Għaliex hu żbaljat in-New Age?

47

🌻 L-idea l-aktar bażika, u żbaljata tan-New Age hi li l-bniedem kapaċi jsalva lilu nnifsu.

🌻 Idea oħra żbaljata hi li kull reliġjon tajba, anke waħda vvintata mill-bniedem.

🌻 Żball ieħor hi l-idea li r-reliġjon qiegħda hemm biex jieħu gost u sodisfazzjon biha l-bniedem, u mhux li l-bniedem irid jobdi ‘l Alla anke meta ma jogħġbux jagħmel dan.

🌻 Illum hemm ħafna nies li għandhom sens esaġerat ta’ liberta’ u jippretendu li jmexxu kollox huma u li Alla jkollu joqgħod għalihom.

🌻 Xi sekli wara li bdiet il-Knisja, kien hemm ereżija li nxerdet fost l-insara, msejħa gnosi. Din kienet tgħid li l-bniedem isalva lilu nnifsu b’għerf sigriet li jiġi mogħti biss lill-membri tas-setta. Dawn kienu jużaw din ir-reliġjon eretika biex jitkabbru fuq l-oħrajn. Fid-dinja tal-lum din l-ereżija reġgħat qed taqbad fin-New Age.

In-New Age x’inhu?

46

🌻 Huwa reliġjon li żviluppat dan l-aħħar.

🌻 Ħadet ħafna elementi mill-buddiżmu u mill-animiżmu u reliġjonijiet oħra.

🌻 Hija reliġjon bla struttura fejn min jipprattikaha jagħżel hu l-partijiet li jogħġbuh.

🌻 Hija reliġjon li daħħlu kollox fiha: mużika; natura; spirti; meditazzjoni; inċens; kristalli; okkult; maġija; fwejjaħ; gurus; letteratura mistika; martial arts; yoga; seħer; kulti pagani u tan-natura; films; attaparsi kuntatt mal-mejtin; qari tax-xorti; kwantita’ ta’ simboli u dekorazzjonijiet tal-ġisem u tal-postijiet … eċċ.

🌻 Fin-New Age, il-persuna toħloq hi r-reliġjon tagħha u tivvinta hi dak li tagħmel u meta. Hi reliġjon ‘do it yourself’. Il-persuna ma tagħti rendikont lil ħadd u ssegwi biss dak li jaqbdilha l-interess, għalhekk hemm ‘business’ kbir qed jiżviluppa madwar din il-kwantita’ kbira ta’ prattiċi New Age.

 

X’differenza hemm bejn twemmin u fidi?

43

🌻 Jingħad li wieħed jemmen meta b’moħħu jaċċetta li xi ħaġa hija vera. Per eżempju: meta wieħed jemmen li l-ħabib tiegħu mhux qed iħarref imma qed jgħid il-verita’.

🌻 Jingħad li wieħed għandu l-fidi meta jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’persuna oħra u jagħmel li tgħid hi.

🌻 Ir-reliġjon għandha t-tagħlim tal-veritajiet. Mela membru ta’ dik ir-reliġjon l-ewwel irid jemmen li qed tgħidlu l-verita’. Imma dan mhux biżżejjed biex wieħed jgħix dik ir-reliġjon. Imbagħad hemm il-fidi. Dan ifisser li wara li emmen, dak li jkun għandu jafda f’dak li tgħallem, jgħixu u jobdih.

🌻 Fil-fidi tal-insara, dawn mhux biss jafdaw f’li emmnu, imma jafdaw direttament lil Alla li jgħallem permezz ta’ dawk li jirrappreżentawh. Mela l-ewwel, il-Knisja tippreżentalna l-veritajiet fuq Alla. Dawn twemmin. Imbagħad meta wieħed li jemmen jagħmel esperjenza t’Alla u jafda ħajtu f’idejh, ikun wasal għal fidi.

Veru li r-reliġjon importanti u tagħti sens lill-ħajja?

38

🌻 Bla reliġjon ma nafux għaliex qegħdin hawn, u kif għandna ngħixu. Ir-reliġjon hija:

  • pedament,
  • mappa,
  • boxxla,
  • sosten għall-ħajja.

Mingħajr reliġjon ħajjitna titlef is-sens u mingħajr reliġjon inkunu lesti narmu ‘l ħajjitna jew nagħmlu ħafna deni lilna nnifisna u lill-oħrajn.

🌻 Ir-reliġjon timmotivana nkunu tajbin u li nagħmlu l-ġid. Kull bniedem għandu bżonn is-sens f’ħajtu. Alla neċessarju għall-bniedem biex dan isir l-isbaħ u l-aħjar persuna possibbli.

🌻 Barra minn hekk, il-maħfra għandna bżonnha tul ħajjitna kollha għax il-ħtija tagħmlilna ħafna ħsara. Sens ta’ maħfra sħiħa tiġi biss mir-reliġjon.

🌻 Ir-religjon tajba għal kull bniedem biex:

  • tkabbru fi bniedem ‘ta’ veru’,
  • tagħtih sens u direzzjoni f’ħajtu
  • u twasslu li jgħix ħajja tajba u produttiva.

L-istorja ta’ Adam u Eva gidba? Jekk hi gidba u allura l-Bibbja tibda b’din il-gidba, nistgħu nikkonkludu li l-Bibbja kollha mhux valida għax fiha l-gideb?

16

🌻 Alla nqeda b’din l-istorja (li jekk seħħitx eżatt jew le mhux importanti) biex jgħaddilna MESSAĠĠ SPIRITWALI.

🌻 Ix-xjenza m’għandhiex il-monopolju tal-verita’ u lanqas m’għandha l-istrumenti biex tqis veritajiet mhux materjali.

🌻 Mela x-xjenza għandha settur tal-verita’ taħt l-osservazzjoni tagħha, u r-reliġjon għandha settur ieħor, li hu spiritwali u li għandu x’jaqsam mas-sens u l-valur ta’ kollox.

🌻 Għaldaqstant, fil-Bibbja m’għandniex nippretendu li se nsibu analiżi xjentifika jew deskrizzjonijiet xjentifiċi tal-affarijiet, bħal per eżempju kif seħħ fiżikament il-ħolqien tad-dinja jew tal-ħajja.

🌻 Fil-Bibbja għandna biss infittxu l-verita’ spritwali/reliġjuża li twieġeb għall-mistoqsijiet:

  • Min hu Alla?
  • Min hu l-bniedem?
  • X’inhu s-sewwa?
  • X’inhu l-ħażin?
  • U mistoqsijiet oħra bħal dawn.

🌻 M’għandniex nikkritikaw lill-Bibbja billi ngħidu li x-xjenza issa tatna risposti aħjar mir-reliġjon u li għalhekk lill-Bibbja nistgħu niskartawha, għax il-Bibbja qatt ma ppretendiet tagħti risposti xjentifiċi u riedet biss tfissrilna dak li ried jgħidilna Alla.

🌻 Min-naħa l-oħra, fuq x’ried jgħidilna Alla fil-Bibbja, ix-xjenza ma tista’ tgħid xejn għax hi kwistjoni ta’ fidi.