X’inhi t-tama għal min jgħix ta’ nisrani vera fejn tidħol l-Eternita’?

3

🌻 Alla Hu Trinità – 3 persuni f’Alla wieħed:

  • Missier li ħalaq kollox u għamel pjan biex isalva lil kull bniedem
  • L-Iben (Ġesù) li wettaq il-pjan tal-Missier
  • Spirtu s-Santu li jagħtina l-ħajja u l-qawwa li nħobbu kif iħobb Alla.

Bħala Nsara irridu ngħixu ta’ wlied il-Missier billi nixbhu lil Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li hemm fina.

🌻 Il-Ġenna hija l-esperjenza li nħobbu u nkunu maħbubin f’għaqda intima u profonda ma’ Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, l-għaqda li jibqa’ jkollna ma’ dawk li nħobbu u li mietu qabilna, l-iskop ewlieni ta’ kull bniedem.

🌻 Dawk li jkunu fittxew il-ħbiberija ta’ Alla ‘mma kien hemm xi dnubiet li baqgħu jifirduhom minn Alla, jkollhom bżonn li jinħelsu minn dawn id-dnubiet biex jingħaqdu ħaġa waħda ma’ Alla. Dan il-Knisja ssejjaħlu l-Purgatorju.

🌻 Dawk li f’ħajjithom iwarrbu lil Alla u minflok l-imħabba tiegħu jagħżlu l-egoiżmu, s-suppervja u l-mibegħda, jibqgħu jgħixu hekk wara li jmutu, iġifieri bogħod minn Alla u f’disperazzjoni għax issa jagħrfu sew xi jkunu tilfu. Dan jissejjaħ Infern.

Nisrani kif għandu jieħu sehem fil-Quddiesa u għaliex il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba?

70

🌻 In-nisrani:

  • Għandu jmur il-Quddiesa għax jixtieq jobdi u jħobb lil Ġesu’ u lill-Knisja tiegħu.
  • Għandu jindem minn dnubietu biex jagħmel tqarbina tajba.
  • Għandu jagħmel ħiltu biex jixrob il-Kelma.
  • Għandu tassew jitlob bil-qalb fil-waqtiet li jsir dan.
  • Għandu jitqarben bl-akbar fidi, tama u mħabba li hemm fih.
  • Għandu jrodd ħajr lil Alla.

🌻 Il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba għaliex fi Ġwanni 4, insibu li Ġesu qal li l-Missier Alla jfittex lil dawk li jadurawh fl-Ispirtu u l-Verita’. Din hi l-adorazzjoni unika li jrid u jistenna l-Missier. Ġesu’ qalilna li hu din il-Verita u Hu biss jista’ jagħtina l-Ispirtu. Dan iseħħ bil-mod l-aktar qawwi fil-Quddiesa u bit-Tqarbin. Mela t-talba li l-aktar togħġob lil Alla l-Missier hi l-offerta ta’ Ġesu’ ssagrifikat għalina u mogħti lil Missier. Aħna nidħlu bis-sħiħ f’din l-offerta tal-Iben lill-Missier bit-talb u t-tqarbin u mbagħad billi ngħixu din l-offerta tul ħajjitna.

Għaliex il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani?

69

🌻 Ġesu’ kkmanda: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Luqa 22:19). X’tip ta’ tifkira hi din? Mhix biss memorja ta’ xi ħaġa tal-passat (bħal ritratt jew party tal-birthday) imma hija memorjal, jiġifieri dak li ġara fil-passat jiġri issa waqt li niftakru. Mela l-quddiesa mhux tirrappreżenta lil Kristu iżda tippreżenta, tagħmel preżenti lil Kristu fostna.

🌻 Il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani għax:

  • Nobdu l-kmand t’Alla li nħarsu l-Jum tiegħu.
  • Naqtgħu x-xewqa u l-kmand ta’ Ġesu’ li mmorru għandu u li nibqgħu nagħmlu dan b’tifkira tiegħu.
  • Mingħajr din il-manna mis-sema mmutu f’dan id-deżert ta’ din id-dinja.
  • Mingħajr dan l-Ilma ħaj ninxfu spiritwalment u ninqatgħu minn Alla.
  • Mingħajr Kristu ma nistgħu nagħmlu xejn. Min jaħseb li jista’ jżomm ħajja r-relazzjoni ma’ Ġesu’ waħdu u bla għajnuna tas-sagramenti huwa żbaljat bil-kbir.
  • Id-dixxiplu individwali jesperjenza u jsaħħaħ l-għaqda tiegħu mal-komunita’ li temmen u tħobb lil Sidu.
  • It-Tqarbin hu t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux b’Ġesu’. Mela t-tqarbin magħmul sewwa fil-kuntest tat-talb u l-qima tal-Quddiesa huwa l-mezz ewlieni biex naslu għall-ħajja ta’ dejjem.

