38. Riflessjoni fuq Mattew 5: 20-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 20-26

Jesus-Christ-Videos-Parables-of-Jesus-You-have-done-it-unto-meL-Evanġelju skont San Mattew 5: 20-26

[Mt:5:20] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

[Mt:5:21] “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna.

[Mt:5:22] Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern.

[Mt:5:23] Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek,

[Mt:5:24] ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

[Mt:5:25] Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs.

[Mt:5:26] Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tiġi mkaxkar mir-rabja jew mill-korla?

L-ewwel persuna li beda jobgħod li ħuh kien Kajin. Id-dnub ma jseħħx mix-xejn. L-ewwel jikber bħal żerriegħa fil-qalb tal-bniedem. Jekk ma jsirlux għassa bl-istess grazzja t’Alla huwa jikber bħalma jikber il-ħaxix ħażin u jifga d-dielja li tkun qed tagħti l-frott.

Ġesu’ jindirizza l-kustjoni tal-ħarsien tal-Kmandamenti mad-dixxipli tiegħu. L-iskribi u l-Fariżej kienu jorbtu l-għemil it-tajjeb mal-ħarsien ta’ dak li kienet titlob il-liġi. Ġesu’ wissihom li huma kienu qegħdin iġibu fix-xejn dak li huwa l-essenzjali fil-liġi t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jipponta lejn il-qalb bħala ż-żerriegħa tax-xewqat u l-għażliet tagħna. Sakemm wieħed ma jħarisx ix-xewqat ħżiena, l-qalb tisfa korrotta. Ġesu’ jipponta li jista’ wieħed iżomm rabja għal xi ħadd f’qalbu. Din hi rabja egoista li tifjorixxi u tibqa’ hemm, li tieklok minn ġewwa, tmarrdek u li ma tmutx.

X’inhi l-mediċina ta’ kontra r-rabja?

Il-ħniena u l-ħlewwa li joħorġu mill-qalb ta’ min jagħżel li jħobb u jaħfer bl-istess mod kif jaħfrilna Alla.

Inti żżomm rabja għal xi ħadd f’qalbek? U qatt tlabt lil Alla jeħilsek minn dan it-toqol u jimlielek qalbek u moħħok bl-imħabba u l-verita’ tiegħu?

Illum tista’ tieħu deċiżjoni biex tagħmel dan.

Itlob …

Mulej Ġesu’, agħtini l-grazzja li jiena nagħmel għassa sewwa max-xewqat u l-ħsibijiet li jinbtu fija biex dawk li jistgħu jkunu ta’ ġid għalija jew għall-proxxmu tiegħi nikkultivahom u nkabbarhom, u dawk li jistgħu jagħmlu l-ħsara nqaċċathom mill-għeruq qabel ma jkomplu jikbru u jagħmlu l-ħsara.

Marija Ommna, agħtini l-istess qalbek għax jiena rrid inħobb lil Ġesu’ Ibnek bħalma ħabbejtu Inti. Ammen.

37. Riflessjoni fuq Mattew 7: 7-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 7: 7-12

5345L-Evanġelju skont San Mattew 7: 7-12

[Mt:7:7] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom.

[Mt:7:8] Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu.

[Mt:7:9] Min hu dak il-bniedem fostkom li, jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż, sejjer jagħtih ġebla?

[Mt:7:10] Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp?

[Mt:7:11] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

[Mt:7:12] Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tistenna li Alla jisma’ t-talb tiegħek?

Ġesu’ ried jgħolli l-aspettattivi tad-dixxipli tiegħu meta għallimhom kif jitolbu. Il-parabbola tal-Missier li jitma’ lil Ibnu turina xi ħaġa li lanqas kienet tgħaddilna minn moħħna.

Kif jista’ Missier twajjeb u ġust jirrifjuta li jagħti lil Ibnu dak li hu tajjeb jew agħar minn hekk li jagħtih xi ħaġa ta’ ħsara? F’kelma waħda Ġesu’ jagħmel stqarrija li tallarmana meta jżid jgħid kemm aktar  Missierkom li hu fis-sema jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

Ħsieb għal Qalbek …

Missierna tas-sema jagħtina b’ġenerożita’ aktar milli qatt nistgħu nistennew. Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu b’kunfidenza għaliex Missierna tas-sema fit-tjieba tiegħu dejjem lest jisma’ t-talb tagħna u għalhekk li nistgħu nitolbu b’asserzjoni u b’konvinzjoni. “Ħobżna ta’ kuljum; agħtina llum.”

