħtu qima lil Alla, b’dan is-Sagrifiċċju, iżda wkoll billi mal-Vittma Divina ngħaqqdu wkoll l-offerta tagħna nfusna. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu biss b’indifferenza kif għamlu s-suldati fuq il-Kalvarju. Bħala membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, aħna noffru s-Sagrifiċċju flimkien miegħu u permezz tiegħu.

L-IntercessjonijietL-INTERĊESSJONIJIET

B’dawn it-talbiet li jagħmel iċ-ċelebrant, jidher ċar li l-Ewkaristija hija ċċelebrata f’xirka mal-Knisja kollha, dik tas-sema u dik tal-art, kif ukoll li s-Sagrifiċċju jiġi offrut għaliha u għall-membri tagħha kollha ħajjin u mejtin, li ġew imsejħa biex ikollhom sehem fil-fidwa li nkisbet bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

F’għaqda mal-qaddisin tal-Ġenna, il-Knisja titlob għall-membri tagħha mxerrdin mad-dinja. Waqt li tneħħi kull limiti ta’ spazju jew żmien, din it-talba tħaddan fiha wkoll lil dawk li diġa’ mietu u ltaqgħu mal-Mulej.

Fl-interċessjonijiet huma mfakkrin ukoll il-Papa, l-Isqof, l-Isqfijiet tad-dinja, dawk li jieħdu sehem fil-ministeru u fl-appostolat għall-ġid tal-Knisja. Inkunu fejn inkunu, meta nieħdu sehem fil-Quddiesa, għandna nħossuna magħqudin f’rabta spiritwali ma’ dawk li mietu qabilna u mal-bnedmin ħajjin kollha, filwaqt li nduqu minn qabel xi ftit mill-hena li jgawdu l-qaddisin fil-Ġenna.

Dan il-ħsieb li jiġbor fih l-umanita’ kollha kienu jehdew bih, anke l-insara tal-ewwel żminijiet kif jidher minn xi bċejjeċ tal-anafora ta’ San Mark tar-raba’ seklu. “Agħti l-paċi lill-erwieħ ta’ dawk li mietu, ftakar f’dawk li qegħdin nagħmlu t-tifkira magħhom illum, ftakar f’dawk li nafu isimijiethom u f’dawk li ma nafuhomx, ħares il-missirijiet fidili tagħna u l-Isqfijiet kullimkien u agħmel li aħna wkoll ikollna sehem mix-xorti tal-Profeti, tal-Appostli u tal-Martri qaddisa tiegħek.”

Id-Dossoloġija finaliID-DOSSOLOĠIJA FINALI

Din tikkonsisti fit-tifħir li jingħata lil Alla wieħed fi tliet Persuni u tintemm bl-akklamazzjoni tal-poplu. Is-Saċerdot jieħu f’idu l-waħda l-Patena bl-Ostja u f’oħra l-Kalċi u waqt li jgħollihom it-tnejn, igħid: “Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, jingħata lilek, Alla Missier li tista’ kollox, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem.” Il-poplu jwieġeb: “Ammen”.

Il-moħħ u l-qalb tagħna huma mistiedna biex jikkontemplaw il-Misteru ta’ Kristu u tat-Trinita’ Qaddisa. Waqt li nieħdu sehem fl-Offerta u fis-Sagrifiċċju ta’ Kristu, naħsbu wkoll fil-Misteru kbir li għarrafna Huwa wkoll u nagħtu ġieħ minn qalbna lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.

L-Elevazzjoni ż-żgħira tal-Ostja u l-Kalċi, jiġifieri l-ġest li bih is-Saċerdot jgħolli l-Patena u l-Kalċi bl-ispeċi Ewkaristiċi, waqt li jgħid “Bi Kristu…” hija tifkira tar-rit antik tal-Adorazzjoni tal-Ewkaristija li kienet issir f’dan il-ħin. Din l-Elevazzjoni hija wisq eqdem mill-ewwel Elevazzjoni, li tissejjaħ ukoll Elevazzjoni kbira, li ssir immedjatament wara l-Konsagrazzjoni u li ġiet imdaħħla fil-Quddiesa fis-seklu XIII bħala risposta u tpattija għal xi eretiċi li ċaħdu l-preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija.

Bil-kelma “Ammen” li jwieġeb il-poplu bħala konferma tat-talbiet kollha li jsiru fiha, tintemm it-Talba Ewkaristika.

Din il-kelma hija Lhudija (ebrajka) u skont il-kotba tar-Rabta l-Qadima, il-poplu t’Alla kien jinqeda biha biex jikkonferma wegħda jew patt, u bħala sinjal t’approvazzjoni fil-Litruġija tiegħu. F’dan il-ħin tal-Quddiesa, l-Ammen tal-poplu, tfisser il-kunsens u l-approvazzjoni tiegħu għas-Sagrifiċċju li jkun qed jiġi offrut lil Alla. Kif jikkummenta San Ġustinu (madwar is-sena 150 W.K) l-insara li jieħdu sehem fil-Quddiesa, permezz tal-Ammen li jgħidu, jikkonfermaw u jagħmlu tagħhom l-azzjoni Ewkaristika li jwettaq is-Saċerdot.

