301. Riflessjoni fuq Luqa 9: 11-17

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 11-17

Giovanni_Lanfranco_-_Miracle_of_the_Bread_and_Fish_-_WGA12454-700x425

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 11-17

[Lq:9:11] F’dak iż-żmien, Ġesu laqa l-folol tan-nies u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan.

[Lq:9:12] Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab.”

[Lq:9:13] Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha?”

[Lq:9:14] Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.”

[Lq:9:15] Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.

[Lq:9:16] Mbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewwluhom lin-nies.

[Lq:9:17] U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li verament tista’ taqtagħlna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?

Folla kbira ta’ nies, inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’, bla dubju għax kellhom il-ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-riżorsi biex jitimgħuhom. Huma kkummentaw ukoll, li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu tal-inqas paga ta’ sitt xhur. Ġesu’, il-Ħobż tal-Ħajja ħa l-ftit li kellhom, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema, qasmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu.

Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna. Ikun iridna nagħtuh il-ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li Hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel, huwa l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Evanġeli.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-miraklu?

Dan il-miraklu fakkar lill-poplu fil-providenza t’Alla meta temgħahom fid-deżert, meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mose’. Dawn meta qabadhom il-ġuħ Alla bagħatilhom il-manna x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel mis-sema kuljum fuq l-altari tagħna, li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan, ma jmut qatt imma jgħix b’Ġesu’ għall-eternita’.

Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih il-ftit tiegħek b’fiduċja li hu bih se jibdel il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?

Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull Quddiesa li titqaddes jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll.

Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċievieh jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?

Itlob …

Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmagħna bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-Quddiesa u t-Tqarbina, anki dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta’ xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu jduqu mill-benna li Int biss taf tagħti, l-benna tiegħek innifsek. Ammen.

300. Riflessjoni fuq Luqa 8: 16-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 8: 16-18

Oil Lamp and Bible

L-Evanġelju skont San Luqa 8: 16-18

[Lq:8:16] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal: “Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl.

[Lq:8:17] Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl.

[Lq:8:18] Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ fost oħrajn juża l-immaġini tal-musbieħ biex jiddeskrivi kif id-dixxipli għandhom jgħixu fid-dawl tal-verita’ u l-imħabba. Infatti l-missjoni tagħna hi li nġorru d-dawl ta’ Kristu fina biex hekk l-oħrajn jkunu jistgħu jaraw il-verita’ tal-Evanġelju u jkunu jistgħu jiġu meħlusa mill-għama tad-dnub u tal-qerq.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jirrimarka li xejn ma jista’ jibqa’ moħbi jew fis-sigriet. Aħna nistgħu nippruvaw naħbu affarijiet minn xulxin, minna nfusna jew minn Alla, imma madanakollu kollox hu magħruf għal Alla li jara kollox. Hemm liberta’ kbira u ferħ għal dawk li jgħixu fid-dawl t’Alla u li jfittxu l-verita’ tiegħu.

U inti taf xi jfisser il-ferħ u l-liberta’ li tgħix fid-dawl t’Alla?

Id-dawl tiegħek tħallih jiddi quddiem l-oħrajn?

Itlob …

Mulej, Int tmexxini bid-dawl tal-verita’ tiegħek li ssalva. Imla lil qalbi u lil moħħi bid-dawl u l-verita’ tiegħek u eħlisni mill-għama tad-dnub u l-qerq ħalli nkun nista’ nara t-triqat tiegħek u nifhem ir-rieda tiegħek għal ħajti.

Għażiża Marija, agħtini Int l-għajnuna li neħtieġ ħalli jiena niddi d-dawl tal-verita’ t’Ibnek quddiem dawk kollha li Ibnek jogħġbu jlaqqgħani magħhom. Agħmel li nagħmel dan bil-mod kif jiena nitkellem u bil-mod kif jiena naġixxi. Ammen.

