310. Riflessjoni fuq Luqa 13: 22-30

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 13: 22-30

V_opt-12

L-Evanġelju skont San Luqa 13: 22-30

[Lq:13:22] F’dak iż-żmien, Ġesu’ hu u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula.

[Lq:13:23] U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom:

[Lq:13:24] “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.

[Lq:13:25] Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’

[Lq:13:26] Mbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’

[Lq:13:27] Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m’hux sewwa!’

[Lq:13:28] Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ‘l barra.

[Lq:13:29] U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.

[Lq:13:30] U araw, hawn min hu ta’ l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu ta’ l-ewwel u għad ikun l-aħħar.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-immaġni tal-bieb x’tgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?

L-istorja ta’ Ġesu’ dwar il-bieb li jiġi magħluq għal dawk li waslu tard tagħtina x’nifhmu li dawn offendew bl-ikrah lil sid id-dar u kien ħaqqhom li jiġu esklużi. Kienet użanza għall-għalliema fi żmien Ġesu’ li jgħalqu l-bieb għall-istudenti li jittardjaw u ma kienux iħalluhom jidħlu għall-ġimgħa sħiħa biex jgħallmuhom lezzjoni dwar id-dixxiplina u l-fedelta’.

Ġesu’ qal l-istorja bħala risposta għall-mistoqsija għal min se jirnexxielu jikseb il-ġenna. L-għalliema ta’ żmienu kienu jemmnu li l-Iżraelin kollha kienu se jsalvaw ħlief għal ftit midinbin pubbliċi li jeskludu lilhom infushom. Fuq kollox huma kienu magħżulin b’mod speċjali minn Alla meta daħal f’patt magħhom. Ġesu’ jissorprendiehom billi jgħidilhom li l-fatt li huma l-poplu l-magħżul ma kellhomx garanzija li kienu se jidħlu l-ġenna awtomatikament. Iżid jgħid li anke l-pagani se jidħlu fis-Saltna.

Ħsieb għal Qalbek …

L-istedina ta’ Ġesu’ hi miftuħa għal kulħadd, imma jwissina li nistgħu niġu esklużi jekk ma ngħaddux mill-bieb id-dejjaq. Il-bieb li Ġesu’ kellu f’moħħu hu; Hu innifsu fi Ġwanni kapitlu 10 vers 9 qal: ‘Jien il-bieb jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi ssalva.’ Bis-salib Ġesu’ jiftaħ it-triq għalina għas-Saltna t’Alla, imma aħna wkoll rridu nimxu warajh fit-triq tas-salib. Il-kelma tħabat tista’ tiġi tradotta bħala agunija, biex jidħol fis-Saltna t’Alla wieħed għandu jitħabat kontra l-forza tat-tentazzjonijiet u kontra kulma jista’ jtellfu milli jagħmel ir-rieda t’Alla.

L-aħbar it-tajba hi li aħna ma nitħabtux waħedna, imma lkoll flimkien bħala komunita’ waħda. Ġesu’ jiżgurana mir-rebħa.

U inti tafda fl-għajnuna t’Alla b’mod speċjali f’mumenti ta’ tiġrib u tentazzjonjiet?

Itlob …

Mulej, għinni ma nagħmel l-ebda kompromess mal-Kelma tiegħek jew inġib ruħi b’indifferenza lejk.

Għażiża Marija, inti waħda mill-aqwa għajnuniet essenzjali li Alla tana. Imxi magħna nitolbuk din it-triq imħarbta ta’ din id-dinja u għamel li miegħek bħala ommna, aħna naslu ħdejk fil-ġenna. Ammen.

309. Riflessjoni fuq Luqa 12: 32-48

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 12: 32-48

LOG

L-Evanġelju skont San Luqa 12: 32-48

[Lq:12:32] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!

[Lq:12:33] Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.

[Lq:12:34] Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

[Lq:12:35] “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;

[Lq:12:36] kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.

[Lq:12:37] Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.

[Lq:12:38] U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!

[Lq:12:39] Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.

[Lq:12:40] Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

[Lq:12:41] “Mulej,” qallu Pietru,”din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”

[Lq:12:42] Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel?