Huwa xieraq li l-insara jgħidu din l-Ammen, b’ferħ kbir u b’entużjażmu. San Ġilormu jwissi li din l-akklamazzjoni tal-poplu għandha tinstema’ tidwi bħal ħoss ta’ ragħda. Il-Papa Piju XII, fl-Enċiklika ‘Mediator Dei” jinsisti li l-insara fl-akklamazzjoni, magħqudin bir-rieda tagħhom mas-Saċerdot il-Kbir u mal-Ministru tiegħu, “m’għandhomx jinsew li flimkien ma’ Kristu Msallab, joffru lilhom infushom, ħsibijiethom, in-niket, id-dwejjaq, il-hemm u l-ħtiġijiet tagħhom.” (56).

4. Il-Liturġija Ewkaristika

Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.

il-liturgija-ewkaristika.jpg

IL-LITURĠIJA EWKARISTIKA

L-ikla tal-aħħar ta’ Kristu, li fiha huwa waqqaf it-tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu, issir dejjem preżenti fil-Knisja, billi s-Saċerdot li jirrappreżenta ‘l Kristu l-Mulej, jagħmel l-istess ħaġa li Kristu Sidna għamel u taha lid-dixxipli tiegħu biex jagħmluha b’tifkira tiegħu, meta hu waqqaf is-Sagrifiċċju tal-ikla tal-Għid.

Kristu ħa l-Ħobż u l-Kalċi, radd il-ħajr, qasam u ta lid-dixxipli tiegħu u qal: “Ħudu, kulu, ixorbu; dan huwa Ġismi; dan huwa l-Kalċi ta’ Demmi. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Kien għalhekk li l-Knisja nisġet iċ-ċelebrazzjoni kollha tal-Liturġija Ewkaristika f’taqsimiet li jwieġbu għal dawn il-kelmiet u l-azzjonijiet ta’ Kristu. U tassew:

  • Fit-tħejjija tal-Offerti, fuq l-Altar jitressqu ħobż u nbid bl-ilma, jiġifieri dawk il-ħwejjeġ li Kristu ħa f’idejh.
  • Fit-talba Ewkaristika jintradd ħajr lil Alla għall-opra kollha tas-Salvazzjoni u l-Offerti jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.
  • Bil-qsim ta’ ħobża waħda jintwera li l-fidili huma magħqudin ħaġa waħda u bit-Tqarbin, huma jieħdu Ġisem u Demm il-Mulej, bl-istess mod kif għamlu l-Appostli minn idejn Kristu nnifsu. (O.G.M.R. – 48).

Matul il-Liturġija tal-Ewkaristija, l-attenzjoni tagħna għandha tinġabar fuq it-tliet atti importanti li minnhom hu magħmul il-Misteru Ewkaristiku.

Fl-Offetorju jew tħejjija tal-oblati, nersqu lejn Alla bl-Offerti tagħna, meta nippreżentawlu l-ħobż u l-inbid għas-Sagrifiċċju; fil-Konsagrazzjoni, Kristu jiġi fostna bil-preżenza Ewkaristika tiegħu fuq l-Altar biex iġedded is-Sagrifiċċju li wettaq darba għal dejjem fuq il-Kalvarju; fit-Tqarbin, Kristu jiġi għandna biex iqaddisna bil-grazzja tiegħu u jmantnina spiritwalment bil-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu.

Fit-tħejjija tal-oblati, għalhekk, flimkien mas-Saċerdot, l-insara għandhom “joffru lilhom infushom u minn jum għall-ieħor, permezz ta’ Kristu Medjatur, jitqaddsu fl-għaqda m’Alla u bejnhom infushom biex Alla jsir tabilħaqq kollox f’kulħadd.” (Sacrosanctum Concilium – 48). Il-ħajja tagħna kollha għandna tiġi ppreżentata lil Alla bil-ferħ u bin-niket tagħha, bit-tbatija u l-ħidma ta’ kull ġurnata. Huwa l-ħin li nressqu quddiem it-tron tal-Mulej, il-problemi personali tagħna, tal-familja u tal-Knisja kollha. Żgur li ħajjitna jkollha tifsira wisq isbaħ jekk nitgħallmu noffruha ta’ kuljum lill-Missier tagħna tas-sema.

Fil-ħin tal-Konsagrazzjoni, imbagħad, filwaqt li b’miraklu sublimi l-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, għandna nitolbuh il-grazzja li neqirdu minna dak kollu li mhux skont il-qalb t’Alla u li nittrasformaw ruħna fi Kristu, sabiex ħajjitna tkun dejjem iżjed magħquda ma’ Tiegħu.

Fl-aħħarnett, fil-ħin tat-Tqarbin, għandna niftakru li l-Quddiesa hija l-laqgħa ta-Familja t’Alla, madwar il-mejda mħejjija mill-Missier. Jeħtieġ li nkunu persważi li ma nistgħux ngħixu għat-tul fil-grazzja t’Alla u fil-ħbiberija miegħu, jekk ma nersqux ta’ spiss lejn il-Mejda Ewkaristika.