299. Riflessjoni fuq Luqa 8: 1-3

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 8: 1-3

Ministering-Women

L-Evanġelju skont San Luqa 8: 1-3

[Lq:8:1] F’dak iż-żmien Ġesu kien idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax

[Lq:8:2] u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten,

[Lq:8:3] Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int ħerqan biex iservi lill-Mulej u ssaħħaħ il-ħidma tal-Evanġelju bir-riżorsi personali tiegħek?

Matul it-tliet snin tal-ministeru pubbliku tiegħu Ġesu’ vvjaġġa b’mod estensiv. L-Evanġelju jsemmi li kien hemm grupp ta’ nisa li kienu jakkumpanjaw lil Ġesu’ u lit-tnax il-appostlu. Dawn in-nisa kienu ta’ kull tip, uħud kienu midinba pubbliċi, oħrajn minn familji sinjuri u prominenti. Nafu li Marija ta’ Magdala għexet ħajja problematika u b’ħafna torturi. Il-Vanġelu jgħidilna li lilha Ġesu’ kien ħelisha minn sebgħa xjaten. Ġwanna mart il-prokoratur t’Erodi kellha pożizzjoni soċjali u politika għolja fis-soċjeta’.

Ħsieb għal Qalbek …

X’wasalhom biex jingħaqdu flimkien fi ħbiberija u servizz komuni?

Ċertament Ġesu’ u l-messaġġ tiegħu dwar is-Saltna t’Alla. Dan kien itrasforma l-personalita’ u t-temperament divers tagħhom. Kull waħda minnhom kienet iġġib magħha ġid u riżorsi meħtieġa għal Ġesu’. Minkejja li Alla m’għandu bżonn ħadd, hu xorta waħda jagħżel li jaħdem bina u permezz tagħna. Ħadd m’hu inqas importanti jew m’huwx neċessarju fl-ekonomija t’Alla. Iċ-ċkejknin fis-Saltna tiegħu jsibu djarhom u missjoni qrib Ġesu’.

U inti ħadtu postok qrib Ġesu’ biex tgawdi lill-Imgħallem u sservih fil-kumpanija tal-oħrajn li wkoll iħobbuh?

Ġesu’ jilqa’ lil kull tip ta’ nies bħala ħbieb u kollaboraturi tiegħu.

U int tilqa’ lil kulħadd bħala ħutek jew hemm dawk li b’xi mod eskludejthom diġa’ fil-qalb tiegħek?

Itlob …

Mulej, ħeġġeġ qalbi bl-imħabba għalik u għal kulħadd bla eċċezzjoni ħalli nilqa’ u nservi permezz ta’ ġidi, tat-talenti  u tar-riżorsi li inti stess tajtni.

Inti wkoll għażiża ommi Marija, ilqajt bħala ħbiebek lil kull min ried jingħaqad magħkom. Għallimni nħalli lil Ibnek ikabbarli qalbi bl-istess imħabbtu biex miegħek inkompli noffrilu tant u tant erwieħ li nista’ bi mħabbti nressaqhom qribkom ħalli huma wkoll igawdu l-kumpanija tagħkom. Ammen.

298. Riflessjoni fuq Luqa 7: 1-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 7: 1-10

6a00d8345310da69e2022ad3c16126200b-600wi

L-Evanġelju skont San Luqa 7: 1-10

[Lq:7:1] F’dak iż-żmien, meta Ġesu’ spiċċa jgħid lin-nies kull ma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum.

[Lq:7:2] U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar.

[Lq:7:3] Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej.

[Lq:7:4] Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan,

[Lq:7:5] għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga.”

[Lq:7:6] Ġesù mar magħhom, u ma kienx ‘il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi;

[Lq:7:7] għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq.

[Lq:7:8] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur,’ u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja,’ u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, ‘Agħmel dan,’ u jagħmlu.”

[Lq:7:9] Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!”

[Lq:7:10] Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Fi żmien Ġesu’, il-Lhud kien jobgħodu lir-Rumani għax dawn jirrapreżenntaw dak kollu li kien kuntrarju għalihom inkluż id-dominazzjoni barranija u t-twemmin u l-pratiċi pagani. Għaliex mela Ġesu’ mhux biss laqa’ tajjeb lil dan iċ-ċenturjun imma wkoll faħħru u żammu b’mudell ta’ fidi u fiduċja f’Alla?

