36. Riflessjoni fuq Luqa 11: 29-32

Verżjooni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 29-32

grg.147582858616L-Evanġelju skont San Luqa 11: 29-32

[Lq:11:29] F’dak iż-żmien, meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona.

[Lq:11:30] Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel.

[Lq:11:31] F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta’ l-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun!

[Lq:11:32] F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kieku x’kien jgħid Ġesu’ għall-ġenerazzjoni tagħna?

Ġesu’ ta ċanfira pjuttost qawwija lill-ġenerazzjoni tiegħu, meta huma riedu sinjal minn għandu. Kienet karateristika għal-Lhud li jitolbu sinjal mill-messaġġiera t’Alla biex jaraw kemm hu awtentiku dak li jkunu qegħdin jistqarru. Meta wħud mill-kittieba u l-Fariżej issikkaw lil Ġesu’ biex jagħti prova ta’ dan li kien qiegħed jistqarr, hu jgħidilhom diversi drabi u b’ħafna modi li Hu huwa s-sinjal t’Alla u li ma għandhomx bżonn ta’ aktar evidenza minn Alla aktar mill-persuna tiegħu stess. Meta Ġona kellem lin-nies ta’ Ninwè huma għarfu t-twissija t’Alla u nidmu u s-Sultana ta’ nofsinhar, iġifieri ta’ Xeba għarfet l-għerf t’Alla f’Salamun għalhekk ivvjaġġat fit-tul sa ma waslet għandu.

Ġona kien is-sinjal u l-messaġġ tiegħu kien il-messaġġ t’Alla għall-poplu tiegħu ta’ Ninwè. Sfortunament il-kapijiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’ ma kienux kuntenti li jaċċettaw is-sinjali quddiemhom stess. Huma m’aċċettawx il-messaġġ ta’ Ġwann l-Battista u issa huma ma jaċċettawx lil Ġesu’ bħala l-Ikkonsagrat t’Alla, iġifieri l-Messija u għalhekk ma jagħtux kas tal-messaġġ tiegħu. Ġesu’ kkonferma l-messaġġ tiegħu b’ħafna mirakli bi preparazzjoni għall-akbar sinjali fost kollha – il-qawmien mill-mewt tiegħu fit-tielet jum.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej Ġesu’ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagrament tal-Qrar joffrilna l-ħelsien mid-dnub u permezz tal-istess Spirtu tiegħu jagħtina l-għerf għal ħajjitna, jekk aħna nagħtuh widen.

Int tafda fil-għerf t’Alla?

Jirċievi dan il-għerf safi t’Alla min verament ifittex dak li huwa tajjeb u li jmur skont l-ordni tal-pjan għaref t’Alla. Itlob lil Alla biex iġedded lil moħħok u biex iżidlek l-għatx għall-għerf safi tiegħu.

Itlob …

Mulej, agħtini l-għerf tiegħek u żid l-imħabba tiegħi għal triqatek. Għinni nireżisti t-tentazzjoni u b’rieda soda biex jien inkun nixtieq biss b’qalbi kollha dak li jogħġob lilek. Ammen.

35. Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

fe5eee16ae4efc43078491adff58126bL-Evanġelju skont San Mattew 6: 7-15

[Mt:6:7] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.

[Mt:6:8] Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.

[Mt:6:9] Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek,

[Mt:6:10] tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.

[Mt:6:11] Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.

[Mt:6:12] Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

[Mt:6:13] U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’

[Mt:6:14] Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.

[Mt:6:15] Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti titlob bil-ferħ u bil-kunfidenza?

Il-Lhud kienu jispikkaw għad-devozzjoni tagħhom fit-talb. Kellhom jitolbu għal tliet darbiet kuljum f’waqtiet differenti tal-ġurnata. Ir-Rabbini Lhud kellhom talba għal kull okkażjoni. Ġesu’ jwissi lid-dixxipli tiegħu kontra l-formalita’, li wieħed jagħmel it-talb xi ħaġa mekkanika u mingħajr skop jew valur, bla ma jagħti importanza dak li jrid Alla mit-talb u bit-talb.