[Lq:12:43] Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.

[Lq:12:44] Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

[Lq:12:45] Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;

[Lq:12:46] sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m’humiex fidili.

[Lq:12:47] U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madanakollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.

[Lq:12:48] Min imbagħad, bla ma jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jista’ jgħidilna l-eżempju tal-ħalliel li jiġi bil-lejl dwar is-Saltna t’Alla?

Ġesu’ kien iħobb jirrakkonta l-istejjer. Ħafna minnhom kienu jispiċċaw b’tibdil drammatiku fiċ-ċirkustanzi li wieħed ma jistenniehomx. Tista’ timmaġina ħalliel javża lill-vittma minn qabel meta jkun se jisraqha?

Għandna nkunu sorpriżi li naraw ħalliel jaħrab b’teżor kbir li ma sabx min kien qiegħed jagħmel għassa fuqu?

X’tgħidilna din dwar it-teżor li Alla fdalna?

Meta Alla joffrilna s-Saltna hu jagħtina teżor bla qies kif juru wkoll il-parabbola tat-teżor moħbi f’għalqa u dik tad-drakma li kienet tiswa ħafna f’Mattew kapitlu 13 versi minn 44 sa 46.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu dan it-teżor ta’ valur bla limitu?

Il-Mulej innifsu hu t-teżor tagħna u s-Saltna li joffrilna hi Saltna ta’ paċi, ta’ ferħ u ta’ ġustizzja kif insibu fl-ittra lir-Rumani kapitlu 4 vers 17. Il-Mulej joffrilna relazzjoni miegħu bħala wliedu kif ukoll il-wegħda tal-ħajja eterna. Dan it-teżor hu ta’ valur wisq akbar minn kull teżor li jista’ jkollna f’din id-dinja u dan hu aktar sigur, imma huwa possibli li nitilfu dan it-teżor jekk ma nagħmlux għassa fuq dak li ġie fdat f’idejna minn Alla.

U it-teżor tiegħek huwa fiż-żgur? Huwa Ġesu’?

Jekk illum Ġesu’ jitolbok kont ta’ dan it-teżor li fdalek, se jsibek preparat biex tidħol għal dejjem fis-Saltna tiegħu jiġifieri fil-ġenna?

Itlob …

Sinjur Alla, agħmel li nkun għaqli fil-mod kif jien neżerċita r-responsabbiltajiet tiegħi ħa nkun nogħġbok f’kollox.

Għażiża Marija, int li int it-Tron tal-Għerf, itlob għalija u miegħi biex inkabbar fija d-don tal-Għerf u tal-Prudenza mogħtija lili mill-Ispirtu s-Santu ħalli nagħmel użu tajjeb tad-doni, tal-ħin u tar-riżorsi li ġejt fdatha bihom. Ammen.

308. Riflessjoni fuq Luqa 11: 14-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 14-26

unnamed (1)

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 14-26

[Lq:11:14] Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu.

[Lq:11:15] Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”

[Lq:11:16] Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.

[Lq:11:17] Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra.

[Lq:11:18] Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten.

[Lq:11:19] Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom.

[Lq:11:20] Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.

[Lq:11:21] Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur.

[Lq:11:22] Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu.

[Lq:11:23] Min m’huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.

[Lq:11:24] “Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, ‘Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt.’

[Lq:11:25] U x’ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f’postu.

[Lq:11:26] Mbagħad imur iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int tagħmel użu sħiħ mill-protezzjoni spiritwali li l-Mulej jipprovdi għall-poplu tiegħu?

Il-Mulej jassigurana mill-protezzjoni tiegħu mill-ħsara spiritwali. Salm 91 versi minn 9 sa 11 insibu: ‘Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt ‘l Għoli għamara tiegħek. Ebda deni ma jiġirlek; ebda ħsara ma tersaq lejn darek, għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek u jħarsuk fi triqatek kollha.’