Dawk li jafu u jafdaw fl-imħabba t’Alla jitolbu bl-akbar kunfidenza. Ġesu’ jikkonkludi billi jfakkarna li biex wieħed jobdi u jwettaq l-liġi u l-profeti għandu jitratta lill-proxxmu bl-istess mod kif aħna nixtiequ niġu trattati minn Alla u mill-istess proxxmu tagħna. Mhux biżżejjed li nevitaw milli nagħmlu ħsara lill-oħrajn. Huwa importanti li nfittxu li nagħmlulhom il-ġid.

U inti, b’liema mod qed tagħti mill-ġid li tista’ lill-oħrajn u titlob biex taqla’ mingħand Alla l-ġid li jixtieq jagħtik?

Itlob …

Agħtini li nħobbok Mulej tiegħi u Alla tiegħi u nara lili nnifsi kif jien tassew, pellegrin fuq din l-art, nisrani msejjaħ biex nirispetta u nħobb lil dawk kollha li Inti tlaqqani magħhom, lil dawk li jinsabu fl-awtorita’ fuqi jew taħt l-awtorita’ tiegħi, lil ħbiebi u lill-għedewwa tiegħi.

Għinni għażiża Marija, biex nirbaħ ir-rabja bil-ġentilezza, l-kilba bil-ġenerożita’ u l-apatija bil-fervur. Għallimni ninsa lili nnifsi u ngħin lill-oħrajn f’kull ma nista’ fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u l-aktar f’dawk tar-ruħ. Ammen.

36. Riflessjoni fuq Luqa 11: 29-32

Verżjooni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 29-32

grg.147582858616L-Evanġelju skont San Luqa 11: 29-32

[Lq:11:29] F’dak iż-żmien, meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona.

[Lq:11:30] Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel.

[Lq:11:31] F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta’ l-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun!

[Lq:11:32] F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kieku x’kien jgħid Ġesu’ għall-ġenerazzjoni tagħna?

Ġesu’ ta ċanfira pjuttost qawwija lill-ġenerazzjoni tiegħu, meta huma riedu sinjal minn għandu. Kienet karateristika għal-Lhud li jitolbu sinjal mill-messaġġiera t’Alla biex jaraw kemm hu awtentiku dak li jkunu qegħdin jistqarru. Meta wħud mill-kittieba u l-Fariżej issikkaw lil Ġesu’ biex jagħti prova ta’ dan li kien qiegħed jistqarr, hu jgħidilhom diversi drabi u b’ħafna modi li Hu huwa s-sinjal t’Alla u li ma għandhomx bżonn ta’ aktar evidenza minn Alla aktar mill-persuna tiegħu stess. Meta Ġona kellem lin-nies ta’ Ninwè huma għarfu t-twissija t’Alla u nidmu u s-Sultana ta’ nofsinhar, iġifieri ta’ Xeba għarfet l-għerf t’Alla f’Salamun għalhekk ivvjaġġat fit-tul sa ma waslet għandu.

Ġona kien is-sinjal u l-messaġġ tiegħu kien il-messaġġ t’Alla għall-poplu tiegħu ta’ Ninwè. Sfortunament il-kapijiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’ ma kienux kuntenti li jaċċettaw is-sinjali quddiemhom stess. Huma m’aċċettawx il-messaġġ ta’ Ġwann l-Battista u issa huma ma jaċċettawx lil Ġesu’ bħala l-Ikkonsagrat t’Alla, iġifieri l-Messija u għalhekk ma jagħtux kas tal-messaġġ tiegħu. Ġesu’ kkonferma l-messaġġ tiegħu b’ħafna mirakli bi preparazzjoni għall-akbar sinjali fost kollha – il-qawmien mill-mewt tiegħu fit-tielet jum.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej Ġesu’ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagrament tal-Qrar joffrilna l-ħelsien mid-dnub u permezz tal-istess Spirtu tiegħu jagħtina l-għerf għal ħajjitna, jekk aħna nagħtuh widen.