Il-Processjoni bl-OffertiIl-PROĊESSJONI BL-OFFERTI

Fil-bidu tal-Liturġija Ewakristika, jitħejja l-Altar billi fuqu jitqiegħdu l-Korporal, il-Purifikatur, il-Kalċi u l-Missal. Imbagħad jitressqu l-Offerti tal-ħobż u l-inbid li iktar tard bil-Konsagrazzjoni tagħhom isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Sas-seklu ħdax, fil-Knisja kien hemm id-drawwa li l-insara kienu jġibu magħhom minn darhom l-offerti tagħhom u f’dan il-ħin tal-Quddiesa, jifformaw proċessjoni u jersqu lejn l-Altar biex inewlu liċ-ċelebrant il-ħobż u l-inbid għas-Sagrifiċċju, flimkien ma’ ħwejjeġ oħra għall-fqar.

Fiċ-ċelebrazzjoni Liturġika kif issir illum, ikun jaqbel ħafna jekk il-fidili bħala sinjal tas-sehem tagħhom fil-Quddiesa, itellgħu l-Offerti tal-ħobż u l-inbid għall-Ewkaristija jew offerti oħra li jservu għall-ħtiġijiet tal-Knisja jew tal-foqra.

Is-Saċerdot, bil-għajnuna tal-Ministri, jirċievu l-Offerti, il-ħobż u l-inbid għall-Ewkaristija jitqiegħdu fuq l-Altar, u l-Offerti l-oħra jitpoġġew f’post adatt. (O.G.M.R. – 101).

Jekk waqt iċ-ċelebrazzjoni, issir xi ġabra għall-Knisja jew għal opra tajba, jixraq li din tibda wara t-talba tal-fidili u tintemm qabel ma jibda l-prefazju.

L-Offerta ta’ kull wieħed hija parti mill-azzjoni Liturġika. Min jagħti l-Offerta tiegħu, b’mod simboliku juri li qed jieħu sehem fis-Sagrifiċċju ta’ Kristu. Barra minn hekk, din hija prova li huwa jinteressa ruħu mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu li tiegħu huwa membru. Fl-ewwel ittra lill-Korintin (16,2) San Pawl iħeġġeġ lill-insara biex ikunu ġenerużi u jagħtu milli jistgħu.

Waqt il-proċessjoni bl-Offerti, isir il-kant għall-Offertorju, għall-inqas sa mal-Offerti jitqiegħdu fuq l-Altar. (O.G.M.R. – 50).

L-offerta tal-hobzL-OFFERTA TAL-ĦOBŻ

Is-Saċerdot fuq l-Altar jieħu l-Patena bil-ħobż u waqt li b’idejh it-tnejn iżommha kemm kemm merfugħa ‘l fuq.

Huwa ċert li l-Appostli u s-Saċerdoti tal-ewwel żminijiet tal-Kristjaniżmu, ma kienux jużaw formuli jew talbiet determinati waqt l-oblazzjoni ċioe’ fl-Offerta tal-ħobż u tal-inbid. Għal ħafna sekli fil-Knisja ma kien hemm xejn preskritt rigward din il-ħaġa, kif jidher mis-Sagramentarji antiki.

Skont l-aħħar riformi Liturġiċi, is-Saċerdot waqt li joffri l-ħobż igħid: “Imbierek int, Mulej, Alla tal-ħolqien kollu għax fi tjubitek tajtna l-ħobż li qegħdin noffrulek, frott tal-art u xogħol il-bniedem li minnu jsir għalina l-ħobż tal-ħajja” u l-insara jwieġbu: “Imbierek Alla għal dejjem.”

Il-Mulej fl-Aħħar Ċena, ikkonsagra l-ħobż ażżmu, għaliex fi żmien l-Għid meta Kristu, kif naqraw fl-Evanġelju, għamel l-Aħħar Ċena u waqqaf l-Ewkaristija, il-Lhud ma kienux jieklu ħobż bil-ħmira.

Il-ħobż huwa magħmul minn qamħ mitħun u magħġun bl-ilma. Fid-Didache’ jew id-Duttirna tal-Appostli (kap 9) waħda mill-kitbiet l-iktar antiki fil-Knisja, insibu din it-talba: “Kif dan il-ħobż kien imxerred fuq l-għoljiet u mbagħad sar ħaġa waħda, hekk ukoll il-Knisja tiegħek tinġabar mit-truf kollha tal-art fis-Saltna tiegħek.” L-Ostja mela tissimboleġġja l-għaqda mistika tal-insara kollha fi Kristu. Peress li l-qamħ biex isir dqiq abjad jeħtieġ li jiġi mitħun, hekk ukoll ir-rieda tal-bniedem, jeħtieġ li tgħaddi mill-magħsar tal-umilta’ u taċ-ċaħda, biex tikseb is-safa li biha togħġob lil Alla.

