Għaliex il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani?

69

🌻 Ġesu’ kkmanda: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Luqa 22:19). X’tip ta’ tifkira hi din? Mhix biss memorja ta’ xi ħaġa tal-passat (bħal ritratt jew party tal-birthday) imma hija memorjal, jiġifieri dak li ġara fil-passat jiġri issa waqt li niftakru. Mela l-quddiesa mhux tirrappreżenta lil Kristu iżda tippreżenta, tagħmel preżenti lil Kristu fostna.

🌻 Il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani għax:

  • Nobdu l-kmand t’Alla li nħarsu l-Jum tiegħu.
  • Naqtgħu x-xewqa u l-kmand ta’ Ġesu’ li mmorru għandu u li nibqgħu nagħmlu dan b’tifkira tiegħu.
  • Mingħajr din il-manna mis-sema mmutu f’dan id-deżert ta’ din id-dinja.
  • Mingħajr dan l-Ilma ħaj ninxfu spiritwalment u ninqatgħu minn Alla.
  • Mingħajr Kristu ma nistgħu nagħmlu xejn. Min jaħseb li jista’ jżomm ħajja r-relazzjoni ma’ Ġesu’ waħdu u bla għajnuna tas-sagramenti huwa żbaljat bil-kbir.
  • Id-dixxiplu individwali jesperjenza u jsaħħaħ l-għaqda tiegħu mal-komunita’ li temmen u tħobb lil Sidu.
  • It-Tqarbin hu t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux b’Ġesu’. Mela t-tqarbin magħmul sewwa fil-kuntest tat-talb u l-qima tal-Quddiesa huwa l-mezz ewlieni biex naslu għall-ħajja ta’ dejjem.

X’mhix il-kuxjenza u allura x’nikkonkludu minn dan?

66

🌻 Il-kuxjenza mhix:

  • x’inħoss u naħseb jien,
  • lanqas fuq hiex taqbel il-maġġoranza jew dak li hu popolari,
  • lanqas x’nemmnu li jaqbel għalija jew għall-ħbieb tagħna.

🌻 Kulħadd għandu kuxjenza għax kulħadd b’mod jew ieħor jagħraf x’qed jagħmel tajjeb jew ħażin.

🌻 Kull bniedem hu wkoll obbligat jifforma l-kuxjenza tiegħu u jibbaża l-azzjonijiet tiegħu fuq il-Kelma t’Alla (il-Bibbja) u t-tagħlim tal-Knisja mwaqfa minnu.

🌻 Għalhekk, naslu għall-konkluzzjoni li l-ebda nisrani ma jista’ jfisser l-Iskrittura lil hinn jew il-barra mill-Knisja meta kienet il-Knisja stess li urietna.

🌻 Aħna wkoll, b’mod personali ma nistgħux inħallu barra t-tagħlim ta’ Kristu u l-mod kif dan it-tagħlim jiġi mfisser lilna mill-Knisja.

Għaliex ‘il-kuxjenza’ hija tema importanti għalina l-insara? Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, għaliex dejjem tkellimna fuqu?

64

🌻 La aħna l-insara nemmnu fl-eżistenza t’Alla u li Hu ħalaq lilna l-bnedmin, il-bniedem ma jgħix ħajtu maqtugħ mir-relazzjoni tiegħu m’Alla.

🌻 Alla ma ħalaqx id-dinja u umbagħad telaqha!

🌻 Alla nnifsu kkomunika mal-bniedem, b’mod speċjali permezz ta’ Ibnu Ġesu’.

🌻 Alla uriena x’inhi r-Rieda tiegħu għall-bniedem, li Hu għandu pjan għall-istess bniedem u l-ambjent li fih jgħix.

🌻 Alla għabba lill-bniedem bir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb ta’ dak li fdalu bil-mod kif urieh Hu, permezz ta’ Kristu.

🌻 Il-kuxjenza hi r-risposta tal-bniedem lejn Alla, wara li ingħata t-taghlim li kellu bżonn mingħand Kristu u mingħand il-Knisja li waqqaf Kristu.

Hemm min jgħid: “Kristu, iva! Knisja, le!”. Xi ngħidu dwar dan?

11

🌻 Hemm min jaħseb biex jitlaq mill-Knisja, iżda jkun jrid jibqa’ jemmen fi Kristu. Dan ma jagħmilx sens għax kif tista’ trid lil Kristu u ma tridx dak li jgħid Hu?

🌻 Mela mhux vera tridu, għax kieku vera tridu trid dak li jrid Hu, u Ġesu jrid il-Knisja għax waqqafha Hu stess. Mela min jitlaq il-Knisja u jipprova jżomm lil Kristu, ikun qed jemmen f’xi Kristu kif jimmaġinah u jivvintah hu, u mhux il-vera Kristu.

Xi tfisser l-espressjoni li hemm fil-Missierna: “Tiġi Saltnatek”?

10

🌻 Is-Saltna t’Alla hija Ġesu’ nnifsu. Hekk kif Alla kien ħeles lil-Lhud minn taħt il-Fagħrun u għamilhom saltna għaliH, issa jeħles lill-bndemin kollha mid-dnub u jdaħħalhom fis-Saltna li ma tispiċċa qatt: Ġesu’ Kristu Sidna.

🌻 Meta nitolbu “Tiġi Saltnatek” qed nesprimu xewqa li Kristu jkun is-Sultan tagħna, li l-bndemin kollha jitwaħħdu fi Kristu u li Kristu jwassal din is-Saltna għall-milja tagħha fl-aħħar taż-żminijiet meta għad joffriha lesta lil Alla l-Missier.