Int tafda fil-għerf t’Alla?

Jirċievi dan il-għerf safi t’Alla min verament ifittex dak li huwa tajjeb u li jmur skont l-ordni tal-pjan għaref t’Alla. Itlob lil Alla biex iġedded lil moħħok u biex iżidlek l-għatx għall-għerf safi tiegħu.

Itlob …

Mulej, agħtini l-għerf tiegħek u żid l-imħabba tiegħi għal triqatek. Għinni nireżisti t-tentazzjoni u b’rieda soda biex jien inkun nixtieq biss b’qalbi kollha dak li jogħġob lilek. Ammen.

35. Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

fe5eee16ae4efc43078491adff58126bL-Evanġelju skont San Mattew 6: 7-15

[Mt:6:7] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.

[Mt:6:8] Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.

[Mt:6:9] Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek,

[Mt:6:10] tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.

[Mt:6:11] Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.

[Mt:6:12] Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

[Mt:6:13] U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’

[Mt:6:14] Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.

[Mt:6:15] Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti titlob bil-ferħ u bil-kunfidenza?

Il-Lhud kienu jispikkaw għad-devozzjoni tagħhom fit-talb. Kellhom jitolbu għal tliet darbiet kuljum f’waqtiet differenti tal-ġurnata. Ir-Rabbini Lhud kellhom talba għal kull okkażjoni. Ġesu’ jwissi lid-dixxipli tiegħu kontra l-formalita’, li wieħed jagħmel it-talb xi ħaġa mekkanika u mingħajr skop jew valur, bla ma jagħti importanza dak li jrid Alla mit-talb u bit-talb.

Meta Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu tahom it-talba tad-dixxiplu, dik li aħna nsejħulha l-Missierna jew it-Talba tal-Mulej. Din it-talba tazzarda tindirizza lil Alla bħala Missierna u b’asserzjoni titlob għall-affarijiet li neħtieġu biex ngħixu bħala wliedu tassew.

Huwa permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li aħna nsiru nafu lil Alla b’mod personali u nsejħulu ‘Abba Missier’, ‘Papa’’ kif insibu fl-ittra lir-Rumani Kapitlu 8 vers 15.

Ħsieb għal Qalbek …

Nistgħu navviċinaw lil Alla Missierna bil-kunfidenza u bil-konvinzjoni li Hu ser jagħtina dak li nitolbuh għaliex Ġesu’ fetħilna t-triq għall-ġenna, permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Meta nitolbu l-għajnuna t’Alla fortunatament ma jagħtinix dak li tassew jistħoqqilna, minflok Huwa jwieġeb bil-grazzja u bil-ħniena tiegħu. Hu ħanin u jaħfrilna, imma jistenna minna li aħna nitrattaw lill-proxxmu tagħna bl-istess ħniena u mogħdrija.

U inti, titratta lill-oħrajn kif jistħoqqilhom jew titrattahom bħalma l-Mulej jitratta bil-grazzja u l-ħniena tiegħu lejna?

It-talba ta’ Ġesu’ tinkludi kundizzjoni li nitolbu lil Alla jaħfrilna bl-istess mod u bl-istess porzjon bħalma aħna naħfru lil dawk li jagħmlulna l-ħsara. Itlob lill-Mulej biex jimliek bin-nar tal-Imħabba u tal-Ħniena tiegħu.

Itlob …

Mulej agħtini fidi ħajja, tama ċerta, karita’ ferventi u mħabba kbira Għalik. Neħħi minni kull bruda li tista’ tfixkilni milli nisma’ u nagħti widen għal Kelmtek fit-talb tiegħi.

Marija Omm twajba, akkumpanjani fil-mumenti tat-talb tiegħi u għallimni nitlob bl-istess fervur li titlob Inti. Għinni naġixxi b’tjieba mall-oħrajn u b’ġenerożita’ bl-istess mod kif Alla jaġixxi miegħi. Ammen.

34. Riflessjoni fuq Luqa 4: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 4: 1-13

Satan-Tempts-Jesus-GettyImages-463967715-5808f7b65f9b58564c318113L-Evanġelju skont San Luqa 4: 1-13

[Lq:4:1] F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan fejn kien tgħammed u l-Ispirtu ħadu fid-deżert.