Fid-dinja Rumana, il-pożizzjoni ta’ Ċenturjun kienet importanti ħafna. Kien uffiċjal responsabbli minn mitt suldat. F’ċertu sens kien is-sinsla tal-armata Rumana, is-siment li kien iżomm l-armata flimkien. Iċ-ċenturjun li resaq lejn Ġesu’ ma kienx biss kuraġġuż kif kienet titlob il-pożizzjoni tiegħu, imma kien ukoll mimli bil-fidi. Hu rriskja ż-żeblieħ ta’ sħabu billi mar ifittex l-għajnuna minn għand għalliem mill-Galilija, kif ukoll inkejja minn naħa tal-Lhud. Madanakollu hu resaq lejn Ġesu’ bil-kunfidenza u bl-umilta’. Kien bniedem straordinarju għax kien iħobb lill-iskjav tiegħu.

Fid-dinja Rumana, l-iskjavi kienu trattati bħal annimali aktar milli bħala bnedmin. Iċ-ċenturjun kien ukoll bniedem straordinarju ta’ fidi kbira. Hu ried lil Ġesu’ jfejjaq lill-qaddej għażiż tiegħu. Ġesu’ jfaħħru għall-fidi tiegħu u minnufih ifejjaqlu l-qaddej kif xtaq.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti lest li ssofri ż-żeblieħ tal-oħrajn fil-prattika tal-fidi tiegħek?

U meta jkollok bżonn l-għajnuna, tersaq lejn il-Mulej Ġesu’ bil-fidi li jistenna minna?

Itlob …

Mulej tas-sema, inti bgħatt lil Ibnek biex aħna nistgħu nkunu meħlusa mit-tirannija tad-dnub u l-mewt. Kabbar il-fidi tiegħi fil-qawwa ta’ Kelmtek li ssalvani u agħtini l-liberta’ li nħobb u nservi lill-oħrajn b’ġenerożita’ u ħniena kif ħabbejtni int. Ammen.

297. Riflessjoni fuq Luqa 6: 20-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 20-26

onpage-2

L-Evanġelju skont San Luqa 6: 20-26

[Lq:6:20] Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta Alla.

[Lq:6:21] Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.

[Lq:6:22] Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajjrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.

[Lq:6:23] Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

[Lq:6:24] Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.

[Lq:6:25] Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku.

[Lq:6:26] Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-għajn vera tal-ferħ u l-kuntentizza li ħafna jsibuha diffiċli li jaċċettaw?

Ġesu’ jibda t-tagħlim tiegħu fuq kif tgħix biex tiret is-Saltna tas-sema billi jindirizza l-punt ta’ fejn wieħed jista’ jsib il-ferħ veru. Il-kelma henjin letteralment tfisser mimlijin bil-ferħ jew imberkin. It-triq ta’ Ġesu’ li twassal għal dan il-ferħ vera, imma titlob trasformazzjoni minn ġewwa konverżjoni tal-qalb u tal-moħħ li sseħħ biss b’deċiżjoni personali u bid-don tal-Ispirtu s-Santu.

Kif inhu possibli li wieħed isib il-ferħ fil-faqar, fil-ġuħ, fin-niket u fil-persekuzzjoni?

Jekk iridu inkunu mimlijin bil-ferħ u l-paċi tas-sema, allura rridu niżvujtaw lilna nfusna minn dak li jista’ jaqtagħna minn m’Alla. Il-bniedem li huwa fqir fl-ispirtu għandu spazju għall-preżenza t’Alla fih. Din tnissel ferħ etern li jibda minn hawn u jkompli għall-eternita’. Dan il-ferħ ma jifhmux min ma jduqux. Huwa ferħ li anqas min daq ma jista’ jfissru. Jista’ biss jistieden lill-oħrajn biex huma wkoll iduquh aktar milli jippruvaw jifhmuh b’moħħhom. Xi biċċa kejk tajba nutli tipprova timmaġina jekk għandix tomgħa tajba jew le sakemm ma tasalx biex inti dduqha, ma tistax itemgħha u għalhekk tiggustaha.