In-numru vast t’eżorċiżmi li għamel Ġesu’ kienu jġibu l-ħelsien lil ħafna li kienu mħabbta u oppressi mill-ħidma tal-ispirti ħżiena. Ġesu’ nnifsu intaqa’ m’oppressjoni personali u isahra max-xitan meta għadda mit-tiġrib fid-deżert propju qabel ma beda l-ħajja ministerjali tiegħu. Hu rebaħ fuq l-ħażin bl-ubbidjenza tiegħu għar-rieda tal-Missier. Uħud mill-kapijiet Lhud opponew bl-aħrax il-fejqan u l-eżorċiżmi ta’ Ġesu’ u saħansitra akkużawh li hu nnifsu kellu qawwa satanika biex setgħa jwettaq dan kollu.

Kif setgħa jġib il-qawwa u l-awtorita’ biex jeħles individwi mis-setgħa tax-xitan?

Ġesu’ wieġeb għal dawn l-akkużi li kienu qegħdin isirulu billi qal illi l-eżorċisti l-oħra ta’ żmienu wkoll allura setgħu jiġu akkużati bl-istess mod. Jgħidilhom li saltna maqsuma fiha infisha ma setgħetx iżomm. Li kieku satana kellu jsellef il-qawwa tiegħu biex tintuża kontra s-saltna tiegħu stess allura; is-saltna tiegħu kienet tisfa’ meqruda.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-punt ta’ Ġesu’ fir-rakkont tal-istorja dwar id-dar battala li tiġi okkupata mill-forzi tal-ħażen?

Mhux biżżejjed li naqtgħu l-ħsibijiet u d-drawwiet ħżiena. Iridu wkoll nimlew il-vojt b’Alla li hu l-għajn tat-tajjeb u s-sewwa kollu. Kien għalhekk li Santu Wistin jgħid: ‘Int ħlaqtna għalik o Alla u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx Fik.’

U int biex timla l-vojt tal-qalb tiegħek?

Ġesu’ jagħmilha ċara li m’hemmx partiti newtrali. Jew aħna għal Ġesu’ jew kontrih. Jew għas-Saltna t’Alla jew kontriha. Jekk ma nobdux il-Kelma t’Alla nkunu niftħu bieb għas-setgħa tad-dnub u tax-xitan li jaħkmuna. Jekk iridu ngħixu fil-liberta’ mid-dnub u mix-xitan allura d-dar tagħna jiġifieri r-ruħ u l-qalb tagħna jridu jkunu okkupati b’Ġesu’ fejn inħalluh isaltan bħala s-Sid, is-Salvatur u l-Mulej.

U int qiegħed tgħix fil-paċi u s-sigurta’ ta’ ħajja sottomessa għal Alla u għall-Kelma tiegħu? Jew qed tħalli xi spazju minn fejn ix-xitan jista’ jħott it-tajjeb li fadal fik u b’hekk isaltan hu bid-dnub u l-mewt fil-ħajja tiegħek?

Itlob …

Mulej kun int li ssaltan fil-qalb tiegħi u s-Sid tad-dar tiegħi.

Għażiża Marija, Tempju fejn jgħammar Alla tħalli xejn f’ħajti li ma jkunx taħt is-setgħa t’Ibnek l-uniku Re li jsaltan bl-imħabba, bil-ħniena u fis-sewwa biex bħalek jiena ngħix fil-mistrieħ li jiġi mill-kenn li joffrili Hu u taħt il-protezzjoni materna tiegħek. Żomm Marija ‘l uliedek kollha taħt il-mant tiegħek u ħarisna mill-ħażin. Ammen.

 

 

307. Riflessjoni fuq Luqa 11: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 1-13

Our-Lords-prayer

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 1-13

[Lq:11:1] Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”

[Lq:11:2] U qalilhom: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.

[Lq:11:3] Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

[Lq:11:4] U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’?”

[Lq:11:5] Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet,

[Lq:11:6] għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’

[Lq:11:7] U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’

[Lq:11:8] Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom:

[Lq:11:9] Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom.

[Lq:11:10] Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

[Lq:11:11] Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?

[Lq:11:12] Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?

[Lq:11:13] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tistenna li Alla jisma’ t-talb tiegħek?