Meta s-Saċerdot, f’isimna joffri l-ħobż u l-inbid, li huma l-frott ordinarju tal-art, għandna niftakru li fuq kollox lil Alla, għandna noffrulu r-rieda tagħna. Noffrulu wkoll, it-talb tagħna, xogħolna, in-nieket u l-ferħ li jkollna u ħajjitna kollha, filwaqt li nagħrfu li f’kollox niddependu minn Alla, għaliex Huwa ħalaqna u hu s-Sid tagħna.

100912-M-2275H-196L-OFFERTA TAL-INBID

Qabel ma jagħmel din l-offerta, is-Saċerdot jixħet l-inbid fil-Kalċi, u mbagħad iżid ftit qatriet tal-ilma, waqt li b’leħen baxx, igħid il-formula: “Bil-misteru ta’ dan l-ilma u inbid, ikollna sehem fin-natura divina ta’ Kristu, kif hu jissieħeb magħna fin-natura tagħna l-bnedmin.” Imbagħad jieħu l-Kalċi f’idejh it-tnejn u jżommu kemm kemm merfugħ ‘l fuq f’nofs l-Altar, waqt li jgħid il-formula: “Imbierek int, Mulej, Alla tal-ħolqien kollu għax fi tjubitek tajtna l-inbid li qegħdin noffrulek frott tad-dielja u xogħol il-bniedem li minnu jsir għalina x-xorb tar-ruħ.” Il-poplu jwieġeb “Imbierek Alla għal dejjem.”

Wara li jqiegħed il-Kalċi fuq il-Korporal, is-Saċerdot jitbaxxa u jgħid fis-skiet: “Ilqagħna, Mulej, Alla tagħna, umli u niedma quddiemek u agħmel li jkun jogħġbok dan is-Sagrifiċċju li sejrin noffrulek.” (O.G.M.R. – 103 -104).

Id-drawwa li mal-inbid jintefgħu xi qatriet tal-ilma hija antika ħafna fil-Knisja u dwarha jitkellmu kemm San Ġustinu kif ukoll San Ċiprijanu.

It-tifsira ta’ din it-taħlita tal-ilma mal-inbid, jagħtihielna l-Konċilju ta’ Trentu (sessjoni XIII). Wisq probabbli li anke Kristu fl-Aħħar Ċena żied xi qatriet tal-ilma mal-inbid, kif kienu jużaw mhux biss l-Iżraeliti, iżda wkoll il-Greċi u r-Rumani ta’ dak iż-żmien. Din it-taħlita tfakkarna wkoll li mill-kustat minfud ta’ Kristu, ħarġu qatriet ta’ demm u ilma.

Tifsira oħra simbolika, jagħtiha San Ċiprijanu, (Apol 17,1,15): L-inbid ifisser Kristu u l-qatriet tal-ilma l-insara. Kif l-inbid u l-ilma jsiru ħaġa waħda, hekk l-insara għandhom ikunu magħqudin ma’ Kristu ir-Ras tagħhom.

It-talba li tingħad mis-Saċerdot, waqt it-tfiegħ tal-ilma, “Bil-misteru” turina tifsira oħra, jiġifieri l-għaqda tan-natura umana man-natura Divina, fil-persuna ta’ Kristu, Iben t’Alla, li sar bniedem għall-fidwa tagħna.

It-talba li jgħid fl-aħħar is-Saċerdot b’leħen baxx “Ilqagħna Mulej…” hija meħuda mill-kelmiet tat-tlett itfal ta’ Babilonja, li kienu ġew ikkundannati biex jiġu mitfugħa fil-forn tan-nar, u li nsibuhom fil-ktieb tal-profeta Daniel (3, 39-40). Fiha wkoll l-istess ħsieb tas-Salm penitenzjali “Miserere” (Salm 51. 19). “Is-Sagrifiċċju tiegħi, o Alla hu l-qalb niedma, qalb maqsuma u sobgħiena, ma twarrabhiex o Alla.”

Is-Sagrifiċċju estern huwa simbolu tas-Sagrifiċċju intern, kif igħallimna Sant’ Wistin (De Civitate Dei, 10, 16). Is-Sagrifiċċju li noffru b’mod li jidher, ifisser is-Sagrifiċċju spiritwali, li bih ir-ruħ toffri lilha nfisha ‘l Alla. Għalhekk l-offerta tad-doni materjali u li jidhru, ċioe’ tal-ħobż u l-inbid, għandha tkun imsieħba mas-Sagrifiċċju intern tas-Saċerdot u tal-insara, jiġfieri s-Sagrifiċċju tal-qalb umli u niedma.

Propju biex ifisser dan is-sentiment ta’ ndiema, is-Saċerdot, ibaxxi rasu quddiem l-Altar, waqt li jlissen dik it-talba.

