X’għandi nagħmel fil-prattika biex ngħix dejjem fil-Ferħ Spiritwali?

68

🌻 Fil-Prattika għandi:

  • Nidħol fil-preżenza t’Alla bil-fidi.
  • Il-fidi hi ftuħ – ftuħ tal-qalb tagħna quddiem Alla.
  • Dan il-ftuħ iwassalna biex nagħmlu ‘esperjenza ħajja’ ta’ Ġesu’ ‘ħaj’ f’ħajjitna.

🌻 Biex nagħraf il-veritajiet tal-fidi, irrid l-ewwel nagħmel att ta’ fiduċja f’Alla u nemmen f’MIN bagħat – IBNU L-GĦAŻIŻ. Jekk nemmen li Ġesu’ jħobbni u ġie biex isalvani, allura:

  1. ser nafdaH,
  2. ser nieħu pjaċir niltaqa’ miegħU fit-talb,
  3. se nfittxU sa ma nsibU,
  4. sa ma nisma’ leħnU,
  5. sa ma nħalliH imexxili ħajti
  6. sa ma jwassalni għall-Glorja tal-Ġenna.

Kif inkun ċert li qiegħed fil-preżenza t’Alla fit-talb? Għandi nara’ xi sinjal jew inħoss xi ħaġa? Jekk ma nara u nħoss xejn, jiġifieri Alla mhux preżenti, jew forsi li jien għandi nieqaf nitlob għax qed nitlob ħażin?

13

🌻 Li wieħed jara jew iħoss mhux importanti. Il-ħass jista’ jkun ‘ħass ħażin’!! L-importanti b’liema attitudni qed nidħol fit-talb. Jekk ix-xewqa tiegħi hi li Alla jibdilni għall-aħjar, kif u meta jrid Hu, allura fil-mumenti tat-talb, tassew jiġri dan anki meta wieħed ma jintebaħx.

🌻 Eżempju: Ġieli fis-Sajf, meta tkun ħdejn il-baħar, ix-xemx tkun mgħottija bis-sħab u mhux talli ma tidhirx, imma ukoll ma tħossx ir-raġġi qawwijin tagħha fuqek. Minkejja dan, meta tmur id-dar u tħares fil-mera, ġeneralment tinduna li tkun ħaditek xorta waħda bla ma int indunajt! Hekk jiġri minn min jidħol fil-preżenza t’Alla fit-talb b’xewqa sinċiera u b’fidi fiH.