Ġesu’ ried jgħolli l-aspettattivi tad-dixxipli tiegħu meta għallimhom kif jitolbu. Il-parabbola tal-Missier li jitma’ lil Ibnu turina xi ħaġa li lanqas kienet tgħaddilna minn moħħna.

Kif jista’ Missier twajjeb u ġust jirrifjuta li jagħti lil Ibnu dak li hu tajjeb jew agħar minn hekk li jagħtih xi ħaġa ta’ ħsara? F’kelma waħda Ġesu’ jagħmel stqarrija li tallarmana meta jżid jgħid kemm aktar Missierkom li hu fis-sema jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

Ħsieb għal Qalbek …

Missierna tas-sema jagħtina b’ġenerożita’ aktar milli qatt nistgħu nistennew. Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu b’kunfidenza għaliex Missierna tas-sema fit-tjieba tiegħu dejjem lest jisma’ t-talb tagħna u għalhekk li nistgħu nitolbu b’asserzjoni u b’konvinzjoni. “Ħobżna ta’ kuljum; agħtina llum.”

Dawk li jafu u jafdaw fl-imħabba t’Alla jitolbu bl-akbar kunfidenza. Ġesu’ jikkonkludi billi jfakkarna li biex wieħed jobdi u jwettaq l-liġi u l-profeti għandu jitratta lill-proxxmu bl-istess mod kif aħna nixtiequ niġu trattati minn Alla u mill-istess proxxmu tagħna. Mhux biżżejjed li nevitaw milli nagħmlu ħsara lill-oħrajn. Huwa importanti li nfittxu li nagħmlulhom il-ġid.

U inti, b’liema mod qed tagħti mill-ġid li tista’ lill-oħrajn u titlob biex taqla’ mingħand Alla l-ġid li jixtieq jagħtik?

Itlob …

Agħtini li nħobbok Mulej tiegħi u Alla tiegħi u nara lili nnifsi kif jien tassew, pellegrin fuq din l-art, nisrani msejjaħ biex nirispetta u nħobb lil dawk kollha li Inti tlaqqani magħhom, lil dawk li jinsabu fl-awtorita’ fuqi jew taħt l-awtorita’ tiegħi, lil ħbiebi u lill-għedewwa tiegħi.

Għinni għażiża Marija, biex nirbaħ ir-rabja bil-ġentilezza, l-kilba bil-ġenerożita’ u l-apatija bil-fervur. Għallimni ninsa lili nnifsi u ngħin lill-oħrajn f’kull ma nista’ fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u l-aktar f’dawk tar-ruħ. Ammen.

306. Riflessjoni fuq Luqa 10: 13-16

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 13-16

unnamed

L-Evanġelju skont San Luqa 10: 13-16

[Lq:10:13] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal: “Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied.

[Lq:10:14] Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom.

[Lq:10:15] U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet!

[Lq:10:16] Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Li kieku Ġesu’ kellu jżur lil pajjiżek u lill-komunita’ tal-parroċċa tiegħek x’kien jgħid?

Kien iċanfar u jwiddeb bis-sħiħ bl-istess mod li għamel man-nies ta’ Korożajn u Betsajda? U inti kif kont twieġeb?

Kull fejn Ġesu’ mar, hu wera b’dak kollu li għamel kemm Alla jimpurtah mill-bniedem. Korożajn u Betsajda tbierku għax żarhom Ġesu’, Alla nnifsu. Huma semgħu bl-Aħbar it-tajba u esperjenzaw il-ħidma meraviljuża li Ġesu’ għamel għalihom.

Għaliex Ġesu’ kien qalbu sewda u rrabjat ma’ dawn in-nies?

In-nies li semgħu l-Vanġelu ħafna minnhom baqgħu indifferenti. Ġesu’ ċanfarhom għax ma bidlux ħajjtihom. Il-konverżjoni li xtaq minnhom Ġesu’ kienet tfisser bidla tal-qalb u tal-mod kif wieħed jgħix.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Kelma t’Alla tagħti l-ħajja u ssalvana mit-telfien, mit-telfien ta’ ruħna u kif ukoll ta’ ġisimna. Ir-rabja ta’ Ġesu’ hi lejn id-dnub u kull ma jfixkilna milli nagħmlu r-rieda t’Alla. Bi mħabba sejħilna nimxu fit-triq tal-verita’ u tal-liberta’, tal-grazzja u tal-ħniena, tal-ġustizzja u tal-qdusija.