Meta Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu tahom it-talba tad-dixxiplu, dik li aħna nsejħulha l-Missierna jew it-Talba tal-Mulej. Din it-talba tazzarda tindirizza lil Alla bħala Missierna u b’asserzjoni titlob għall-affarijiet li neħtieġu biex ngħixu bħala wliedu tassew.

Huwa permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li aħna nsiru nafu lil Alla b’mod personali u nsejħulu ‘Abba Missier’, ‘Papa’’ kif insibu fl-ittra lir-Rumani Kapitlu 8 vers 15.

Ħsieb għal Qalbek …

Nistgħu navviċinaw lil Alla Missierna bil-kunfidenza u bil-konvinzjoni li Hu ser jagħtina dak li nitolbuh għaliex Ġesu’ fetħilna t-triq għall-ġenna, permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Meta nitolbu l-għajnuna t’Alla fortunatament ma jagħtinix dak li tassew jistħoqqilna, minflok Huwa jwieġeb bil-grazzja u bil-ħniena tiegħu. Hu ħanin u jaħfrilna, imma jistenna minna li aħna nitrattaw lill-proxxmu tagħna bl-istess ħniena u mogħdrija.

U inti, titratta lill-oħrajn kif jistħoqqilhom jew titrattahom bħalma l-Mulej jitratta bil-grazzja u l-ħniena tiegħu lejna?

It-talba ta’ Ġesu’ tinkludi kundizzjoni li nitolbu lil Alla jaħfrilna bl-istess mod u bl-istess porzjon bħalma aħna naħfru lil dawk li jagħmlulna l-ħsara. Itlob lill-Mulej biex jimliek bin-nar tal-Imħabba u tal-Ħniena tiegħu.

Itlob …

Mulej agħtini fidi ħajja, tama ċerta, karita’ ferventi u mħabba kbira Għalik. Neħħi minni kull bruda li tista’ tfixkilni milli nisma’ u nagħti widen għal Kelmtek fit-talb tiegħi.

Marija Omm twajba, akkumpanjani fil-mumenti tat-talb tiegħi u għallimni nitlob bl-istess fervur li titlob Inti. Għinni naġixxi b’tjieba mall-oħrajn u b’ġenerożita’ bl-istess mod kif Alla jaġixxi miegħi. Ammen.

34. Riflessjoni fuq Luqa 4: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 4: 1-13

Satan-Tempts-Jesus-GettyImages-463967715-5808f7b65f9b58564c318113L-Evanġelju skont San Luqa 4: 1-13

[Lq:4:1] F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan fejn kien tgħammed u l-Ispirtu ħadu fid-deżert.

[Lq:4:2] Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.

[Lq:4:3] U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.”

[Lq:4:4] Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’?”

[Lq:4:5] Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa.

[Lq:4:6] Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.

[Lq:4:7] Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.”

[Lq:4:8] Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub, Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima, u lilu biss taqdi.”

[Lq:4:9] Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel.

[Lq:4:10] Għax hemm miktub li Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,

[Lq:4:11] u li fuq idejhom jerfgħuf, ħalli ma taħbatx riġlek ma xi ġebla.”

[Lq:4:12] Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.'”

[Lq:4:13] Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int lest li tgħaddi minn żmien ta’ prova?

Ġesu’ kellu jgħaddi minn żmien ta’ prova u tiġrib fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu. Il-kelma “Tempt” bl-ingliż normalment tfisser li tiġi mħajjar twettaq dnub. Il-kelma fl-Iskrittura hawn tfisser prova, fis-sens ta’ meta wieħed jiġi ppruvat u ppurifkat biex joħroġ jekk hux ippreparat għall-ħidma li hu msejjaħ iwettaq jew le.

