Għaliex hu żbaljat in-New Age?

47

🌻 L-idea l-aktar bażika, u żbaljata tan-New Age hi li l-bniedem kapaċi jsalva lilu nnifsu.

🌻 Idea oħra żbaljata hi li kull reliġjon tajba, anke waħda vvintata mill-bniedem.

🌻 Żball ieħor hi l-idea li r-reliġjon qiegħda hemm biex jieħu gost u sodisfazzjon biha l-bniedem, u mhux li l-bniedem irid jobdi ‘l Alla anke meta ma jogħġbux jagħmel dan.

🌻 Illum hemm ħafna nies li għandhom sens esaġerat ta’ liberta’ u jippretendu li jmexxu kollox huma u li Alla jkollu joqgħod għalihom.

🌻 Xi sekli wara li bdiet il-Knisja, kien hemm ereżija li nxerdet fost l-insara, msejħa gnosi. Din kienet tgħid li l-bniedem isalva lilu nnifsu b’għerf sigriet li jiġi mogħti biss lill-membri tas-setta. Dawn kienu jużaw din ir-reliġjon eretika biex jitkabbru fuq l-oħrajn. Fid-dinja tal-lum din l-ereżija reġgħat qed taqbad fin-New Age.

In-New Age x’inhu?

46

🌻 Huwa reliġjon li żviluppat dan l-aħħar.

🌻 Ħadet ħafna elementi mill-buddiżmu u mill-animiżmu u reliġjonijiet oħra.

🌻 Hija reliġjon bla struttura fejn min jipprattikaha jagħżel hu l-partijiet li jogħġbuh.

🌻 Hija reliġjon li daħħlu kollox fiha: mużika; natura; spirti; meditazzjoni; inċens; kristalli; okkult; maġija; fwejjaħ; gurus; letteratura mistika; martial arts; yoga; seħer; kulti pagani u tan-natura; films; attaparsi kuntatt mal-mejtin; qari tax-xorti; kwantita’ ta’ simboli u dekorazzjonijiet tal-ġisem u tal-postijiet … eċċ.

🌻 Fin-New Age, il-persuna toħloq hi r-reliġjon tagħha u tivvinta hi dak li tagħmel u meta. Hi reliġjon ‘do it yourself’. Il-persuna ma tagħti rendikont lil ħadd u ssegwi biss dak li jaqbdilha l-interess, għalhekk hemm ‘business’ kbir qed jiżviluppa madwar din il-kwantita’ kbira ta’ prattiċi New Age.