Il-bniedem li huwa bil-ġuħ fl-ispirtu huwa l-bniedem li jfittex in-nutriment u l-qawwa tiegħu fil-Kelma t’Alla, fis-Sagramenti u b’mod speċjali dak tal-Qrar u tat-Tqarbin Imqaddes fejn aħna nirċievu lil Ġesu’ nnifsu, l-ikel ta’ ruħna. Il-bniedem li jitnikket u jibki fuq ħajja moħlija u fuq id-dnub huwa bniedem li jasal għall-indiema sinċiera. Din twassal għall-ferħ u għall-liberta’ mill-iskjavitu tal-ħtija u tal-oppressjoni.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla jirrivela lilu nnifsu lil dawk li huma umli f’qalbhom. Hu jurihom l-għajn tal-ħajja fil-milja kollha tagħha u tal-ferħ li jiġi biss Minnu. Ġesu’ jwiegħed lid-dixxipli tiegħu li dak li se nduqu fil-ġenna se jkun ħlas bil-wisq għola għat-tiġrib u l-iebes li jkollna ngħaddu minnu biex ngħixu kif iridna Hu.

U inti sibtu l-ferħ veru?

Jekk le, agħti ċans lill-Mulej idewwqek dak li d-dinja ma tistax tagħtik – l-imħabba safja u bla kundizzjoni.

Jekk iva, qiegħed tgħożżu u tkabbru fik billi tfittex dak li hu n-nutriment vera tar-ruħ tiegħek, Alla nnifsu?

Itlob …

Mulej, kabbar il-ġuħ tiegħi għalik u kompli urini kif għandi ngħix fl-Imħabba tiegħek.

Marija Ommi għażiża, Inti li għext fqira fl-ispirtu, imma ma kien jonqsok xejn għax kellek lil Alla miegħek l-Awtur ta’ kull ħaġa tajba, għallimni biex inżomm lil Alla fl-ewwel post f’ħajti ħalli jien ukoll ngħix fil-veru ferħ tiegħu. Ammen.

296. Riflessjoni fuq Luqa 3: 15-16, 21-22

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 3: 15-16, 21-22

500_F_146441018_vuyGy1tkI7rvUbp7SXyZEGVd9zoUxzNi

L-Evanġelju skont San Luqa 3: 15-16. 21-22

[Lq:3:15] Fdak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.

[Lq:3:16] Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

[Lq:3:21] Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu,

[Lq:3:22] u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int għaraft il-ferħ ta’ meta tissottometti ruħek lil Alla?

Ġesu’ issottometta lilu nnifsu għall-Magħmudija ta’ Ġwanni li kienet Magħmudija t’indiema. F’din is-sottomissjoni umli tiegħu naraw bħal f’dell li dak li kien bla dnub kellu jagħti ħajtu fuq is-salib bħala prezz tal-fidwa għalina. B’din is-sottomissjoni umli tiegħu Ġesu’ jogħġob bil-bosta lil Missieru tas-sema li jsemma’ leħnu u jirreferi għalih bil-kliem: ‘Int Ibni l-għażiż, fik sibt l-għaxqa tiegħi.’

Ħsieb għal Qalbek …

L-Ispirtu s-Santu wkoll huwa preżenti filwaqt li Ġesu’ hu sottomess għall-Magħmudija ta’ Ġwanni. Hu jissiġilla l-ministeru ġdid ta’ Ġesu’ li kien qed jibda dak il-jum filwaqt li hu kien qiegħed iqum mill-ilma tax-xmara Ġordan.

Aħna lkoll imsejħa biex nimxu fuq il-passi tas-Salvatur tagħna Ġesu’ Kristu. Aħna lkoll għandna nkunu sottomessi b’mod umli għall-għerf qaddis t’Alla u għall-pjan tiegħu f’ħajjitna. Hu min naħa tiegħu jissiġillana bid-don tal-Ispirtu s-Santu ħalli aħna nkunu mlibbsa bil-qawwa u l-grazzja tiegħu.

