X’inhi t-tama għal min jgħix ta’ nisrani vera fejn tidħol l-Eternita’?

3

🌻 Alla Hu Trinità – 3 persuni f’Alla wieħed:

  • Missier li ħalaq kollox u għamel pjan biex isalva lil kull bniedem
  • L-Iben (Ġesù) li wettaq il-pjan tal-Missier
  • Spirtu s-Santu li jagħtina l-ħajja u l-qawwa li nħobbu kif iħobb Alla.

Bħala Nsara irridu ngħixu ta’ wlied il-Missier billi nixbhu lil Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li hemm fina.

🌻 Il-Ġenna hija l-esperjenza li nħobbu u nkunu maħbubin f’għaqda intima u profonda ma’ Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, l-għaqda li jibqa’ jkollna ma’ dawk li nħobbu u li mietu qabilna, l-iskop ewlieni ta’ kull bniedem.

🌻 Dawk li jkunu fittxew il-ħbiberija ta’ Alla ‘mma kien hemm xi dnubiet li baqgħu jifirduhom minn Alla, jkollhom bżonn li jinħelsu minn dawn id-dnubiet biex jingħaqdu ħaġa waħda ma’ Alla. Dan il-Knisja ssejjaħlu l-Purgatorju.

🌻 Dawk li f’ħajjithom iwarrbu lil Alla u minflok l-imħabba tiegħu jagħżlu l-egoiżmu, s-suppervja u l-mibegħda, jibqgħu jgħixu hekk wara li jmutu, iġifieri bogħod minn Alla u f’disperazzjoni għax issa jagħrfu sew xi jkunu tilfu. Dan jissejjaħ Infern.

Għaliex Ġesu’ ma ġiex fid-dinja fi żminijietna? Kien ikun aktar faċli li nemmnu fiH! Dawk in-nies ta’ żmien Ġesu’ aħjar minna għax rawH u setgħu jmissuH?

15

🌻 Għall-kuntrarju, aħna li rċevejna l-Ispirtu s-Santu li Ġesu’ wegħedna li ser jibgħattilna, għandna aktar għarfien dwar Ġesu’ minn nies li għexu meta kienu fid-dinja. Infatti, dawn ma kienux għadhom irċevew l-Ispirtu s-Santu li xogħolu hu li:

  • jfakkarna t-tagħlim ta’ Ġesu’
  • ikabbar fina l-fidi
  • u jgħinna nfasslu ħajjitna bil-mod kif iridna Ġesu’.

🌻 Prova ta’ dan, għandna kliem Ġesu’ stess meta, qabel ma kien ser jinfired mid-dixxipli qallilhom: 

  • “…ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, l-Ispirtu s-Santu ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom” (Ġwanni 16: 7)

u aktar:

  • “L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” (Ġwanni 14: 26) 

🌻 Mela Alla uża l-Persuna ta’ Ġesu’ biex iwasslilna l-Kelma tiegħu. Fil-preżent, ma biddilx il-mod ta’ kif iwasslilna l-Kelma tiegħU. Hu għadu u jibqa’ jinqeda b’persuni,

  • bil-Papa,
  • bl-Isqfijiet u s-Saċerdoti magħqudin miegħu
  • u b’kull min hu ta’ xhieda vera għaliH, anki lilna wkoll.

🌻 Għandna wkoll is-Sagrament tal-Ewkaristija (il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ġesù nnifsu) li nistgħu naraw, immissu u nirċievu ġewwa fina.

🌻 Niftakru wkoll fil-kliem li qal Tumas qabel ma ra lil Ġesu’ mqajjem mill-mewt: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx” (Ġwanni 20: 25). U ma ninsewx x’qalu Ġesu’ meta deher: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġwanni 20: 29).

Għaliex Alla ma jħalliniex narawh?

23

🌻 “Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dan hu li jħobbni…. u min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jien nħobbu, U NURI LILI NNIFSI LILU”. (Ġwanni 14: 15, 21) Kif? HU jaf.

🌻 “Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla.” (Ġwanni 1,18)

🌻 Li kieku kellu jħallina narawh, aħna li għandna ġisem u dan imtebba’ bid-dnub, li kieku mmutu!

Għala meta titlob jew tixtieq xi ħaġa, Alla ġieli jidher li ma jridx jirrealizzaha?

87287687_1375151296005122_6927743172835540992_o

🌻 Meta lil Alla tkun qed titolbu xi ħaġa u ma jagħtihielekx, huwa għax ikun ser jagħtik xi ħaġa aħjar. Dejjem din tkun ir-raġuni meta wieħed ikun diġa’ qed jgħix skont it-tagħlim tiegħu bl-istess mod kif omm jew missier jagħtu lil uliedhom mhux dejjem dak li huma jitolbu imma dejjem dak li jaraw li hu l-aħjar għalihom.

🌻 Ġeneralment, it-tfal meta jikbru jiftakru fil-mod kif imxew magħhom il-ġenituri, li jifhmu li dawn ma tawhomx kull ma riedu imma dak li kienu jeħtieġu.

🌻 Aħna l-bnedmin insiru nafu wara ċertu żmien għalfejn Alla għaddiena minn dak li għaddiena, u jekk le, wara din il-ħajja kollox jinkixef u nifhmu.

🌻 L-appostli wkoll xtaqu jkunu jafu kwantita’ t’affarijiet mingħand Ġesu’ u kienu jistaqsuh ħafna mistoqsijiet. HU wegħedhom li wara din il-ħajja, huma ser jifhmu kollox. Żid jgħidilhom: “F’dak il-jum, xejn ma tistaqsuni” (Ġwanni 16: 23)