Il-Hasil tal-idejnIL-ĦASIL TAL-IDEJN

Imbagħad is-Saċerdot imur fil-ġenb tal-Altar, il-Ministru jsawwablu l-ilma u hu jaħsel idejh u jixxottahom, waqt li jgħid il-formula preskritta: “Naddafni Mulej minn ħżuniti u d-dnub tiegħi aħfirli.” (O.G.M.R. – 106).

Dan hu r-rit li bih hija mfissra x-xewqa ta’ safa tal-qalb. (O.G.M.R. – 52).

Id-Duttur tal-Knisja San Tumas (S Theol III q.83 a 2) jagħti żewġ raġunijiet għaliex is-Saċerdot fil-Quddiesa jaħsel subgħajh. “Peress li meta mmissu xi ħwejjeġ prezzjużi, dan nagħmluh b’idejna maħsulin, ma jidhirx li huwa xieraq li wieħed jersaq lejn dan is-Sagrament hekk kbir, jekk idejh ma jkunux nodfa, anke materjalment… Il-ħasil ta’ tarf is-swaba, kif jgħallem Dionisju, ifisser it-tisfija anke mid-dnubiet iż-żgħar, kif insibu f’San Ġwann (13. 10). “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu.” Fi kliem ieħor, dan ir-rit għandu tifsira simbolika jiġifieri min irid iwettaq is-Sagrifiċċju Mqaddes, jeħtieġ li jkun safi u ħieles mill-ħtijiet.

Waqt li jwettaq dan ir-rit, is-Saċerdot, jirreċita talba qasira li tfakkarna fil-kliem tas-salmista: “Minħabba l-isem tiegħek, Mulej, aħfirli ħżuniti.” (Salm 25).

It-talba fuq l-offertiIT-TALBA FUQ L-OFFERTI

Is-Saċerdot f’nofs l-Altar u wieqaf b’wiċċu lejn il-poplu, jiftaħ u jagħlaq idejh filwaqt li jistieden ‘l-insara għat-talb billi jgħid: “Itolbu ħuti biex is-sagrifiċċju tiegħi u tagħkom ikun jogħġob lil Alla l-Missier li jista’ kollox.” Il-poplu jwieġeb: “Jilqa’ l-Mulej minn idejk is-Sagrifiċċju għat-tifħir u l-glorja ta’ ismu għall-ħtiġijiet tagħna u tal-Knisja Mqaddsa kollha tiegħu.” Imbagħad is-Saċerdot jiftaħ mill-ġdid idejh u jgħid it-talba fuq l-offerti, li għaliha l-poplu jwieġeb: “Ammen.” (O.G.M.R. – 107).

Dan ir-rit kellu l-bidu tiegħu fil-Liturġija Gallikana. Għall-ewwel iċ-ċelebrant kien jagħmel din l-istedina lis-Saċerdoti li kien ikollu madwaru biss. Iktar tard, din l-istedina bdiet issir lill-insara kollha miġburin fil-Knisja. L-istedina għat-talb li s-Saċerdot jagħmel lill-ġemgħa tal-insara għandha tħejji l-attenzjoni tagħhom u tħeġġiġhom għat-talba fuq l-Offerti. Fit-tweġiba tagħhom, l-insara jiftakru li s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa jiswa ta’ ġid mhux biss għal dawk li jkunu preżenti waqt iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, iżda għall-Knisja kollha li hija miftuħa għall-bnedmin kollha, għax għalihom Kristu xerred demmu bħala prezz tal-fidwa.

It-talba fuq l-Offerti, “Super oblata” hija msemmija fis-Sagramentarju Ġelasjan tas-seklu VIII u fis-Sagramentarji Gregorjani. Aktarx li f’din it-talba jissemmew l-Offerti jew is-Sagrifċċju Ewkaristiku u s-Saċerdot jitlob li dan jiswa għas-saħħa spiritwali, biex ifiequ mill-vizzji tagħhom, jiksbu l-maħfra ta’ dnubiethom u jiġbdu fuqhom il-barkiet tal-ħniena t’Alla. Is-Saċerdot f’isem kulħadd, jitlob ‘l Alla biex ibierek u jilqa’ l-offerta tal-insara.

Hija talba importanti, li sservi bħala egħluq tar-rit tat-tħejjija tal-Offerti u twassal għat-talba Ewkaristika. Il-poplu jismagħha bilwieqfa u għaliha jwieġeb: “Ammen.”

It-talba Ewkaristika (Preci)IT-TALBA EWKARISTIKA (PREĊI)

It-talba Ewkaristika hija ċ-ċentru u l-quċċata taċ-ċelebrazzjoni kollha: hija t-talba ta’ radd il-ħajr u tal-Konsagrazzjoni. Permezz tagħha, il-ġemgħa tal-insara tissieħeb ma’ Kristu sabiex ixxandar l-għemejjel kbar t’Alla u biex toffri s-Sagrifiċċju. L-insara joffru l-Vittma Divina minn idejn is-Saċerdot, iżda wkoll flimkien mas-Saċerdot jitgħallmu joffru lilhom infushom lil Alla.