Aħna ngħaddu l-piloti minn titjira bi prova biex naraw jekk humiex imħejjija sew biex itajru ajruplan. Bl-istess mod Alla jgħaddi l-qaddejja tiegħu mill-prova biex jara jekk humiex lesti jew le li jiġu wżati minnu għall-ġid tal-oħrajn.

Alla ġarrab lil Abraham biex hu jagħti prova tal-fidi tiegħu. Ġesu’ ma kienx l-eċċezzjoni għal dan it-tip ta’ provi. Satana jibqa’ jagħmel ħiltu kollha biex iħajjarna nagħżlu r-rieda tagħna fuq dik t’Alla. Jekk ma jkunx jista’ jħajjarna biex inwettqu dnub anki dak gravi, huwa mbagħad jipprova jwassalna biex nagħżlu dawk l-għażliet li eventwalment iwassluna biex nitbegħdu minn dak li Alla jrid minna.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ kien imġarrab bħalna u rebaħ fuq it-tiġrib mhux bil-qawwa umana tiegħu, imma bil-grazzja u l-qawwa li tah Missieru. Kellu jħalli r-rieda tiegħu biex iwettaq dik t’Alla l-Missier. Hu rnexxielu għax ried jogħġob lil Missieru u fdah li kien se jagħtih il-qawwa biex jirbaħ fuq l-ostakli li jitfaċċaw fi triqtu. Il-Mulej jagħti lilna wkoll l-Ispirtu s-Santu biex ikun il-qawwa u l-gwida tagħna u Dak li jikkunslana fit-tiġrib u l-prova.

Meta aħna b’ruħ safja nirċievu lil Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes, huwa Alla nnifsu li jsostina u jqawwina bil-preżenza divina tiegħu. Mistednin ukoll biex nirrikorru għand Ommna Marija li bħala Omm tiddefendina, tħarisna u tqawwina bit-talb tagħha biex aħna nibqgħu mħarsa u ma naqgħux għat-tentazzjonijiet tax-xitan. Alla dejjem lest biex jagħtina dak li għandna bżonn biex ngħixu fit-triq tiegħu tal-Imħabba u tas-Sewwa.

U inti tfittex l-għajnuniet li jixtieq jagħtik il-Mulej biex tkun tista’ tgħix fi Triqatu bil-qawwa u l-għajnuna meħtieġa?

Itlob …

Mulej, Kelmtek hi Ħajja, tagħti l-ħajja u tnissel il-ferħ vera. Għinni ngħix bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek.

O Marija Omm qawwija, itlob miegħi biex inħalli ‘l ruħi tiggwadanja mill-benefiċċji tas-Sagramenti li l-Knisja toffrili. Agħmel ukoll li jiena nafda Fik u nirrikorri għandek bit-talba tant għal qalbek tar-Rużarju. Ammen.

33. Riflessjoni fuq Luqa 5: 27-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 5: 27-32

V.S-SABADO-9.L-Evanġelju skont San Luqa 5: 27-32

[Lq:5:27] F’dak iż-żmien, Ġesu lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.”

[Lq:5:28] Dak telaq kollox, qam u mar warajh.

[Lq:5:29] Mbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra.

[Lq:5:30] Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?”

[Lq:5:31] U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda.

[Lq:5:32] Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti qatt esperjenzajt il-Ħniena t’Alla? U titratta lill-proxxmu tiegħek bi ħniena?

In-nies fil-Palestina kienu maqsuma qishom żewġ gruppi. Dawk li kienu riġidi fl-osservanza tal-liġi u l-bqija li ma kienux iżommu mar-regoli fid-dettalji tagħhom. L-osservanti kienu jitrattaw lill-bqija bħala ċittadini tat-tieni klassi. Kienu bi skruplu jevitaw il-kumpanija tagħhom, jirrifjutaw li jinnegozzjaw magħhom, jirrifjutaw li jagħtu jew jirċievu xi ħaġa minn għandhom, jirrifjutaw li jitħalltu bi żwieġ u jirrifjutaw li jgħaddu ħin ta’ mistrieħ u ta’ divertiment magħhom inkluż li jieklu magħhom.