U inti tħallih l-Ispirtu s-Santu jimliek bil-qawwa tiegħu ħalli tkun tista’ tgħix bħala Iben jew bint t’Alla?

Itlob …

Mulej, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u ħeġġeġ lil qalbi bil-fjammi t’imħabbtek ħalli nkun mimli bil-ferħ tal-Evanġelju.

Għażiża Marija, Inti li inti t-Tempju tal-Ispirtu s-Santu, li Alla wkoll fik sab il-għaxqa tiegħu, għallimni kif nfittex il-ferħ tiegħi f’li nwettaq ir-rieda t’Alla Missieri u f’li nogħoġbu f’kollox hekk kif għamel Ibnek u inti. Ammen.

295. Riflessjoni fuq Luqa 3: 10-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 3: 10-18

john_the_baptist_prepares_the_way

L-Evanġelju skont San Luqa 3: 10-18

[Lq:3:10] Fdak iż-żmien, in-nies kienu jistaqu lil Ġwanni l-Battista u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”

[Lq:3:11] U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.”

[Lq:3:12] Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”

[Lq:3:13] U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.”

[Lq:3:14] Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?” U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.”

[Lq:3:15] Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.

[Lq:3:16] Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

[Lq:3:17] Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”

[Lq:3:18] U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-ħajja ta’ Ġwanni l-Battista kienet imqanqla minn żelu u passjoni waħda, dik li jipponta lejn Kristu u lejn il-miġja tas-Saltna tiegħu. L-Iskrittura tgħidilna li Ġwanni kien mimli bl-Ispirtu s-Santu sa minn ġuf ommu. Din insibuha f’Luqa 1: 15 u vers 41. Kien mimli bl-Ispirtu s-Santu minn Kristu nnifsu li Marija kienet għadha kemm nislet fil-ġuf tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

U inti ħerqan biex tisma’ l-Kelma t’Alla u biex tinbidel permezz tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu?

Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet magħmudija t’Indiema, li wieħed idur lura mid-dnub u li jilbes il-ħajja ġdida skont il-Kelma t’Alla. Ġwanni qal li l-Messija kien se jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar. In-nar fi żminijiet bibbliċi kien assoċjat m’Alla u mal-azzjoni tiegħu fid-dinja jew fil-ħajja tal-poplu tiegħu. Xi drabi Alla mmanifesta l-preżenza tiegħu bl-użu tan-nar bħal meta deher lil Mosè taħt forma ta’ ħurrieq jaqbad. L-immaġini tan-nar kienet użata wkoll biex tisimbolizza l-glorja t’Alla, il-preżenza li tipproteġihom, il-qdusija tiegħu, il-ġudizzju ġust tiegħu u r-rabja tiegħu lejn id-dnub. Hija wkoll użata b’referenza għall-Ispirtu s-Santu fit-Testment il-Ġdid.

Ħsieb għal Qalbek …

In-nar t’Alla jippurifika u jnaddafna u anke jqanqal fina biża’ qaddis lejn Alla u rispett lejn il-Kelma tiegħu fina.

U inti, tixtieq tkun tħeġġeġ b’nar qaddis għal Alla u għal meta jerġa’ jiġi l-Mulej Ġesu’ fil-glorja tiegħu?

Il-Magħmudija tagħna li rċevejna f’Ġesu’ bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu tirriżulta fi twelid ġdid għalina u li aħna dħalna fis-Saltna t’Alla bħala wliedu għeżież. Ġesu’ huwa dejjem lest li jagħtina n-nar tal-Ispirtu tiegħu ħalli aħna nkunu mimlija bil-ferħ u l-verita’ tal-Evanġelju, f’dinja li għandha bżonn iddisprat tad-Dawl u l-Verita’ t’Alla. Il-Kelma tiegħu għandha l-qawwa li tibdel u titrasforma l-ħajja tagħna ħalli aħna nkunu wkoll dawl li jipponta lejn Kristu. Bħal Ġwanni l-Battista aħna wkoll imsejħa biex nagħtu xhieda tad-Dawl u l-Verita’ ta’ Ġesu’ Kristu.