Inti tilqa’ l-Kelma tiegħu bil-fidi, bla dubji u bla indifferenza? Tħalliha tibdillek qalbek u l-attitudni tal-ħajja tiegħek?

Itlob …

O Alla l-aktar għoli, dawwal id-dlam tal-qlub tagħna u agħtina fidi vera, tama ċerta u mħabba perfetta. Agħtina dak li hu qaddis, l-għerf tiegħek u l-għarfien tiegħek innifsek ħalli nkunu nistgħu nwettqu b’mod komplet ir-rieda mqaddsa tiegħek b’Ibnek Ġesu’ Sidna. Ammen.

305. Riflessjoni fuq Luqa 10: 1-2, 17-20

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 1-2, 17-20

7mai

L-Evanġelju skont San Luqa 10, 1-12, 17-20

[Lq:10:1] F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu.

[Lq:10:2] U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.

[Lq:10:3] Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.

[Lq:10:4] Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.

[Lq:10:5] Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Is-sliem lil din id-dar.’

[Lq:10:6] U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom.

[Lq:10:7] Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.

[Lq:10:8] F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;

[Lq:10:9] fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’

[Lq:10:10] Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu,

[Lq:10:11] ‘Sa t-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet.’

[Lq:10:12] Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.

[Lq:10:17] It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek !”

[Lq:10:18] U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema.

[Lq:10:19] Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta’ l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom.

[Lq:10:20] Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Dak li kienu rċevew min għand Ġesu’ jridu jgħadduh lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi ħlas għalih. Riedu juru bl-attitudni tagħhom li l-ewwel interess tagħhom huwa Alla u mhux l-qiegħ materjali. Riedu jservu mingħajr skopijiet ħżiena, mimlija bil-karita’ u l-paċi u bis-sempliċita’. Riedu jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq ix-xandir tas-saltna t’Alla u mhux jiġu mfixkla b’affarijiet ta’ inqas importanza. Riedu jivvjaġġaw ħfief. Jieħdu biss dak li kien l-essenzjal u jħallu warajhom dak li seta’ jiddistratahom biex ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-ħidma tax-xandir tal-Kelma t’Alla. Kellhom jagħmlu dan ix-xogħol mhux għal dak li setgħu jiksbu minnu, imma għal dak li setgħu jagħtu b’xejn lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi privileġġi speċjali jew xi forma ta’ ħlas.

Il-faqar tal-Ispirtu jeħlisna mill-kilba u l-preokkupazjoni fuq dak li għandu jkollna u joħloq fina spazju għall-Providenza t’Alla. Il-Mulej irid li d-dixxipli tiegħu jkunu dipendenti fuqu u mhux fuqhom infushom.

It-tieni Ġesu’ qal: “Il-ħaddiem ħaqqu ħobżu.” Hawn naraw verita’ doppja. Il-ħaddiem t’Alla ma għandux ikun ippreokkupat fuq l-affarijiet materjali, imma l-poplu t’Alla ma għandu qatt jonqos milli fid-dover tiegħu jagħti lill-ħaddiem t’Alla dak li għandu bżonn biex jgħix.

Inti titlob għall-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju u tissapportja bir-riżorsi materjali tiegħek?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jtemm l-istruzzjonijiet tiegħu bi twissija. Jekk in-nies tirrifjuta l-istedina t’Alla jkunu jġibu l-kundanna fuqhom infushom. Meta Alla jagħtina l-Kelma tiegħu din hemm magħha responsabbiltajiet kbar li nwieġbu għaliha. L-indifferenza ma għandix postha hawn. Bil-mod kif inwieġbu għall-Kelma jew aħna favur jew kontra Alla.

Alla jagħtina l-Kelma tiegħu ħalli, aħna jkollna l-ħajja Fih. Hu jrid jaħdem fina u permezz tagħna għall-glorja tiegħu. Alla jaqsam il-Kelma tiegħu magħna u jibgħatna biex inxandruha b’konvinzzjoni u b’sempliċita’ lill-oħrajn.