Meta Ġesu’ jassoċċja lilu nnifsu ma’ dawn it-tip ta’ nies b’mod speċjali dawk li kienu jiġbru t-taxxi u l-midinbin, dawk li kienu l-osservanti, xxukkjaw ruħhom. Meta Ġesu’ sejjaħ lil Mattew biex ikun wieħed mid-dixxipli tiegħu, hu għażel raġel li kien jiġbor it-taxxi u li minħabba l-professjoni tiegħu l-Lhud kienu jobgħoduh. Fuq kollox kien jiġbor it-taxxi u mqabbad mir-Rumani li xejn ma kienu ġusti magħhom.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta l-Fariżej sfidaw dan l-atteġjament ta’ Ġesu’ li jiekol mal-midinbin pubbliċi, id-difiża li uża Ġesu’ kienet sempliċi ħafna. It-tabib ma jeħtiġlux li jżur lin-nies b’saħħithom, minflok hu jmur għand dawk li kienu morda. Ġesu’ bl-istess mod kien ifittex lil dawk li l-aktar kienu fil-bżonn. Tabib tajjeb ifittex il-fejqan fil-persuna b’mod sħiħ: f’ġisimha, fil-menti tagħha u fl-ispirtu tagħha.

Ġesu’ ġie bħala t-Tabib Divin u r-Ragħaj it-Tajjeb biex jieħu ħsieb il-poplu tiegħu u biex iġeddidhom għall-ħajja fil-milja tagħha. Dawk li akkużaw lil Ġesu’ kienu tant mehdija bl-osservanzi tagħhom tar-reliġjon li naqsu milli jgħinu dawk l-istess nies li kienu fil-bżonn tal-attenzjoni spiritwali. Ironikament kienu huma wkoll li kellhom l-istess bżonn bħan-nies li kienu jiddisprezzaw għax huma kienu egoisti u suppervi.

U inti tirringrazzjah lil Alla għall-Ħniena li jurik? U tfittex dak li hu l-aħjar għall-proxxmu tiegħek? U turihom ħniena?

Itlob …

Għeżież Ġesu’ u Marija, aħna issa niġu għandkom b’fiduċja għaliex nafu li Intom dejjem titrattawna bi Ħniena.

Il-qlub tagħna huma kiesħa, kebbsuhom bl-Imħabba bla egoiżmu tagħkom.

Il-qlub tagħna huma midinba, naddfuhom bid-Demm prezzjuż tas-Salvazzjoni.

Il-qlub tagħna huma dgħajfa, qawwuhom bl-Ispirtu tagħkom ta’ ferħ.

Il-qlub tagħna huma vojta, imlewhom bil-preżenza t’Alla.

Il-qlub tagħna huma Tagħkom, ipposeduhom dejjem u Għalikom biss. Ammen.

32. Riflessjoni fuq Mattew 9: 14-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 9: 14-15

Parable Of The Tares And Its MeaningL-Evanġelju skont San Mattew 9: 14-15

[Mt:9:14] F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesu id-dixxipli ta’ Ġwanni u qalulu: “Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”

[Mt:9:15] Qalilhom Ġesù: “Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewwdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jiġi l-ewwel is-Sawm jew il-Festeġġjamenti?

Ġesu’ ta spjegazzjoni sempliċi lid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista. Hemm żmien li ssum u żmien li tiffesteġġja u tiċċelebra. Li tkun dixxiplu u timxi ma’ Ġesu’ jfisser li tesperjenza l-ferħ ġdid tar-rabta tiegħek ma’ Kristu, imqabbel mal-festa tat-tieġ fejn wieħed jieħu sehem u jaqsam il-barka u l-ferħ tal-koppja li għadhom kemm ingħaqdu fi mħabbithom.