[Lq:4:2] Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.

[Lq:4:3] U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.”

[Lq:4:4] Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’?”

[Lq:4:5] Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa.

[Lq:4:6] Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.

[Lq:4:7] Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.”

[Lq:4:8] Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub, Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima, u lilu biss taqdi.”

[Lq:4:9] Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel.

[Lq:4:10] Għax hemm miktub li Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,

[Lq:4:11] u li fuq idejhom jerfgħuf, ħalli ma taħbatx riġlek ma xi ġebla.”

[Lq:4:12] Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.'”

[Lq:4:13] Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int lest li tgħaddi minn żmien ta’ prova?

Ġesu’ kellu jgħaddi minn żmien ta’ prova u tiġrib fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu. Il-kelma “Tempt” bl-ingliż normalment tfisser li tiġi mħajjar twettaq dnub. Il-kelma fl-Iskrittura hawn tfisser prova, fis-sens ta’ meta wieħed jiġi ppruvat u ppurifkat biex joħroġ jekk hux ippreparat għall-ħidma li hu msejjaħ iwettaq jew le.

Aħna ngħaddu l-piloti minn titjira bi prova biex naraw jekk humiex imħejjija sew biex itajru ajruplan. Bl-istess mod Alla jgħaddi l-qaddejja tiegħu mill-prova biex jara jekk humiex lesti jew le li jiġu wżati minnu għall-ġid tal-oħrajn.

Alla ġarrab lil Abraham biex hu jagħti prova tal-fidi tiegħu. Ġesu’ ma kienx l-eċċezzjoni għal dan it-tip ta’ provi. Satana jibqa’ jagħmel ħiltu kollha biex iħajjarna nagħżlu r-rieda tagħna fuq dik t’Alla. Jekk ma jkunx jista’ jħajjarna biex inwettqu dnub anki dak gravi, huwa mbagħad jipprova jwassalna biex nagħżlu dawk l-għażliet li eventwalment iwassluna biex nitbegħdu minn dak li Alla jrid minna.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ kien imġarrab bħalna u rebaħ fuq it-tiġrib mhux bil-qawwa umana tiegħu, imma bil-grazzja u l-qawwa li tah Missieru. Kellu jħalli r-rieda tiegħu biex iwettaq dik t’Alla l-Missier. Hu rnexxielu għax ried jogħġob lil Missieru u fdah li kien se jagħtih il-qawwa biex jirbaħ fuq l-ostakli li jitfaċċaw fi triqtu. Il-Mulej jagħti lilna wkoll l-Ispirtu s-Santu biex ikun il-qawwa u l-gwida tagħna u Dak li jikkunslana fit-tiġrib u l-prova.

Meta aħna b’ruħ safja nirċievu lil Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes, huwa Alla nnifsu li jsostina u jqawwina bil-preżenza divina tiegħu. Mistednin ukoll biex nirrikorru għand Ommna Marija li bħala Omm tiddefendina, tħarisna u tqawwina bit-talb tagħha biex aħna nibqgħu mħarsa u ma naqgħux għat-tentazzjonijiet tax-xitan. Alla dejjem lest biex jagħtina dak li għandna bżonn biex ngħixu fit-triq tiegħu tal-Imħabba u tas-Sewwa.

U inti tfittex l-għajnuniet li jixtieq jagħtik il-Mulej biex tkun tista’ tgħix fi Triqatu bil-qawwa u l-għajnuna meħtieġa?

Itlob …

Mulej, Kelmtek hi Ħajja, tagħti l-ħajja u tnissel il-ferħ vera. Għinni ngħix bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek.

O Marija Omm qawwija, itlob miegħi biex inħalli ‘l ruħi tiggwadanja mill-benefiċċji tas-Sagramenti li l-Knisja toffrili. Agħmel ukoll li jiena nafda Fik u nirrikorri għandek bit-talba tant għal qalbek tar-Rużarju. Ammen.

33. Riflessjoni fuq Luqa 5: 27-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 5: 27-32

V.S-SABADO-9.L-Evanġelju skont San Luqa 5: 27-32

[Lq:5:27] F’dak iż-żmien, Ġesu lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.”

[Lq:5:28] Dak telaq kollox, qam u mar warajh.