Int tagħti xhieda tal-verita’ u l-ferħ tal-Vanġelu bil-kliem u bl-eżempju tiegħek quddiem ta’ madwarek?

Itlob …

Mulej, agħmel li l-ferħ u l-verita’ tal-Vanġelu jittrasforma lil ħajti ħalli jien nagħti xhieda tiegħek ma’ dawk ta’ madwari. Agħtini li nxandar il-Verita’ u d-Dawl tiegħek kull fejn immur. Ammen.

 

304. Riflessjoni fuq Luqa 9: 51-62

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 51-62

jesus-sends-disciples

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 51-62

[Lq:9:51] F’dak iż-żmien, meta qorob għal Ġesu’ iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.

[Lq:9:52] U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod.

[Lq:9:53] Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm.

[Lq:9:54] Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”

[Lq:9:55] Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom.

[Lq:9:56] U marru f’raħal ieħor.

[Lq:9:57] Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.”

[Lq:9:58] U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta’ l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.”

[Lq:9:59] Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.”

[Lq:9:60] Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.”

[Lq:9:61] U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar.”

[Lq:9:62] Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti lest li timxi wara l-Mulej kull fejn jurik?

Mas-sejħa l-Mulej jagħti l-grazzja biex twieġeb u timxi warajh sal-aħħar.

Għaliex Ġesu’ joffri sfida mas-sejħa?

Ġesu’ kien dejjem onest f’li jgħid lin-nies x’kien se jiswielhom li jimxu warajh. Meta resqu lejn Ġesu’ dixxipli li kienu mħajjra jimxu warajh Ġesu’ qalilhom li din tirrikjedi s-sagrifiċċju u d-distakk minn dak li seta’ jtellef li wieħed ikun kollu kemm hu leali għas-sejħa.

Ġesu’ kien aħrax u imprudenti fil-mod kif ried lid-dixxipli jiddiskattaw rwieħhom mill-obbligazzjonijiet li ħassew li kellhom lejn l-għeżież tagħhom?

Mhux tassew, aħna liberi li niddeċiedu jekk naqbdux it-triq li Ġesu’ joffrilna, imma jekk nagħżlu li mmorru allura l-Mulej iridna nagħrfu l-prezz li titlob minna ħajja bħal din u nidħlu għaliha bil-kuraġġ u bil-liberta’.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif tidħol l-istorja ta’ min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura?

Dak li jagħmel dan il-ġest ikun qed jikkawża li l-gandott li jkun qed jagħmel ma jibqax ġej dritt fil-mogħdija kif inhu suppost. L-istess aħna nħarsu lura lejn dak li nkunu ħallejna warajna triqatna jiżvijaw u nitilfu dak li Alla jkun ippjana għalina.

U inti lest li tmur għal għonq it-triq, dik it-triq li Ġesu’ qed joffrilek?

Il-grazzja tiegħu biżżejjed u mħabbtu hi l-qawwa tiegħek. M’hemm xejn aktar nobbli milli wieħed ipoġġi ħajtu għas-servizz tal-Mulej, is-Sid tal-Univers. Ġesu’ wiegħed li jagħti għal mitt darba iżjed lil min iħalli għall-imħabba tas-sejħa, affarijiet għeżież għalih u fl-aħħar il-ħajja eterna.

X’qed iżommok milli timxi wara l-Mulej u twettaq ir-rieda tiegħu għal ħajtek?

Itlob …

Talba ta’ Sant Injazju…

Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi, u r-rieda kollha tiegħi. Kulma għandi u kulma hu tiegħi dan kollu inti tajtuli, lilek Mulej inroddu. Kollox hu tiegħek, agħmel minnu għal kollox kif trid int, lili agħtini mħabbtek u l-grazzja tiegħek din biżżejjed għalija.

Marija ommi, Omm tal-parir it-tajjeb għallimni nimxi wara Ibnek bil-fedelta’ u l-qdusija. Ammen.