Ħsieb għal Qalbek …

Imma jiġi żmien ukoll meta d-dixxipli tal-Mulej ikollhom iġorru s-salib tat-tiġrib u l-purifikazzjoni. Għad-dixxiplu hemm iż-żmien fejn jifraħ fil-preżenza tal-Mulej u jiċċelebra t-tjieba tiegħu, kif ukoll iż-żmien meta jfittex lill-Mulej b’umilta’, bis-sawm, bis-sobgħa għal dnubietu.

Inti tifraħ bil-preżenza tal-Mulej li hu dejjem miegħek? U tesprimi sobgħa u ndiema għal dnubietek? Tersaq lejn il-Qrar biex tirċievi l-maħfra mingħand il-Mulej permezz tas-saċerdot?

Itlob …

Mulej, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek, ħalli nikber fl-għarfien tal-Imħabba u l-Verita’ tiegħek. Għinni nfittxek bil-ħerqa fit-talb u fis-sawm ħalli jien inżomm ‘il bogħod minni d-dnub u nara li ħajti tkun taqbel aktar bis-sħiħ mar-rieda mqaddsa tiegħek.

Twajba Ommi Marija, għallimni nsib il-ferħ f’li nagħraf, inħobb u nservi lilek bħala s-Sultana tiegħi u lil Ibnek bħala l-uniku Mulej u Sid ta’ ħajti. Ammen.

31. Riflessjoni fuq Luqa 9: 22-25

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 22-25

6-22-The-Most-Unique-PersonL-Evanġelju skont San Luqa 9: 22-25

Lq:9:22] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tieghu: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.”

 [Lq:9:23] Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.

[Lq:9:24] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.

[Lq:9:25] Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-aktar investiment importanti li inti tista’ tagħmel b’ħajtek?

Ġesu’ qed jiftħilna għajnejna u jurina nilmħu ċar li la l-flus u lanqas l-affarijiet materjali kollha li aħna nsejħu tagħna ma jistgħu jixtru l-ġenna, ifejqu qalb maqsuma, jew ifarrġu lil xi ħadd li qed iħossu waħdu.

Ġesu’ qed jistaqsi: “Xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?”

Kull ma għandna hu mogħti lilna bħala ‘rigal’ mingħand Alla Missierna. Aħna nafu kollox Lilu, inkluż ħajjitna stess.

Ħsieb għal Qalbek …

Dixxiplu veru hu lest li jħalli kollox warajh u li ma jħallix li qalbu tintrabat ma’ dak li huwa materjali, imma jżomm ruħu ħieles biex hekk ikun jista’ jikseb il-ferħ tal-ħajja m’Alla li ma tintemm qatt. Is-Salib ta’ Kristu jwassal għar-rebħa u l-ħelsien mid-dnub u l-mewt.

Liema hu s-salib li Ġesu’ qed jikkmandak biex terfa’ u ġġorr ta’ kuljum?

Meta r-rieda tiegħi ma tidhirx li taqbel ma’ dik tal-Mulej, hi tal-Mulej li għandha sseħħ.

Int lest titlef kollox għal Ġesu’ Kristu biex tikseb kollox ma’ Ġesu’ Kristu?

Itlob …

Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi u r-rieda kollha tiegħi. Kull ma għandi u kull ma hu tiegħi dan kollu Int tajtuli. Lilek Mulej inroddu. Kollox hu Tiegħek. Agħmel minnu għal kollox kif trid Int. Lili, agħtini mħabbtek u l-grazzja Tiegħek. Din biżżejjed għalija. Ammen.

30. Riflessjoni fuq Mattew 6: 1-6; 16-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 6: 1-6; 16-18

ash.wednesday-642x250L-Evanġelju skont San Mattew 6: 1-6 : 16-18

[Mt:6:1] F’dak iż-żmien, Ġesu qal: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.