F’din il-parti taċ-ċelebrazzjoni Liturġika, jitwettaq il-Misteru mqaddes tal-Ewkaristija, is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa. Dwaru, il-Konċilju Vatikan II, igħidilna: “Is-Salvatur tagħna fl-Aħħar Ċena, fil-lejl li fih kien ittradut, waqqaf is-Sagrifiċċju Ewkaristiku tal-Ġisem u d-Demm tiegħu li bih is-Sagrifiċċju tas-Salib jibqa’ jiġġedded tul iż-żminijiet, sal-miġja tiegħu, u b’hekk iħalli lill-Knisja, l-għarusa maħbuba tiegħu, it-tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt.” (Sacrosanctum Concilium n. 47)

It-talba Ewkaristika hija att tal-Ministru Saċerdotali. Igħidha s-Saċerdot għaliex hu jippresiedi l-ġemgħa f’isem Kristu. Huwa l-interpretu kemm tal-leħen t’Alla li jkellem lill-poplu tiegħu, kif ukoll tal-leħen tal-poplu li jitlob lil Alla. Għal din ir-raġuni, it-Talba Ewkaristika jgħidha s-Saċerdot waħdu, filwaqt li l-insara miġburin għaċ-ċelebrazzjoni Liturġika jisimgħu fis-skiet u jieħdu sehem fl-akklamazzjonijiet. (Qaddis, Qaddis, Qaddis… Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej… eċċ).

Barra mit-tliet talbiet Ewkaristiċi, għall-Quddiesa tat-tfal, li kienu ġew approvati fl-1976, il-Missal Ruman fih Erba’ Talbiet Ewkaristiċi għall-Quddies tal-Ħdud u l-ġranet l-oħra (Ara Żieda ‘A’). Minnhom is-Saċerdot jagħżel waħda li tkun taqbel kemm għaċ-ċirkustanzi li fihom tkun qiegħda ssir iċ-ċelebrazzjoni Liturġika, kif ukoll għall-mentalita’ ta’ dawk li jieħdu sehem fiha.

Kull waħda mit-talbiet Ewkaristiċi fiha dawn l-elementi li ġejjin:

  1. Ir-Radd il-Ħajr, imfisser l-aktar fil-Prefazju.
  2. L-akklamazzjoni (Qaddis, Qaddis, Qaddis).
  3. L-Epiklesi (talba biex Alla jqaddes l-Offerti).
  4. Ir-Rakkont tat-twaqqif tas-Sagrifiċċju u l-Konsagrazzjoni.
  5. L-Anamnesi, ċioe’ t-tifkira tal-Passjoni u l-Qawmien ta’ Kristu.
  6. L-Offerta tal-Vittma u tagħna nnfusna.
  7. L-interċessjonijiet għall-membri tal-Knisja ħajjin u mejtin.
  8. Id-Dossoloġija jew tifħir lil Alla.

il-prefazju.jpgIL-PREFAZJU

Is-Saċerdot jibda t-Talba Ewkaristika b’idejh miftuħa biex juri li huwa qiegħed ikellem jew jiddjaloga mal-poplu u jgħid: “Il-Mulej magħkom.”Imbagħad is-Saċerdot ikompli jgħid: “Nerfgħu qlubna ‘l fuq” b’idejh merfugħa li huwa ġest li jfakkarna f’Alla u fil-ħwejjeġ tas-sema. Fl-aħħar iżid “Niżżuħajr lill-Mulej Alla tagħna” b’idejh miftuħa. Il-poplu jwieġeb: “Hekk sewwa u xieraq” u s-Saċerdot igħid il-prefazju. Fit-tmiem tiegħu, is-Saċerdot igħaqqad idejh ma’ xulxin u flimkien mal-Ministri u l-poplu kollu, ikanta jew igħid b’leħen ċar: “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” (O.G.M.R. – 108).

Kristu fl-Aħħar Ċena waqqaf l-Ewkaristija, wara li radd il-ħajr. Is-Saċerdot fil-Prefazju, bħal Kristu jrodd ħajr lil Alla. Skont it-tagħlim tal-fidi, il-ħajja tagħna nisranija għandha tkun fuq kollox ħajja ta’ tifħir u radd il-ħajr lil Alla. F’isem il-poplu qaddis, is-Saċerdot isebbaħ lil Alla l-Missier u jiżżiħajr għall-opra tas-Salvazzjoni kollha kemm hi jew għal xi aspett partikulari tagħha, skont il-ħsieb tal-Liturġija tal-ġurnata jew tal-festa jew taż-żmien li jaħbat. (O.G.M.R. – 55a).

Din it-talba ta’ qabel is-Sanctus, tissejjaħ “Prefazju” għaliex hija bħal daħla jew il-parti tal-bidu tat-Talba Ewkaristika. Skont l-użu tal-Liturġija antika, Prefazju jfisser ukoll talba solenni magħmula lil Alla , quddiem ġemgħa ta’ nies.