X’importanza rridu nagħtu lill-Kelma tal-Missier: ‘Dan hu Ibni… isimgħu lilU’ u kif nirċievu l-Ferħ Spiritwali?

67

🌻 Il-Kelma tal-Missier: ‘Dan hu Ibni… isimgħu lilU’. Għaliex minn fost tant ilħna u messaġġi li għandna madwarna, għandna nisimgħu lil Ġesu’? Għax hu d-DAWL (manifestat fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni) …

  • dawl fid-dlam ta’ ħajjitna,
  • dawl fil-mumenti iebsa li ngħaddu minnhom,
  • dawl fil-mumenti ta’ qtiegħ ta’ qalb u dwejjaq,
  • dawl li jdawwal il-ħsibijiet tagħna biex nagħrfu nagħmlu l-aħjar għażliet f’ħajjitna.

🌻 Jekk inħallu dan id-Dawl jidħol f’ħajjitna billi bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja ta’ madwarna u f’post ta’ skiet (bħas-skiet tal-muntanja Sinaj) nisimgħu lil Kristu fit-talb, dan id-Dawl iwassalna għall-FERĦ SPIRITWALI (li esperjenza Pietru)

  • ferħ veru li ma jgħaddix bħal kull ħaġa li hawn fid-dinja,
  • ferħ li jwasslek tintebaħ li Alla ħalqek għax ħabbek u għandu pjan ta’ mħabba għalik,
  • ferħ li l-Iben t’Alla nnifsu miet għalik fuq is-Salib biex lilek jaħfirlek dnubietek u jwasslek il-Ġenna,
  • ferħ li anki jekk fil-ħajja preżenti tgħaddi mill-iebes, taf li hemm Alla li qed jieħu ħsiebek bħal Ragħaj (ara Salm 23) li għax ma jitilqek qatt, lanqas wied mudlam ma jbeżżek.
  • ferħ li dan ir-Ragħaj qed imexxik (anki jekk fid-dlam u n-nuqqas ta’ ċertezza) lejn il-Ġenna (id-destinazzjoni tan-nisrani)

🌻 Fil-Ġenna dan il-ferħ ma jkun qatt imtebba’ bid-dwejjaq li għadhom inisslu fina ċ-ċirkustanzi iebsin tal-ħajja f’din l-art.

X’għandu jagħmel kull nisrani u l-Knisja kif tidħol fir-rigward tal-kuxjenza?

65

🌻 Min hu nisrani ma jistax jgħid ili qed jibni l-kuxjenza tiegħu u fl-istess waqt iwarrab dak li qal u għallem Ġesu’.

🌻 Il-bniedem jista’ jagħti ‘opinjoni’ imma, l-kuxjenza mhix opinjoni ta’ individwu/i!

🌻 La l-kuxjenza hi t-tweġiba tagħna għal dak li qalilna Alla permezz ta’ Ġesu’, għandha tkun ibbażata biss fuq l-istess tagħlim ta’ Ġesu’.

🌻 Fir-rigward tal-kuxjenza, il-Knisja tidħol għaliex kienet hi li fil-bidu qaltilna li l-Kelma t’Alla hi dik li hi.

🌻 Kienet il-Knisja (jiġifieri l-komunita’ nisranija), li wara proċess twil, li għandu kriterji fissi, waslet biex b’dixxerniment u bl-għajnuna t’Alla tagħżel liema huma l-kotba ispirati u l-kotba li m’humiex fil-Bibbja.

🌻 Il-proċess biex għarfet li għandha żżomm is-72 Ktieb tal-Bibbja li nafu bihom illum, ħa ħafna żmien.

🌻 Għalhekk, ma nistgħux nifhmu l-Iskrittura b’mod ieħor ħlief bil-mod kif tgħallimna dwarha l-Knisja għax kienet l-istess Knisja li għarfet dak li hu ġej minn Alla u dak li mhux ġej minn Alla.