Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 1: 1-6, 18-23
L-Evanġelju skont San Mattew 1: 1-6, 18-23
[Mt:1:1] Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.
[Mt:1:2] Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu,
[Mt:1:3] Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram,
[Mt:1:4] Aram nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson, Naħson nissel lil Salmon,
[Mt:1:5] Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab, Bogħaz nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse,
[Mt:1:6] Ġesse nissel lil David, is-sultan.
[Mt:1:18] It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.
[Mt:1:19] Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.
[Mt:1:20] Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.
[Mt:1:21] Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.”
[Mt:1:22] Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:
[Mt:1:23] ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El, li bilsienna jfisser Alla magħna.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Int temmen li Alla jwettaq tassew kull wegħda li jagħmel?
San Mattew jiftaħ l-Evanġelju tiegħu billi jagħtina l-Arblu tar-Razza ta’ Ġesu’. Għaliex għamlu dan?
Bih ridt jurina li Ġesu’, Iben veru ta’ Marija, Hu tassew il-wegħda li Alla għamel lis-Sultan David nisel Abraham, il-missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus. Il-wegħda kienet dik li minn nislu għad joħroġ Salvatur u Sultan li jsaltan fuq il-poplu bil-ġustizzja u bis-sliem u li ma jkunx hemm tmiem għas-Saltna tiegħu.
Marija kellha taffaċċja sfida kbira għall-fidi u l-fiduċja tagħha f’Alla u għall-fidi tal-familja tagħha u ta’ Ġużeppi r-raġel li kellha tiżżewweġ. Hi ġiet mitluba terfa’ toqol ta’ responsabbilta’ kbira. Qatt ma kien instema’ qabel li tarbija setgħet titwieled mingħajr l-intervent naturali tal-missier. Interessanti li wieħed jinotta minn dan ir-rakkont tal-lum li tant kellha fidi u ntelqet b’fiduċja f’idejn Alla li jidher li kien b’intervent sopranaturali li Ġużeppi sar jaf b’dan kollu li seħħ fiha. Infatti l-anġlu ma qalx lil Ġużeppi, “Emmen dak li qaltlek Marija dwar l-Ispirtu s-Santu”, imma qallu biss: “Dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.” Bl-istess mod li hija fdat lil Alla biex jieħu ħsieb Hu biex iwassal lil Ġużeppi jemmen li hi ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi fdatu li Hu kien se jipproteġiha min-nies.
Dak iż-żmien il-liġi kienet tgħid li Ġużeppi setgħa jikxef li Marija ħarġet tqila u kienu jħaġġruha. Hi setgħet ġiet imwarrba minn Ġużeppi u l-familjari tagħha. Setgħet ġiet maqtula bl-Iben t’Alla li kien għadu kemm tnissel fiha. Imma f’din il-kriżi tal-għaġeb li kienet tinsab fiha, Hi emmnet lil Alla, afdatu u b’din l-attitudni tagħha Hi kienet l-aktar ħlejqa li għoġbot lil Alla. Ġużeppi li kien raġel ġust li kien qed jaħseb li minflok jikxifha jibgħatha x’imkien bil-moħbi tan-nies, iwieġeb għas-sejħa t’Alla b’ġenerożita’. Hu jilqa’ li jieħu wkoll ir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb u jipproteġi lil Marija u lil Iben t’Alla mnissel f’ġufha.
Ħsieb għal Qalbek…
Minkejja li Marija u Ġużeppi ma kellhomx irwol faċli u għaddew minn ħafna tiġrib, skumdita’ u perikli minn kullimkien, Alla ppremjahom għall-fiduċja tagħhom billi ħa ħsiebhom u pproteġihom Hu permezz tal-gwida li tahom bl-anġlu u permezz ta’ xi bnedmin għorrief. Kemm Marija kif ukoll Ġużeppi huma mudell ta’ fidi għalina.
U int, kif titratta diffikulta’ f’ħajtek? Kemm tibqa’ temmen li l-id t’Alla qed tmexxiek fid-dlam li jkun hemm madwarek?
Alla qatt ma jitilqek imma ma jistax jiggwidak bħalma għamel ma’ Marija u Ġużeppi jekk int ma titolbux biex jagħmel dan. Jekk int biss tgħidlu ‘ħa nafda ħajti f’idejk u nimxi skont tgħallimek u ngħix tassew’, Hu jiġi u jibqa’ miegħek sa ma jwasslek fil-glorja tas-sema.
Itlob …
Mulej Ġesu’, Inti l-Messija u s-Salvatur tad-dinja, it-tama t’Iżrael u tan-nazzjonijet kollha. Saltan fuq il-ħsibijiet ta’ moħħi u fuq ix-xewqat ta’ qalbi u kun ir-Re tad-dar tiegħi.
Marija Omm Ġesu’ r-Re, lilek għamlek Reġina fuq il-ħolqien kollu għax hekk għoġbu. Int li għoġobtu bl-attitudni tal-ħajja tiegħek, itlob għalija ħalli jien ma nħalli xejn f’ħajti li jżommni lura milli nirċievi l-ferħ dejjiemi tas-Salvazzjoni u tal-fiduċja kompleta tiegħi Fih. Intom tiggwidawni f’kull ħaġa li jiena nagħmel. Grazzi ta’ dan. Ammen.