303. Riflessjoni fuq Luqa 9: 51-56

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 51-56

Tuesday-homily

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 51-56

[Lq:9:51] F’dak iż-żmien, meta qorob għal Ġesu’ iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.

[Lq:9:52] U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod.

[Lq:9:53] Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm.

[Lq:9:54] Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”

[Lq:9:55] Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom.

[Lq:9:56] U marru f’raħal ieħor.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti lest li timxi wara l-Mulej kull fejn jurik?

Mas-sejħa l-Mulej jagħti l-grazzja biex twieġeb u timxi warajh sal-aħħar.

Għaliex Ġesu’ joffri sfida mas-sejħa?

Ġesu’ kien dejjem onest f’li jgħid lin-nies x’kien se jiswielhom li jimxu warajh. Meta resqu lejn Ġesu’ dixxipli li kienu mħajjra jimxu warajh Ġesu’ qalilhom li din tirrikjedi s-sagrifiċċju u d-distakk minn dak li seta’ jtellef li wieħed ikun kollu kemm hu leali għas-sejħa.

Ġesu’ kien aħrax u imprudenti fil-mod kif ried lid-dixxipli jiddiskattaw rwieħhom mill-obbligazzjonijiet li ħassew li kellhom lejn l-għeżież tagħhom?

Mhux tassew, aħna liberi li niddeċiedu jekk naqbdux it-triq li Ġesu’ joffrilna, imma jekk nagħżlu li mmorru allura l-Mulej iridna nagħrfu l-prezz li titlob minna ħajja bħal din u nidħlu għaliha bil-kuraġġ u bil-liberta’.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif tidħol l-istorja ta’ min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura?

Dak li jagħmel dan il-ġest ikun qed jikkawża li l-gandott li jkun qed jagħmel ma jibqax ġej dritt fil-mogħdija kif inhu suppost. L-istess aħna nħarsu lura lejn dak li nkunu ħallejna warajna triqatna jiżvijaw u nitilfu dak li Alla jkun ippjana għalina.

U inti lest li tmur għal għonq it-triq, dik it-triq li Ġesu’ qed joffrilek?

Il-grazzja tiegħu biżżejjed u mħabbtu hi l-qawwa tiegħek. M’hemm xejn aktar nobbli milli wieħed ipoġġi ħajtu għas-servizz tal-Mulej, is-Sid tal-Univers. Ġesu’ wiegħed li jagħti għal mitt darba iżjed lil min iħalli għall-imħabba tas-sejħa, affarijiet għeżież għalih u fl-aħħar il-ħajja eterna.

X’qed iżommok milli timxi wara l-Mulej u twettaq ir-rieda tiegħu għal ħajtek?

Itlob …

Talba ta’ Sant Injazju…

Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi, u r-rieda kollha tiegħi. Kulma għandi u kulma hu tiegħi dan kollu inti tajtuli, lilek Mulej inroddu. Kollox hu tiegħek, agħmel minnu għal kollox kif trid int, lili agħtini mħabbtek u l-grazzja tiegħek din biżżejjed għalija.

Marija ommi, Omm tal-parir it-tajjeb għallimni nimxi wara Ibnek bil-fedelta’ u l-qdusija. Ammen.

302. Riflessjoni fuq Luqa 9: 18-24

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 18-24

thou-art-the-christ-2015-01-01

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 18-24

[Lq:9:18] Darba, waqt li Ġesu’ kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?”

[Lq:9:19] Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta’ l-imgħoddi.”

[Lq:9:20] Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla.”

[Lq:9:21] Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan.

[Lq:9:22] U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.”

[Lq:9:23] Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.

[Lq:9:24] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min hu Ġesu’ għalik?