Sa mill-ewwel sekli tal-istorja tal-Knisja nsibu ħjiel tal-Prefazju. Difatti San Ċiprijanu (De Orat. Dom. C.31) ħalla miktub: “Ħuti għeżież, meta nqumu għall-orazzjoni, għandna noqogħdu attenti u nitħeġġu għat-talb b’qalbna kollha… Difatti s-Saċerdot qabel it-talb tal-Prefazju, li huwa bħal daħla, iħejji r-ruħ tal-aħwa billi jgħid ‘Nerfgħu qlubna ‘l fuq u meta l-poplu jwieġeb ‘Nerfgħuhom lejn il-Mulej’, huwa mwissi li ma għandux jaħseb f’xejn iżjed ħlief fil-Mulej.”

L-AkklamazzjoniL-AKKLAMAZZJONI

Wara l-Prefazju li jingħad mis-Saċerdot, il-ġemgħa kollha tingħaqad mal-qtajja’ tas-sema u tfaħħar ‘l Alla. “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” Din l-akklamazzjoni li hi parti mill-istess Talba Ewkaristika, igħidha jew ikantaha l-poplu kollu flimkien mas-Saċerdot. (O.G.M.R. – 55b).

Din l-akklmazzjoni mill-Griegi tissejjaħ Epinicio, bħala quċċata u tmiem glorjuż tal-Prefazju; mil-Latini xi drabi tissejjaħ “trisaġju anġeliku” jiġifieri t-tifħir tal-anġli, ripetut għal tliet darbiet, u iktar spiss tissejjaħ “Sanctus”, mill-ewwel kelma “Qaddis.”

Is-Sanctus ġie mdaħħal fil-Liturġija tal-Quddiesa fil-belt ta’ Alessandria, f’nofs ir-raba’ seklu u jinsab fit-talba Ewkaristika ta’ Sarapion ta’ madwar is-sena 350. Aktarx li f’Ruma ġie mdaħħal fil-kanoni bejn is-snin 417 u 432. Il-Liber Pontificalis igħidilna li s-Sanctus huwa l-għajn tal-poplu, it-tweġiba tal-insara wara li jkunu semgħu dwar l-għemejjel kbar t’Alla f’opra tal-fidwa, li jkunu ġew imxandra fil-Prefazju.

L-ewwel kelmiet tas-Sanctus huma meħudin mill-ktieb tal-Profeta Iżaija (6,3); il-kelmiet l-oħra “Imbierek min ġej, f’isem il-Mulej” huma l-għanja tal-poplu li laqa’ bil-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ lil Kristu, riekeb fuq felu, fid-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm, kif insibu fl-Evanġelju. (Mattew 21,9; Mark 11,10)

L-EpiklesiL-EPIKLESI

Il-Knisja b’talba speċjali ssejjaħ il-qawwa divina sabiex l-Offerti mogħtija mill-bnedmin jiġu Kkonsagrati, billi jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u sabiex ukoll il-Vittma bla tebgħa, li tingħata lilna fit-Tqarbin, twassal għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jitqarbnu.

Il-kelma “epiklesi” li biha tissejjaħ din it-talba ġejja mill-grieg u tfisser it-talba jew karba ħerqana ta’ xi ħadd li jkun f’xi ħtieġa kbira u jitlob l-għajnuna ta’ xi ħadd ieħor iktar setgħani minnu. Fil-Quddiesa, is-Saċerdot jinvoka l-Ispirtu s-Santu biex bil-qawwa tiegħu l-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, li huwa s-Saċerdot ewlieni u l-Vittma ta’ dan is-Sagrifiċċju tal-Altar.

F’xi ħin, waqt din it-talba, is-Saċerdot iżomm idejh miftuħa fuq il-Kalċi u l-Ostja. Dan il-ġest beda jitwettaq fil-Knisja universali, mir-riforma Liturġika tal-Papa San Piju Ħamsa, filwaqt li awturi antiki jsemmu li s-Saċerdot f’dan il-mument tal-Quddiesa kien jagħmel inkin profond, jiġifieri jbaxxi rasu lejn l-Altar. Din iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-idejn tixbah lil dik Mose’ f’isem Alla kien ordna li jagħmlu s-Saċerdoti li jkunu ser joffru l-vittmi tas-sagrifiċċju. “Iqiegħed idu fuq ras id-debha, u tkunu milqugħa b’maħfra għalih.” (Levitku 1,4).

It-tqegħid tal-idejn huwa meqjus ukoll bħala rit ta’ benedizzjoni jew tberik u jfisser li aħna għandna sehem f’dik il-barka. Dan il-ġest iħabbar li l-Konsagrazzjoni Ewkaristika hija fil-qrib.

22. Riflessjoni fuq Mark 8: 1-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 8: 1-10

Jesus-is-Better-Mark-8-1-10-14-21-part-w-1L-Evanġelju skont San Mark 8: 1-10

[Mk:8:1] F’dak iż-żmien, reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu. Ġesu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom:

[Mk:8:2] “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu.

[Mk:8:3] Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.”

[Mk:8:4] Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?”

[Mk:8:5] Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa.”

[Mk:8:6] Mbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewwluhom lin-nies, u huma newwluhomlhom.