[Mt:6:2] “Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

[Mt:6:3] Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija,

[Mt:6:4] biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

[Mt:6:5] “U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

[Mt:6:6] Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

[Mt:6:16] “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

[Mt:6:17] Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek,

[Mt:6:18] biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ enfasizza t-Talb, is-Sawm u l-Karita’ mad-dixxipli tiegħu?

Il-Lhud kienu jikkunsidraw dawn it-tlieta bħala l-ħidmiet bażiċi tal-ħajja reliġjuża. Kienu kkunsidrati bħala s-sinjali li jidhru fi bniedem tajjeb. It-tlett pilastri l-kbar li fuqhom il-ħajja tajba kienet ibbażata. Ġesu’ jipponta lejn il-qalba tal-affari kollha.

Ħsieb għal Qalbek …

Għaliex Titlob, Issum u tagħti Karita’? Biex titfa’ l-attenzjoni fuqek ħalli l-oħrajn jinnutaw dak li tkun qed tagħmel u jgħidu li int bniedem qaddis? Jew biex tagħti glorja lil Alla?

Il-Mulej iwissi lid-dixxipli tiegħu dwar il-vanaglorja – meta wieħed jagħmel xi ħaġa tajba biex jirċievi l-glorja hu nnifsu. Iwissi dwar it-tħassib żejjed li wieħed jista’ jkollu biex jidher tajjeb quddiem l-oħrajn u biex jirċievi t-tifħir minn għandhom.

Filwaqt li tagħmel is-Sawm, it-Talb u l-Karita’ tiegħek lejn il-proxxmu, għamel ukoll minn kollox biex iżżomm kollox moħbi u tfaħħar int stess lil Alla meta in-nies tfaħħar lilek, biex tkun qed tagħraf lil Alla bħala dak li waħdu hu l-Bidu u l-Għajn ta’ kull don tajjeb.

Itlob …

Mulej, għinni nersaq lejk fit-talb, fis-sigriet u fil-kamra ta’ ġewwa fejn Int tkun hemm tistennini. Għarrafni x’għandi nbiddel f’ħajti biex bl-għajnuna tiegħek ngħix il-ħajja t-tajba li Int titlob minni.

Marija Omm l-iktar umli u moħbija, agħmel li bħalek meta jfaħħruni n-nies jien indawwar it-tifħir tiegħi kollu lejn Alla bl-istess mod kif Inti għamilt quddiem it-tifħir li rċevejt mingħand Eliżabetta li stqarret li Int kont l-Imbierka fost in-nisa u hienja għax emmint kull ma bagħat jgħidlek Alla permezz tal-Anġlu Gabrijiel.

O Marija, agħtini qalbek għax irrid inħobb lil Ġesu’ bħalma ħabbejtu Int. Ammen.

Viżta lil Ġesu’ f’forma ta’ poeżija 1

10633299_220043288349712_5301698133976032404_oWasalt ħdejk Ġesu’ ta’ qalbi
Ksirt is-sikta li hawn ħdejk,
Xtaqt noffrilek kull ma għandi,
Ilqa’ ħajti u mħabbti lejk.
Missierna, Sliema, Glorja

Ta’ kemm drabi kont qrib tiegħek
Biss bil-ġisem u le bil-qalb,
Jisgħobbija wisq li nqastek
Int li Int tjieba bla tarf.
Missierna, Sliema, Glorja

Ta’ kemm żbalji għamilt f’ħajti
Ta’ kemm ħlejt mill-ħin prezzjuż,
Għenni npatti b’opri tajba
U nkun dejjem ġeneruż.
Missierna, Sliema, Glorja

Ġejt ningħaqad mal-Arkanġli
Ma’ Marija u l-qaddisin,
Li madwarek qima jagħtu
Glorja Lilek ta’ kull ħin.
Missierna, Sliema, Glorja