U inti tiggwida lil oħrajn biex jaslu għand Kristu bil-mod kif inti tgħix, titkellem u taġixxi?

Itlob …

Mulej Ġesu’, ħeġġeġ lil qalbi bin-nar qaddis tiegħek ħalli qatt ma jonqosni l-ferħ u l-liberta’ tas-Saltna tiegħek.

Għażiża Marija, agħmel li jien flimkien miegħek u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, inkun xhieda tal-verita’ tal-Evanġelju għal kull min jgħix madwari. Ammen.

294. Riflessjoni fuq Luqa 3: 1-6

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 3: 1-6

www-St-Takla-org--luke3

L-Evanġelju skont San Luqa 3: 1-6

[Lq:3:1] Fdak iż-żmien, fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta’ l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni,

[Lq:3:2] fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert.

[Lq:3:3] U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet,

[Lq:3:4] kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija: Leħen ta wieħed igħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu.

[Lq:3:5] Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa; il-mogħdijiet imgħawġa jiddrittaw, u t-triqat imħarbta jitwittew,

[Lq:3:6] U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.’

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min hu Ġwanni l-Battista u x’inhu s-sinifkat tal-messaġġ tiegħu għall-ħajja tagħna?

San Luqa fl-Evanġelju tiegħu jispjegalna f’liema żmien Ġwanni kien mibgħut fid-dinja. Il-mexxejja tad-dinja jintfew ħdejn dan id-dawl li kien se jitfaċċa fuq l-art – b’referenza għal dan l-iben ta’ saċerdot li l-missjoni tiegħu kienet biex iħejji t-triq għal Re li hu fuq kull re ieħor. Ġwanni kien il-passaġġ li jgħaqqad it-Testment il-qadim mall-ġdid fl-istorja tal-mod kif Alla mexa mall-poplu tiegħu. Ġwanni kien profeta, kelliem għal Alla. Il-Kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni fid-deżert. Ġwanni kien il-qaddej tal-Kelma, il-Kelma t’Alla li saret laħam, jiġifieri saret bniedem bħalna għalina u għas-salvazzjoni tagħna.

Għaliex kien fid-deżert?

Ġwanni kien imsejjaħ minn eta’ żgħira biex jiddedika lilu nnifsu għat-talb u għall-Kelma t’Alla. Alla għallmu fis-solitudni tad-deżert u ppreparah għall-ministeru u għall-ġid spiritwali li għad jagħmel ma’ ħafna. Hu huwa l-aħħar profeta tat-Testment il-qadim li juri u jħejji t-triq għall-Messija. Ġwanni huwa wkoll l-ewwel xhud u l-ewwel martri tat-Testment il-ġdid.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta re jkun se jivjaġġa lejn pajjiż imbiegħed jibgħat qablu messaġġier biex jippreparalu t-triq. Ġwanni hu l-messaġġier tar-Re Messjaniku li jiġi biex iwassal is-Saltna vera, eterna u qaddisa tiegħu u t’Alla Missieru.

Iżaija minn ħafna żmien qabel ipprofetizza li kellu jkun hemm prekursur qabel il-miġja tal-Messija fid-dinja. Ġwanni bla dubju ħa din it-tħabbira f’qalbu filwaqt li fittex fl-Iskrittura u rrifletta dwar il-Kelma tal-Mulej, meta kien jitlob fil-kwiet tad-deżert.

Kif għandu wieħed jipprepara għall-miġja tar-Re u għas-Saltna qaddisa tiegħu?