[Mk:8:7] U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewwlu dawn ukoll.

[Mk:8:8] U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal, sebat iqfief!

[Mk:8:9] U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ!

[Mk:8:10] Mbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li tista’ taqtagħlna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?

Folla kbira ta’ nies inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’ bla dubju għax kellhom ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-riżorsi biex jitimgħuhom. Huma kkummentaw ukoll li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu tal-inqas paga ta’ sitt xhur. Ġesu’ l-Ħobż tal-Ħajja ħa l-ftit li kellhom, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema qasmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu.

Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna. Ikun iridna nagħtuh il-ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li Hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel huma l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Evanġeli.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-miraklu?

Dan il-miraklu fakkar lill-poplu fil-Providenza t’Alla meta temgħahom fid-deżert, meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mose’. Dawn meta qabadhom il-ġuħ, Alla bagħatilhom il-manna x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel mis-sema kuljum fuq l-altari tagħna, li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan ma jmut qatt imma jgħix b’Ġesu’ għall-eternita’.

Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih il-ftit tiegħek b’fiduċja li Hu bih se jibdel il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?

Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull Quddiesa li titqaddes, jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll.

Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċievih jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?

Itlob …

Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmana Bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-Quddiesa u t-Tqarbina, anki dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta’ xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu jduqu mill-benna li Int biss taf tagħti, l-benna tiegħek innifsek. Ammen.

21. Riflessjoni fuq Mark 7: 31-37

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 7: 31-37

Disciples_Return_to_Jesus_001L-Evanġelju skont San Mark 7: 31-37

[Mk:7:31] F’dak iż-żmien, Ġesu raġa’ telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli.

[Mk:7:32] U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu.

[Mk:7:33] Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir- riq tiegħu.

[Mk:7:34] Mbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata!” jiġifieri,”Infetaħ!”

[Mk:7:35] U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.

[Mk:7:36] Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh.

[Mk:7:37] U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int tistenna lill-Mulej jittrattak sew?

Kull ma kien jagħmel Ġesu’ kien jagħmlu sew. Hu wera kemm is-sbuħija kif ukoll it-tjieba t’Alla fl-azzjonijiet tiegħu. Meta Ġesu’ jfejjaq raġel li kien kemm trux kif ukoll imbikkem iġifieri mutu. Hu juri kemm kien jinterresah mis-sitwazzjoni ta’ diffikulta’ li kien jinsab fiha dan ir-raġel.

Ġesu’ jieħdu f’post imwarrab minn nies waħdu, fil-privat. Bla dubju biex jevitalu l-mistħija li l-folla storbjuża u kurjuża tan-nies setgħet tikkawżalu. Hu jpoġġi subgħajh f’widnejh u jmisslu lsienu bir-rieq tiegħu biex jiddentifika fiżikament mal-infermita’ ta’ dan ir-raġel u biex iqajjem fidi fih. B’kelma ta’ kmand widnejn dan ir-raġel imsejken infetħu u lsienu nħallu u beda jitkellem bla problemi.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu s-sinifikat ta’ Ġesu’ li jpoġġi subgħajh f’widnejn dan ir-raġel?

San Girgor il-kbir jikteb: “L-ispirtu s-Santu hu msejjaħ is-Subgħa t’Alla.” Meta Alla poġġa subgħajh f’widnejn it-trux hu kien qed jiftaħ ruħ ir-raġel għall-fidi permezz tad-doni tal-Ispirtu s-Santu. It-tweġiba tan-nies għal dan il-miraklu tagħti xhieda tat-tjieba u l-ħniena kbira ta’ Ġesu’ lejn l-oħrajn.

Qalu: “Kollox għamel sewwa.” L-ebda problema ma kienet t’ostaklu jew iżżejjed għal Ġesu’ biex hu jikkunsidraha bir-reqqa. Il-Mulej jittratta lil kull wieħed u waħda minna b’ġentilezza u mogħdrija u jsejjħilna biex nittrattaw lil xulxin bl-istess mod. L-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina jagħtina l-għajnuna biex aħna nħobbu kif ħabb Ġesu’ nnifsu.

Inti tħobb lill-oħrajn u tittrattahom bi mħabba li tħenn u tagħder bħalma għamel Ġesu’?

Itlob …

Mulej, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u ħeġġeġ lil qalbi bl-imħabba u l-mogħdrija.

Għażiża Ommi Marija, Int li sejjaħt lilek innifsek il-qaddejja tal-Mulej u mort taqdi lil Eliżabetta meta hi kienet fil-bżonn. Għinni b’talbek biex jiena nkun attent għall-bżonnijiet tal-oħrajn ħalli nasal biex nifhimhom u nurihom ħniena, ġentilezza u ngħinhom b’attenzjoni mimlija mħabba, kif urejtna li għandna nagħmlu Int bil-ħajja tiegħek. Għallimni nwassalhom biex f’Ibnek Ġesu’ jsibu l-fejqan sħiħ dak tal-ġisem imma l-aktar dak tar-ruħ. Ammen.