Tħallinix nitbiegħed minneK
Inti l-Għajn tal-hena, ‘l ferħ,
Ħalli b’ħajti nkun offerta
Ta’ tifħir għaliK u serħ.
Missierna, Sliema, Glorja

Skont il-fehma tal-Papa: Missierna, Sliema, Glorja

Għall-erwieħ tal-Purgatorju …

29. Riflessjoni fuq Luqa 6: 27-38

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 27-38

0-0-christ-teaching-foolish-rich-man-parable-1401835-gallery

L-Evanġelju skont San Luqa 6: 27-38

[Lq:6:27] Ġesu qalilhom: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom,

[Lq:6:28] bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom.

[Lq:6:29] Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu.

[Lq:6:30] Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura.

[Lq:6:31] Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.

[Lq:6:32] Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom.

[Lq:6:33] U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin.

[Lq:6:34] U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

[Lq:6:35] Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma’ l-ingrati u l-ħżiena.

[Lq:6:36] Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

[Lq:6:37] “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra;

[Lq:6:38] agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jagħmel l-insara differenti u x’jagħmel in-nisrani distanti minn kull Reliġjon oħra?

Hija l-grazzja. Tiratta lill-oħrajn mhux kif jistħoqqilhom imma kif Alla jixtieq li jitrattahom bi mħabba u bi ħniena. Alla huwa tajjeb mal-inġusti kif ukoll mal-ġusti. L-imħabba tiegħu tgħannaq il-qaddis u l-midneb. Alla jfittex l-għola ġid tagħna u jgħallimna nfittxu l-aqwa ġid għall-oħrajn, anki ma’ dawk li jobgħoduna u jabbużawna. Iridna nħobbu lil kulħadd bl-istess mod kif ħabbna Hu.

Huwa faċli u fin-natura umana tagħna li nuru mħabba u ħniena meta nafu li biha se niggwadanjaw xi ħaġa għalina nfusna, imma kemm hu aktar diffiċli meta dak li nagħmlu nagħmluh bla ma nistennew xejn lura. It-talba tagħna għal dawk li jagħmlulna d-deni tkisser kemm il-qawwa tas-sens ta’ tpattija li dlonk jitfaċċa fina meta nweġġgħu, kif ukoll toħroġ minna l-imħabba qawwija li tagħmel it-tajjeb meta affaċċjat mal-ħażin.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif nistgħu nħobbu lil dawk li jikkawżawlna ħsara u wġigħ?

Meta msieħba m’Alla, xejn m’hu impossibli għalina li nagħmlu. Hu jagħtina l-qawwa u l-grazzja, aħna li nemmnu u naċċettaw id-don tal-Ispirtu s-Santu. L-Imħabba tiegħu tirbaħ fuq kollox. Tirbaħ fuq l-biża’, fuq il-preġudizzji u anki fuq il-weġgħat tal-qalb tagħna.

Biss is-Salib ta’ Ġesu’, jista’ jeħlisna mit-tirannija tal-ħażen, tal-mibgħeda, tat-tpattija u jagħtina l-kuraġġ biex inpattu d-deni bil-ġid. Din l-imħabba u l-grazzja għandha l-qawwa biex tfejjaq u ssalva mid-distruttzjoni.

Inti tħalli din il-qawwa tal-Imħabba t’Alla tirrenja f’qalbek u fl-aġir tiegħek? Jew f’qalbek hemm it-toqol u l-jasar li żżommok fih il-mibgħeda lejn min għamillek jew qed jagħmillek il-ħsara?

Itlob …

Mulej, l-Imħabba tiegħek iġġib il-ħelsien u l-maħfra. Imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u żomm lil qalbi fil-paċi tiegħek ħalli nevita milli nitlef sabri, milli taqbiżli u nitlef it-tempra.

