X’għandu jagħmel kull nisrani u l-Knisja kif tidħol fir-rigward tal-kuxjenza?

65

🌻 Min hu nisrani ma jistax jgħid ili qed jibni l-kuxjenza tiegħu u fl-istess waqt iwarrab dak li qal u għallem Ġesu’.

🌻 Il-bniedem jista’ jagħti ‘opinjoni’ imma, l-kuxjenza mhix opinjoni ta’ individwu/i!

🌻 La l-kuxjenza hi t-tweġiba tagħna għal dak li qalilna Alla permezz ta’ Ġesu’, għandha tkun ibbażata biss fuq l-istess tagħlim ta’ Ġesu’.

🌻 Fir-rigward tal-kuxjenza, il-Knisja tidħol għaliex kienet hi li fil-bidu qaltilna li l-Kelma t’Alla hi dik li hi.

🌻 Kienet il-Knisja (jiġifieri l-komunita’ nisranija), li wara proċess twil, li għandu kriterji fissi, waslet biex b’dixxerniment u bl-għajnuna t’Alla tagħżel liema huma l-kotba ispirati u l-kotba li m’humiex fil-Bibbja.

🌻 Il-proċess biex għarfet li għandha żżomm is-72 Ktieb tal-Bibbja li nafu bihom illum, ħa ħafna żmien.

🌻 Għalhekk, ma nistgħux nifhmu l-Iskrittura b’mod ieħor ħlief bil-mod kif tgħallimna dwarha l-Knisja għax kienet l-istess Knisja li għarfet dak li hu ġej minn Alla u dak li mhux ġej minn Alla.

Il-fidi hija ħaġa privata?

44

🌻 Il-fidi hi ħaġa personali iżda ma ngħixuhiex weħedna (privatament). Ngħixuha f’komunita’ m’oħrajn li jemmnu. Il-fidi waslet s’għandna għax oħrajn għexuha qabilna u għaddewhielna. Li kienet xi ħaġa privata, Ġesu’ ma kienx iwaqqaf Knisja u Poplu t’Alla u li kieku f’qasir żmien wara Ġesu’, kollox kien jispiċċa fix-xejn.

🌻 Ladarba l-fidi mhix xi ħaġa privata imma personali, wieħed għandu:

  • jgħixha b’mod ġenwin f’qalbu,
  • jgħixha wkoll b’mod ġenwin mal-komunita’ tal-Knisja,
  • u jgħaddiha lill-oħrajn u lil ta’ warajh.

🌻 Xi drabi persuna li tkunu ġiet imrobbija bħala membru tal-Knisja, taħseb biex titlaqha u tkun trid tgħix l-fidi tagħha weħedha. Din tkun iddejjqet mill-Knisja u taħseb li aħjar tgħix il-fidi waħedha. Fil-fatt din tkun abbandunat il-Poplu t’Alla, daħlet fil-fidi privata u marret kontra x-xewqa ta’ Kristu li jkollu lid-dixxipli kollha tiegħu magħqudin fil-Poplu l-Ġdid t’Alla. Kif tista’ din tippretendi li se ssegwi lil Kristu u tmur kontra x-xewqa ta’ Kristu?