Billi jikkonverti, billi jżomm ‘il bogħod qalbu u moħħu mid-dnub u mir-ribelljoni biex jafda u jissottometti ruħu b’rieda ħielsa għall-Kelma t’Alla, b’dik fl-Iskrittura u għat-tgħallim tal-Maġisteru tal-Knisja li hu waqqaf biex twassal Saltnatu fid-dinja. L-Evanġelju ta’ San Luqa jenfasizza li s-sejħa universali tal-Vanġelu hi għal kulħadd mingħajr distinzjoni. Hu jikkwota mill-profeta Iżaija li, ‘Il-bnedmin kollha jaraw is-Salvazzjoni t’Alla.’ Ġwanni kien fil-bieb taż-żmien il-ġdid ta’ grazzja u ta’ salvazzjoni u ra mill-bogħod dak li Ġesu’ l-Messija kien se jwettaq permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu, il-maħfra ta’ dnubietna u l-ħajja eterna għal dawk kollha li għad jemmnu f’ismu.

U int tersaq lejn is-saċerdot rappreżentant ta’ Kristu fis-Sagrament tal-Qrar biex tirċievi l-maħfra ta’ dnubietek u l-grazzja li għad tgawdi tal-ħajja eterna fil-glorja fis-Saltna tal-Messija?

U tixhed quddiem l-oħrajn il-ferħ u l-liberta’ tal-Evanġelju?

Itlob …

Mulej, imlieni bl-Ispirtu qaddis tiegħek u ħeġġeġ lil qalbi bi fjammi t’imħabba għall-Kelma tiegħek.

Maħbuba ommi tas-sema, int li kont l-ewwel li adurajt u qdejt b’sottomissjoni u bil-ferħ lil Ġesu’, il-Kelma t’Alla Inkarnata, kun miegħi jien u ngħix l-istess Kelma u nkun xhud tal-ferħ tal-Evanġelju għal dawk ta’ madwari. Ammen.

293. Riflessjoni fuq Mattew 23: 13-22

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 23: 13-22

Fariseu

L-Evanġelju skont San Mattew 23: 13-22

[Mt:23:13] F’dak iż-żmien Ġesu’ qal: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tagħlqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol!

[Mt:23:15] “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom taqsmu l-ibħra u dduru d-dinja kollha biex iddawwru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom!

[Mt:23:16] “Ħażin għalikom, mexxejja għomja! Intom tgħidu, ‘Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bid-deheb tas-santwarju, ikollu jrodd.

[Mt:23:17] Boloh u għomja! X’inhu l-aqwa? Id-deheb, jew is-santwarju li jqaddes id-deheb?

[Mt:23:18] Tgħidu wkoll, ‘Jekk wieħed jaħlef bl-artal, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bl-offerta ta’ fuq l-artal, ikollu jrodd.’

[Mt:23:19] Ja għomja! X’inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-artal li jqaddes l-offerta?

[Mt:23:20] Mela min jaħlef bl-artal ikun jaħlef kemm bl-artal u kemm b’li jkun hemm fuqu;

[Mt:23:21] u min jaħlef bis-santwarju jkun jaħlef kemm bis-santwarju u kemm b’min jgħammar fih;

[Mt:23:22] u min jaħlef fuq is-sema jkun jaħlef kemm bit-tron ta’ Alla u kemm b’dak li hemm fuqu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif jista’ wieħed ikejjel u jiġġudika t-tajjeb?

Il-profeta Iżaija kien ipprofetizza li l-Messija ma jiġġudikax skont ma jidher fl-għajnejn u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’, iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art. Din insibuha fil-ktieb t’Iżaija kapitlu 11 versi minn 3 sa 4.

Ġesu’ l-Messija, li fuqu Iżaija kien ħabbar, iċanfar lill-kapijiet reliġjużi ta’ żmienu talli kienu nies qarrieqa u jqarqu bl-oħrajn l-aktar b’dawk innoċenti. Kienu juru wiċċ b’ieħor quddiem in-nies u kienu jagħmlu kollox għal għajn in-nies. Kienu juru għal wiċċ in-nies li kellhom qima lejn il-profeti maqtula minn min fil-passat oppona l-messaġġ tagħhom billi bnewlhom oqbra, imma fl-istess waqt huma stess kienu jopponu l-messaġġ tal-istess Iben t’Alla hekk li jagħlqu widnejhom għall-Kelma tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Huma m’aċċettawx lill-Messija għaliex qlubhom kienu iebsa u tqal biex jisimgħu l-Kelma t’Alla. Huma l-umli biss li jistgħu jirċievu l-għerf u l-għarfien t’Alla. L-Ispirtu s-Santu hu dejjem lest li jġedded l-imħuħ u l-qlub tagħna u biex jimliena bil-paċi, bil-ferħ u bit-tjubija tas-Saltna t’Alla.