Għażiża Marija, Inti li bħal Ibnek mhux biss ħfirt lil min ittortura u qatel lil Ibnek, imma lqajt li tieħu fuqek irwol t’Omm. Int għadek sal-lum u tibqa’ tħobb, tieħu ħsieb u titlob għal uliedek kollha, anki dawk li ma jagħrfukx u lanqas jagħrfu lil Ibnek. Għinni u għallimni biex nimxi fuq l-eżempji tiegħek u nkun nixbaħ aktar lil Alla. Ammen.

28. Riflessjoni fuq Mark 9: 2-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 9: 2-13

17bb23507f5a2aa4278274c9302d6a2fL-Evanġelju skont San Mark 9: 2-13

[Mk:9:2] Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.

[Mk:9:3] Lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija ta’ l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.

[Mk:9:4] U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

[Mk:9:5] Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”

[Mk:9:6] Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

[Mk:9:7] Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.”

[Mk:9:8] Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

[Mk:9:9] Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.

[Mk:9:10] Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’.

[Mk:9:11] Staqsewh u qalulu: “Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”

[Mk:9:12] “Tassew,” weġibhom, “l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ?

[Mk:9:13] Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti ppreparat biex tara l-glorja t’Alla?

Alla ħerqan biex jaqsam il-glorja tiegħu miegħek. Nilmħu mill-bogħod din il-glorja meta id-dixxipli raw lil Ġesu’ ttrasfigurat fuq it-Tabor. Ir-rakkont li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb.

Fil-ktieb tal-Eżodu kapitlu 34 vers 29 insibu li meta Mose’, iltaqa’ m’Alla fuq il-muntanja tas-Sinaj, il-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejn Alla. U San Pawl fit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin kapitlu 3 vers 7 jgħidilna li l-Iżraelin ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mose’ minħabba fid-dija ta’ wiċċu.

Fir-rakkont tal-lum, Ġesu’ jidher fil-glorja mal-kbir mexxej Mose’ dak li permezz tiegħu ngħatat il-liġi lill-poplu t’Alla u ma’ Elija l-aqwa fost il-profeti li ħabbar ħafna dwar il-miġja tal-Messija, fil-preżenza ta’ tlieta mill-appostli għeżież tiegħu.

X’inhu s-sinifikat ta’ din id-dehra misterjuża?

Ġesu’ mar fuq il-muntanja bl-għarfien minn qabel ta’ dak li kellu jgħaddi minnu f’Ġerusalemm. Iċ-ċaħda li kellu jsofri, il-mod kif kien se jiġi mwarrab u l-mewta tas-salib. Probbabilment li Ġesu’ tkellem dwar id-deċiżjoni tiegħu li jmur għall-mewt tas-salib ma’ Mose’ u Elija. Alla l-Missier ukoll tkellem ma’ Ġesu’ u ta’ l-approvazzjoni tiegħu. “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” Is-sħaba li mliet il-post ta’ din id-dehra ta’ Ġesu’ wettqet il-ħolma tal-Lhud li meta l-Messija jiġi, is-sħaba tal-preżenza t’Alla kienet se terġa’ timla t-Tempju li jissemma fit-Testment il-Qadim.

Ħsieb għal Qalbek …

Pietru, Ġakbu u Ġwanni kienu xhieda privileġġati tal-glorja ta’ Kristu. Aħna wkoll bħala dixxipli ta’ Kristu msejħa biex inkunu xhieda tal-glorja tiegħu kif insibu fit-tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 18. Il-Mulej irid jirrivela l-glorja tiegħu għalina d-dixxipli għeżież tiegħu.

Inti tfittex il-preżenza Tiegħu fik, fl-oħrajn, madwarek u b’mod speċjali fl-Ewkaristija, b’dik il-fidi, ir-rispett u l-qima li jixtieq jara fina l-Mulej?

Itlob …

Mulej, ressaqni lejk u ħallini nara u nesperjenza l-glorja tiegħek. Agħmel li qatt ma niddubita l-imħabba u l-għajnuna tiegħek li jsalvawni. Ammen.