[Lq:5:29] Mbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra.

[Lq:5:30] Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?”

[Lq:5:31] U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda.

[Lq:5:32] Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti qatt esperjenzajt il-Ħniena t’Alla? U titratta lill-proxxmu tiegħek bi ħniena?

In-nies fil-Palestina kienu maqsuma qishom żewġ gruppi. Dawk li kienu riġidi fl-osservanza tal-liġi u l-bqija li ma kienux iżommu mar-regoli fid-dettalji tagħhom. L-osservanti kienu jitrattaw lill-bqija bħala ċittadini tat-tieni klassi. Kienu bi skruplu jevitaw il-kumpanija tagħhom, jirrifjutaw li jinnegozzjaw magħhom, jirrifjutaw li jagħtu jew jirċievu xi ħaġa minn għandhom, jirrifjutaw li jitħalltu bi żwieġ u jirrifjutaw li jgħaddu ħin ta’ mistrieħ u ta’ divertiment magħhom inkluż li jieklu magħhom.

Meta Ġesu’ jassoċċja lilu nnifsu ma’ dawn it-tip ta’ nies b’mod speċjali dawk li kienu jiġbru t-taxxi u l-midinbin, dawk li kienu l-osservanti, xxukkjaw ruħhom. Meta Ġesu’ sejjaħ lil Mattew biex ikun wieħed mid-dixxipli tiegħu, hu għażel raġel li kien jiġbor it-taxxi u li minħabba l-professjoni tiegħu l-Lhud kienu jobgħoduh. Fuq kollox kien jiġbor it-taxxi u mqabbad mir-Rumani li xejn ma kienu ġusti magħhom.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta l-Fariżej sfidaw dan l-atteġjament ta’ Ġesu’ li jiekol mal-midinbin pubbliċi, id-difiża li uża Ġesu’ kienet sempliċi ħafna. It-tabib ma jeħtiġlux li jżur lin-nies b’saħħithom, minflok hu jmur għand dawk li kienu morda. Ġesu’ bl-istess mod kien ifittex lil dawk li l-aktar kienu fil-bżonn. Tabib tajjeb ifittex il-fejqan fil-persuna b’mod sħiħ: f’ġisimha, fil-menti tagħha u fl-ispirtu tagħha.

Ġesu’ ġie bħala t-Tabib Divin u r-Ragħaj it-Tajjeb biex jieħu ħsieb il-poplu tiegħu u biex iġeddidhom għall-ħajja fil-milja tagħha. Dawk li akkużaw lil Ġesu’ kienu tant mehdija bl-osservanzi tagħhom tar-reliġjon li naqsu milli jgħinu dawk l-istess nies li kienu fil-bżonn tal-attenzjoni spiritwali. Ironikament kienu huma wkoll li kellhom l-istess bżonn bħan-nies li kienu jiddisprezzaw għax huma kienu egoisti u suppervi.

U inti tirringrazzjah lil Alla għall-Ħniena li jurik? U tfittex dak li hu l-aħjar għall-proxxmu tiegħek? U turihom ħniena?

Itlob …

Għeżież Ġesu’ u Marija, aħna issa niġu għandkom b’fiduċja għaliex nafu li Intom dejjem titrattawna bi Ħniena.

Il-qlub tagħna huma kiesħa, kebbsuhom bl-Imħabba bla egoiżmu tagħkom.

Il-qlub tagħna huma midinba, naddfuhom bid-Demm prezzjuż tas-Salvazzjoni.

Il-qlub tagħna huma dgħajfa, qawwuhom bl-Ispirtu tagħkom ta’ ferħ.

Il-qlub tagħna huma vojta, imlewhom bil-preżenza t’Alla.

Il-qlub tagħna huma Tagħkom, ipposeduhom dejjem u Għalikom biss. Ammen.

32. Riflessjoni fuq Mattew 9: 14-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 9: 14-15

Parable Of The Tares And Its MeaningL-Evanġelju skont San Mattew 9: 14-15

[Mt:9:14] F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesu id-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”

[Mt:9:15] Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewwdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jiġi l-ewwel is-Sawm jew il-Festeġġjamenti?