F’ħin opportun Ġesu’ ġġarrab lid-dixxipli tiegħu bil-mistoqsija kruċjali. ‘Min jgħidu n-nies li jien u min tgħidu intom li jien?’ Ġesu’ kien kkunsidrat mill-maġġoranza tal-poplu f’Iżrael bħala bniedem kbir t’Alla, anke kkumparat mal-akbar fost il-profeti: Ġwanni l-Battista, Elija u oħrajn. Pietru stqarr li Ġesu’ kien il-Messija. L-ebda bniedem ma setgħa jirrevela dan lil Pietru kien biss Alla nnifsu. Kien l-ewwel dixxiplu li għaraf lil Ġesu’ bħala l-Midluk, il-Messija u ‘l Kristu. U f’San Mattew kapitlu 16 vers 16 insibu li qallu wkoll li hu l-Iben uniku t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Madanakollu l-fidi ta’ Pietru tgħaddi minn prova, meta Ġesu’ jispjega l-bżonn għall-Messija li jbati u jmut sabiex il-ħidma tas-Salvazzjoni t’Alla titwettaq. Kif inħasdu d-dixxipli meta semgħu dan il-kliem. Kemm huma differenti l-ħsibijiet u t-triqat t’Alla minn dawk tagħna l-bnedmin. Permezz tal-umiljazzjoni, tas-sofferenza u tal-mewt fuq is-salib Ġesu’ kisser il-qawwa tad-dnub u tal-mewt u rebaħ għalina u għas-Salvazzjoni tagħna.

Il-Mulej jgħaddi wkoll lilna b’mod personali mill-prova bl-istess mistoqsija. ‘Int min tgħid li jien?’ U jekk se twieġbu li hu l-Mulej qed tħalli ikun il-Mulej iġifieri s-Sid ta’ kulma int tal-ħsibijiet, tax-xewqat u tal-azzjonijiet tiegħek? Inti taħseb kif jaħseb Alla jew toqgħod fuq li taħseb int li jista’ jkun żbaljat?

Itlob …

Mulej Ġesu’ jiena nistqarr u nemmen li Inti l-Messija, l-Iben t’Alla l-Ħaj. Inti l-Mulej u s-Salvatur tiegħi. Agħmel li l-fidi tiegħi tkun qawwija bħal dik ta’ Pietru u agħtini li nitkellem u nixhed għalik bil-kuraġġ kollu quddiem l-oħrajn ħalli huma wkoll jaslu biex jagħrfu lilek b’mod personali bħala l-Mulej u s-Salvatur u jikbru fl-għarfien tal-imħabba tiegħek.

Għażiża ommi Marija, għenni biex bħalek jiena nħalli l-Kelma t’Alla titnissel fija ħalli hu jkun iċ-ċentru ta’ dak li naħseb, ngħid u nagħmel. Ammen.

 

 

301. Riflessjoni fuq Luqa 9: 11-17

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 11-17

Giovanni_Lanfranco_-_Miracle_of_the_Bread_and_Fish_-_WGA12454-700x425

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 11-17

[Lq:9:11] F’dak iż-żmien, Ġesu laqa l-folol tan-nies u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan.

[Lq:9:12] Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab.”

[Lq:9:13] Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha?”

[Lq:9:14] Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.”

[Lq:9:15] Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.

[Lq:9:16] Mbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewwluhom lin-nies.

[Lq:9:17] U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li verament tista’ taqtagħlna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?

Folla kbira ta’ nies, inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’, bla dubju għax kellhom il-ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-riżorsi biex jitimgħuhom. Huma kkummentaw ukoll, li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu tal-inqas paga ta’ sitt xhur. Ġesu’, il-Ħobż tal-Ħajja ħa l-ftit li kellhom, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema, qasmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu.

Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna. Ikun iridna nagħtuh il-ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li Hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel, huwa l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Evanġeli.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-miraklu?

Dan il-miraklu fakkar lill-poplu fil-providenza t’Alla meta temgħahom fid-deżert, meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mose’. Dawn meta qabadhom il-ġuħ Alla bagħatilhom il-manna x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel mis-sema kuljum fuq l-altari tagħna, li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan, ma jmut qatt imma jgħix b’Ġesu’ għall-eternita’.

Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih il-ftit tiegħek b’fiduċja li hu bih se jibdel il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?

Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull Quddiesa li titqaddes jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll.

Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċievieh jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?

Itlob …

Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmagħna bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-Quddiesa u t-Tqarbina, anki dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta’ xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu jduqu mill-benna li Int biss taf tagħti, l-benna tiegħek innifsek. Ammen.