Inti tgħożż il-Kelma t’Alla f’qalbek u toqgħod għaliha b’biża’ qaddis u b’qima?

Itlob …

Mulej, dawwal lil qalbi bil-għerf tiegħek u għallimni triqatek. Imlieni bl-Ispirtu tiegħek ħalli nħobb dak li tħobb int u nobdi Kelmtek bla riservi.

Għażiża Ommi Marija, int li lqajt bil-ferħ il-Kelma t’Alla mibgħuta lilek mill-anġlu Gabrijiel u b’hekk tnisslet fik il-Kelma inkarnata Ġesu’, għallimni nilqa’ bl-istess mod il-Kelma t’Alla biex jien ukoll inwelled f’qalbi lil Ġesu’ biex jibqa’ miegħi dejjem. Ammen

 

292. Riflessjoni fuq Mattew 18: 1-5, 10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 18: 1-5, 10

Untitled1-800x500

L-Evanġelju skont San Mattew 18: 1-5, 10

[Mt:18:1] F’dak iż-żmien, resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?”

[Mt:18:2] Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom

[Mt:18:3] u qalilhom,”Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

[Mt:18:4] U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir.

[Mt:18:5] U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.

[Mt:18:10] “Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Sorpriż lid-dixxipli ta’ Ġesu’ kienu qed jiddiskutu fuq min hu l-akbar fosthom?

U aħna mhux hekk nagħmlu wkoll?

Il-kilba għall-glorja u l-kobor donnhom għandhom l-għeruq fina. Ġesu’ jagħmel ġest drammatiku billi jpoġġi tfajjel ċkejken qribu biex juri lid-dixxipli min tassew hu kbir fis-Saltna tas-smewwiet. X’jista’ jgħallimna dan it-tfajjel ċkejken fuq il-kobor?

It-tfal fl-imgħoddi ma kellhomx drittijiet, pożizzjoni jew privilleġġi tagħhom. Kienu soċjalment fil-pożizzjoni tal-aħħar u fis-servizz tal-ġenituri tagħhom bl-istess mod kif kienu l-qaddejja fid-djar.

Ħsieb għal Qalbek…

X’inhu s-sinifikat tal-ġest li għamel Ġesu’?

Ġesu’ jgħolli tfajjel ċkejken fil-preżenza tad-dixxiplu tiegħu billi jpoġġieh f’pożizzjoni privilleġġjata t’unur fuq il-lemin tiegħu. Hija użanza anki llum li tpoġġi lill-mistieden speċjali tiegħek fuq in-naħa tal-lemin tal-persuna importanti. Min hu l-akbar fis-Saltna t’Alla? Dawk li huma umli u ta’ qalb ħelwa li minflok jesiġu b’konvinzzjoni d-drittijiet tagħhom, bil-liberta’ jiżvujtaw lilhom infushom mis-suppervja u mill-glorja li jfittxu għalihom infushom billi jieħdu l-aħħar post dak ta’ qaddej jew dak tat-tfal.

Xi jfisser għalik li jkollok stima lejn it-tfal?

Inti tagħti eżempju tajjeb lit-tfal?

Jistgħu jżommu lilek bħala mudell fil-ħajja tagħhom?

Itlob…

Mulej għallimni t-triq tal-umilta’ u s-sempliċita’ tal-qalb ħalli jiena nsib il-ferħ veru fik. Agħmel li d-dawl tiegħek jiddi permezz tiegħi ħalli l-oħrajn jaraw il-verita’ u l-imħabba tiegħek u jsibu t-tama u l-paċi fik biss. Ammen.