Ġesu’ ta spjegazzjoni sempliċi lid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista. Hemm żmien li ssum u żmien li tiffesteġġja u tiċċelebra. Li tkun dixxiplu u timxi ma’ Ġesu’ jfisser li tesperjenza l-ferħ ġdid tar-rabta tiegħek ma’ Kristu, imqabbel mal-festa tat-tieġ fejn wieħed jieħu sehem u jaqsam il-barka u l-ferħ tal-koppja li għadhom kemm ingħaqdu fi mħabbithom.

Ħsieb għal Qalbek …

Imma jiġi żmien ukoll meta d-dixxipli tal-Mulej ikollhom iġorru s-salib tat-tiġrib u l-purifikazzjoni. Għad-dixxiplu hemm iż-żmien fejn jifraħ fil-preżenza tal-Mulej u jiċċelebra t-tjieba tiegħu, kif ukoll iż-żmien meta jfittex lill-Mulej b’umilta’, bis-sawm, bis-sobgħa għal dnubietu.

Inti tifraħ bil-preżenza tal-Mulej li hu dejjem miegħek? U tesprimi sobgħa u ndiema għal dnubietek? Tersaq lejn il-Qrar biex tirċievi l-maħfra mingħand il-Mulej permezz tas-saċerdot?

Itlob …

Mulej, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek, ħalli nikber fl-għarfien tal-Imħabba u l-Verita’ tiegħek. Għinni nfittxek bil-ħerqa fit-talb u fis-sawm ħalli jien inżomm ‘il bogħod minni d-dnub u nara li ħajti tkun taqbel aktar bis-sħiħ mar-rieda mqaddsa tiegħek.

Twajba Ommi Marija, għallimni nsib il-ferħ f’li nagħraf, inħobb u nservi lilek bħala s-Sultana tiegħi u lil Ibnek bħala l-uniku Mulej u Sid ta’ ħajti. Ammen.

31. Riflessjoni fuq Luqa 9: 22-25

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 22-25

6-22-The-Most-Unique-PersonL-Evanġelju skont San Luqa 9: 22-25

Lq:9:22] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tieghu: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.”

 [Lq:9:23] Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.

[Lq:9:24] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.

[Lq:9:25] Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-aktar investiment importanti li inti tista’ tagħmel b’ħajtek?

Ġesu’ qed jiftħilna għajnejna u jurina nilmħu ċar li la l-flus u lanqas l-affarijiet materjali kollha li aħna nsejħu tagħna ma jistgħu jixtru l-ġenna, ifejqu qalb maqsuma, jew ifarrġu lil xi ħadd li qed iħossu waħdu.

Ġesu’ qed jistaqsi: “Xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?”

Kull ma għandna hu mogħti lilna bħala ‘rigal’ mingħand Alla Missierna. Aħna nafu kollox Lilu, inkluż ħajjitna stess.

Ħsieb għal Qalbek …

Dixxiplu veru hu lest li jħalli kollox warajh u li ma jħallix li qalbu tintrabat ma’ dak li huwa materjali, imma jżomm ruħu ħieles biex hekk ikun jista’ jikseb il-ferħ tal-ħajja m’Alla li ma tintemm qatt. Is-Salib ta’ Kristu jwassal għar-rebħa u l-ħelsien mid-dnub u l-mewt.

Liema hu s-salib li Ġesu’ qed jikkmandak biex terfa’ u ġġorr ta’ kuljum?

Meta r-rieda tiegħi ma tidhirx li taqbel ma’ dik tal-Mulej, hi tal-Mulej li għandha sseħħ.

Int lest titlef kollox għal Ġesu’ Kristu biex tikseb kollox ma’ Ġesu’ Kristu?

Itlob …

Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi u r-rieda kollha tiegħi. Kull ma għandi u kull ma hu tiegħi dan kollu Int tajtuli. Lilek Mulej inroddu. Kollox hu Tiegħek. Agħmel minnu għal kollox kif trid Int. Lili, agħtini mħabbtek u l-grazzja Tiegħek. Din biżżejjed għalija. Ammen.

30. Riflessjoni fuq Mattew 6: 1-6; 16-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 6: 1-6; 16-18

ash.wednesday-642x250L-Evanġelju skont San Mattew 6: 1-6 : 16-18

[Mt:6:1] F’dak iż-żmien, Ġesu qal: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.