🌻 It-Tmiem li timmira lejh il-Knisja huwa propju l-miġja ta’ din is-Saltna tal-Aħħar meta Kristu jagħlaq l-istorja u jerbaħ fuqha u jibda l-ħolqien il-ġdid.

Biex il-ħajja tkun suċċess għandna bżonn ta’ Ġesu’. Għaliex?

8

🌻 Hemm żewġ tipi ta’ suċċess: jew dak skont id-dinja jew dak skont Alla. Fid-dinja huwa suċċess dak li hu:

  • mlaħħaq,
  • sinjur,
  • komdu,
  • famuż,
  • għandu kull sodisfazzjon (sesswali, oġġetti, propjeta’ …), eċċ… u
  • min jirnexxilu jibni ‘image’ tiegħu nnifsu fil-pubbliku.

🌻 Huwa suċċess skont Alla dak li jobdi ‘l Alla u li jaħżen teżori fis-Sema bit-talb, sawm u karita’. Huwa suċċess dak li jgħix fil-virtu u jipprova jsir dejjem aktar jixbah lil Kristu. Aktar ma wieħed isir jixbah lil Kristu, aktar isir bniedem li jagħti glorja ‘l Alla u jsir bniedem sħiħ.

Il-fidi hija ħaġa privata?

44

🌻 Il-fidi hi ħaġa personali iżda ma ngħixuhiex weħedna (privatament). Ngħixuha f’komunita’ m’oħrajn li jemmnu. Il-fidi waslet s’għandna għax oħrajn għexuha qabilna u għaddewhielna. Li kienet xi ħaġa privata, Ġesu’ ma kienx iwaqqaf Knisja u Poplu t’Alla u li kieku f’qasir żmien wara Ġesu’, kollox kien jispiċċa fix-xejn.

🌻 Ladarba l-fidi mhix xi ħaġa privata imma personali, wieħed għandu:

  • jgħixha b’mod ġenwin f’qalbu,
  • jgħixha wkoll b’mod ġenwin mal-komunita’ tal-Knisja,
  • u jgħaddiha lill-oħrajn u lil ta’ warajh.

🌻 Xi drabi persuna li tkunu ġiet imrobbija bħala membru tal-Knisja, taħseb biex titlaqha u tkun trid tgħix l-fidi tagħha weħedha. Din tkun iddejjqet mill-Knisja u taħseb li aħjar tgħix il-fidi waħedha. Fil-fatt din tkun abbandunat il-Poplu t’Alla, daħlet fil-fidi privata u marret kontra x-xewqa ta’ Kristu li jkollu lid-dixxipli kollha tiegħu magħqudin fil-Poplu l-Ġdid t’Alla. Kif tista’ din tippretendi li se ssegwi lil Kristu u tmur kontra x-xewqa ta’ Kristu?

Veru li r-reliġjonijiet kollha jsalvaw lin-nies tagħhom? 

37

🌻 Illum hawn ħafna li jgħidu li r-reliġjonijiet kollha tajbin u kollha jwasslu lil min isegwihom għas-salvazzjoni, basta l-persuna tosserva sewwa r-reliġjon. Dan mhux veru. Fil-verita’, l-ebda reliġjon ma għandha l-ħila ssalva lil xi ħadd. Kristu biss għandu s-setgħa jsalva lill-bnedmin kollha. Kristu biss hu Alla fostna u jsalva lill-bniedem billi jagħmlu parti minnu stess.

🌻 Ir-reliġjon kristjana hija mezz mill-aktar qawwi biex il-bniedem jintrabat ma’ Kristu u jirċievi minn għandu l-Ispirtu tiegħu.

🌻 Kristu jsalva wkoll lil nies li bla ħtija tagħhom ma jafuhx, kemm-il darba dawn ikunu għexu sewwa. Jiġifieri jekk dawn ikunu obdew il-leħen ta’ Alla ġewwa fihom (il-kuxjenza). Permezz tal-kuxjenza, Alla jsejjaħ lil kull bniedem biex jagħmel il-ġid u jaħrab id-deni. Il-ġudizzju ta’ nies li ma kienux jafu lil Kristu tul ħajjithom isir minn Kristu u fuq kemm obdew lil Alla billi semgħu mill-leħen tal-kuxjenza.

X’jagħmel l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-bniedem u liema huma xi wħud mill-vokazzjonjiet li jagħti?

29

🌻 L-Ispirtu s-Santu nistgħu ngħidu li jagħmel kollox fil-Knisja. Hu:

  • jagħti l-fidi, it-tama u l-imħabba,
  • iqajjem mexxejja,
  • joħroġ dejjem il-verita’ fil-Knisja tiegħu,
  • jifforma qaddisin,
  • iwettaq kull Sagrament,
  • iqanqal il-kuxjenza ta’ kull bniedem,
  • jagħmel sejħiet (vokazzjonijiet) u
  • jagħti s-saħħa pass pass biex dawn jitwettqu.

L-Ispritu s-Santu hu l-bennej tal-Knisja fuq kull livell tagħha.

🌻 L-ewwel l-vokazzjoni li jagħti l-Ispirtu s-Santu hi dik tal-Magħmudija, li biha nidħlu fi Kristu u li ngħixu l-fidi, tama u mħabba agape ta’ Kristu.

🌻 Żewġ vokazzjonjiet oħra Sagramentali huma ż-Żwieġ u l-Ordni Sagri.

🌻 Vokazzjoni speċjali oħra hi l-Verġinita’ għas-Saltna tal-ħajja reliġjuża jew ta’ xi għaqda bħall-Mużew.

🌻 Lil uħud jagħmilhom missjunarji, oħrajn katekisti, oħrajn li jaħdmu fis-soċjeta’ biex jġibuha ‘l quddiem.