X’jiġri wara l-mewt u għaliex funeral nisrani huwa wkoll ċelebrazzjoni?

4

🌻 Qabel il-miġja ta’ Ġesu’, il-mejtin kienu jinżammu fix-Sheol (Limbu) biex meta jasal iż-żmien ikunu ġġudikati minnU. Wara li Ġesu’ miet u qam mill-mewt, kull bniedem li jmut jiġi ġġudikat minnU malli jmut. Fil-ġudizzju jidher biċ-ċar dak kollu li kienet il-ħajja ta’ dak l-individwu u l-konsegwenzi kollha li ikkawża kemm bl-imħabba u kemm meta m’obdiex il-kuxjenza. Dak l-individwu mbagħad jidħol fl-istat permanenti tal-Ġenna jew l-Infern. Nemmnu li Alla, lil dawk li huma destinati għall-Ġenna, l-ewwel isaffihom u jwassalhom għall-perfezzjoni (jekk ikunu jeħtieġu) permezz ta’ Purgatorju.

🌻 Il-funeral nisrani huwa wkoll ċelebrazzjoni għax jiċċelebra l-ħajja ta’ dejjem u r-rebħa ta’ min għex u miet fi Kristu. Jiċċelebra l-Qawmien kemm ta’ Ġesu’ u kemm ta’ min miet. Għalhekk jinxtegħel il-Blandun. Qabel ma jindifnu l-fdalijiet, l-ewwel jitbierku bl-ilma mbierek biex jiġi mfakkar li l-persuna kienet tgħammdet u għexet fi Kristu u jiġu wkoll inċensati biex jiġi muri li l-persuna għad tirċievi ġisem glorjuż fil-qawmien ġenerali mill-imwiet.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-Piena Kapitali?

54

🌻 Fl-imgħoddi l-Knisja kienet tittollera din il-piena minħabba l-prinċipji morali

  • tad-difiża (self defence of society against an aggressor),
  • tad-dixxiplina fl-ordni pubbliku
  • u tal-edukazzjoni tal-poplu kontra l-kriminalità.

Fil-Bibbja nsibu li Alla wkoll ifforma lill-poplu tiegħu (il-Lhud) saħansitra b’dan il-mezz estrem.

🌻 Illum, il-Knisja tixtieq tkun vuċi qawwija fis-soċjetà favur il-ħajja tal-bniedem għax dan il-valur l-aktar fundamentali qed jiġi mhedded. Għaldaqstant illum titkellem kontra l-piena kapitali u tinsisti li meta jkun il-każ, kriminal għandu jiġi mogħti sentenza ta’ ħabs u mhux il-mewt. Il-Knisja tgħallem ukoll li tul is-sentenza fil-ħabs, il-kriminal jista’ jkompli b’xi mod l-iżvilupp uman tiegħu li kieku bil-mewt ma jkun aktar possibbli.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq l-Abort?

49

🌻 Il-knisja tikkunsidra l-abort bħala delitt premeditat kontra l-ħajja innoċenti u għalhekk tal-akbar gravità.

🌻 Skont il-bioloġija nafu li meta jingħaqdu l-isperma u l-ovulu, jiġi prodott il-kodiċi ġenetiku ta’ bniedem ġdid, u għalhekk minn dak il-mument ‘l quddiem, dak l-individwu għandu jiġi mħares u xejn m’għandu jsirlu ta’ ħasra jew li jikkawżalu l-mewt.