[Mt:6:2] “Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

[Mt:6:3] Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija,

[Mt:6:4] biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

[Mt:6:5] “U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

[Mt:6:6] Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

[Mt:6:16] “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

[Mt:6:17] Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek,

[Mt:6:18] biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ enfasizza t-Talb, is-Sawm u l-Karita’ mad-dixxipli tiegħu?

Il-Lhud kienu jikkunsidraw dawn it-tlieta bħala l-ħidmiet bażiċi tal-ħajja reliġjuża. Kienu kkunsidrati bħala s-sinjali li jidhru fi bniedem tajjeb. It-tlett pilastri l-kbar li fuqhom il-ħajja tajba kienet ibbażata. Ġesu’ jipponta lejn il-qalba tal-affari kollha.

Ħsieb għal Qalbek …

Għaliex Titlob, Issum u tagħti Karita’? Biex titfa’ l-attenzjoni fuqek ħalli l-oħrajn jinnutaw dak li tkun qed tagħmel u jgħidu li int bniedem qaddis? Jew biex tagħti glorja lil Alla?

Il-Mulej iwissi lid-dixxipli tiegħu dwar il-vanaglorja – meta wieħed jagħmel xi ħaġa tajba biex jirċievi l-glorja hu nnifsu. Iwissi dwar it-tħassib żejjed li wieħed jista’ jkollu biex jidher tajjeb quddiem l-oħrajn u biex jirċievi t-tifħir minn għandhom.

Filwaqt li tagħmel is-Sawm, it-Talb u l-Karita’ tiegħek lejn il-proxxmu, għamel ukoll minn kollox biex iżżomm kollox moħbi u tfaħħar int stess lil Alla meta in-nies tfaħħar lilek, biex tkun qed tagħraf lil Alla bħala dak li waħdu hu l-Bidu u l-Għajn ta’ kull don tajjeb.

Itlob …

Mulej, għinni nersaq lejk fit-talb, fis-sigriet u fil-kamra ta’ ġewwa fejn Int tkun hemm tistennini. Għarrafni x’għandi nbiddel f’ħajti biex bl-għajnuna tiegħek ngħix il-ħajja t-tajba li Int titlob minni.

Marija Omm l-iktar umli u moħbija, agħmel li bħalek meta jfaħħruni n-nies jien indawwar it-tifħir tiegħi kollu lejn Alla bl-istess mod kif Inti għamilt quddiem it-tifħir li rċevejt mingħand Eliżabetta li stqarret li Int kont l-Imbierka fost in-nisa u hienja għax emmint kull ma bagħat jgħidlek Alla permezz tal-Anġlu Gabrijiel.

O Marija, agħtini qalbek għax irrid inħobb lil Ġesu’ bħalma ħabbejtu Int. Ammen.

Viżta lil Ġesu’ f’forma ta’ poeżija 1

10633299_220043288349712_5301698133976032404_oWasalt ħdejk Ġesu’ ta’ qalbi
Ksirt is-sikta li hawn ħdejk,
Xtaqt noffrilek kull ma għandi,
Ilqa’ ħajti u mħabbti lejk.
Missierna, Sliema, Glorja

Ta’ kemm drabi kont qrib tiegħek
Biss bil-ġisem u le bil-qalb,
Jisgħobbija wisq li nqastek
Int li Int tjieba bla tarf.
Missierna, Sliema, Glorja

Ta’ kemm żbalji għamilt f’ħajti
Ta’ kemm ħlejt mill-ħin prezzjuż,
Għenni npatti b’opri tajba
U nkun dejjem ġeneruż.
Missierna, Sliema, Glorja

Ġejt ningħaqad mal-Arkanġli
Ma’ Marija u l-qaddisin,
Li madwarek qima jagħtu
Glorja Lilek ta’ kull ħin.
Missierna, Sliema, Glorja

Tħallinix nitbiegħed minneK
Inti l-Għajn tal-hena, ‘l ferħ,
Ħalli b’ħajti nkun offerta
Ta’ tifħir għaliK u serħ.
Missierna, Sliema, Glorja

Skont il-fehma tal-Papa: Missierna, Sliema, Glorja