Il-Knisja kif tħares lejn l-Ambjent f’konnessjoni mal-Ħajja Umana?

55

🌻 Il-kelma ‘ambjent’ tirreferi għal kull post fejn jgħix, jaħdem u jirrikreja ruħu l-bniedem. Tintuża wkoll għan-natura, l-arja, il-baħar u l-art. Peress li l-Knisja tixtieq li l-ħajja tal-bniedem fl-aspetti kollha tagħha tiġi mħarsa u promossa, għaldaqstant trid li jiġu mħarsa l-ambjenti kollha.

🌻 Fil-Ġenesi naqraw kif Alla kkmanda lil Adam biex ‘jaħdem u jħares il-ġnien’. Kull meta l-bniedem (Adam) jieħu ħsieb tal-ġnien (l-ambjenti kollha tad-dinja) ikun qed jieħu ħsieb tal-ħajja u jġibha ‘l quddiem. Kull meta jħassar jew jeqred l-ambjenti, ikollu effett fuq il-ħajja tal-bnedmin t’issa u tal-bnedmin tal-futur.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-Piena Kapitali?

54

🌻 Fl-imgħoddi l-Knisja kienet tittollera din il-piena minħabba l-prinċipji morali

  • tad-difiża (self defence of society against an aggressor),
  • tad-dixxiplina fl-ordni pubbliku
  • u tal-edukazzjoni tal-poplu kontra l-kriminalità.

Fil-Bibbja nsibu li Alla wkoll ifforma lill-poplu tiegħu (il-Lhud) saħansitra b’dan il-mezz estrem.

🌻 Illum, il-Knisja tixtieq tkun vuċi qawwija fis-soċjetà favur il-ħajja tal-bniedem għax dan il-valur l-aktar fundamentali qed jiġi mhedded. Għaldaqstant illum titkellem kontra l-piena kapitali u tinsisti li meta jkun il-każ, kriminal għandu jiġi mogħti sentenza ta’ ħabs u mhux il-mewt. Il-Knisja tgħallem ukoll li tul is-sentenza fil-ħabs, il-kriminal jista’ jkompli b’xi mod l-iżvilupp uman tiegħu li kieku bil-mewt ma jkun aktar possibbli.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-Fertilizzazzjoni In Vitro?

53

🌻 Peress li l-Knisja żżomm li kull ovulu uman fertilizzat huwa individwu uman, mela, l-embrijuni umani prodotti bl-IVF huma umani bid-drittijiet tagħhom. Dawn l-embrijuni m’għandhomx jitqiesu bħala oġġett kwalunkwe, imma bħala umani. Huwa delitt kbir li qed isir kull fejn dawn l-embrijuni

  • jiġu maqtula,
  • jesperimentaw fuqhom,
  • jarmuhom,
  • jiffriżawhom
  • u jħalluhom hemm jew
  • jipproduċuhom minn taħlit kbir ta’ ‘donors’ ‘l barra mill-imħabba u l-għożża tal-att taż-żwieġ u mill-ambjent tal-familja.

🌻 Peress li koppji infertili jirrikorru għal dan il-metodu biex jippruvaw ikollhom tfal (rata ta’ suċċess hi biss xi 20%), ikollhom iħallsu eluf ta’ liri għal dan. Mela hemm element qawwi ta’ profitti minn fuq dahar min qed ibati. Dan l-argument ta’ koppji infertili kien wieħed minn dawk użati biex tiġi aċċettata din il-prattika tal-IVF (illum qed jipprattikawha wkoll koppji ta’ nisa lesbjani li jridu tarbija).

🌻 Ġħax ġiet żviluppata l-IVF, u l-embrijun u l-fetu uman tilfu d-drittijiet tagħhom fil-liġi ta’ ħafna pajjiżi, qegħdin ikabbru l-esperimentazzjoni fuq dawn il-bndemin li huma fil-bidu tal-eżistenza tagħhom (per eżempju, ‘stem cell’ research; cloning, eċċ…).

🌻 Hemm tellieqa bejn il-pajjiżi sinjuri u avvanzati biex jaħkmu l-ħajja umana fil-bidu tagħha, biex imbagħad jagħmlu kapital ekonomiku u politiku qawwi minnha.

🌻 Mela din l-IVF u dak kollu li segwa minnha hu pass ieħor fil-mixja qerrieda tal-ħajja umana li għandna fi żmienna, daqqa oħra ‘l isfel lejn ir-rispett għall-valur tal-ħajja umana u manuvra oħra tal-qawwija ta’ din id-dinja biex jaħtfu aktar poter u kontroll (u min jaf x’qed joħolmu li għad jagħmlu la jsiru padurni tal-ħajja umana fil-bidu tagħha).

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-Kontraċezzjoni?

52

🌻 Il-kontraċezzjoni ġiet aċċettata fis-soċjetà għax kienet ippreżentata bħala ‘bżonn’ f’ċerti każi estremi kif ukoll bħala ‘dritt’ tal-persuna fuq ġisimha.

🌻 Ħafna politiċi fid-dinja riedu li tidħol il-mentalità favur il-kontraċezzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu ‘population control’ f’pajjiżhom u f’pajjiżi fqar għal skopijiet politiċi.

🌻 Ir-riżultat tal-mentalità kontraċettiva hu li popli sħaħ issa għandhom ‘trend’ fil-popolazzjoni li jnaqqsu b’mod esaġerat in-numru ta’ trabi li jitwieldu. Dan għandu konsegwenzi koroh ħafna.

🌻 Riżultat ieħor hu li s-sesswalità tilfet is-sens profond tagħha u spiss jgħixuha biss bħala sfog personali. Minn dan joħroġ ukoll li ħafna m’humiex isibu min iħobbhom b’mod sħiħ u huma stess qed jitilfu din l-opportunità li jħobbu lil ħaddieħor b’dan il-mod, u għalhekk qed jgħixu esperjenza umana fqira ħafna.

🌻 L-użu tal-‘condom’ ħa spinta kbira ‘l quddiem fid-dinja kollha meta nxterdet il-marda tal-AIDS. Il-Knisja mill-ewwel ikkritikat lill-gvernijiet li ħasbu li bil-propoganda għall-użu tal-condom kienu se jwaqqfu t-tixrid tal-AIDS. Il-Knisja qaltilhom li hemm bżonn edukazzjoni tal-mentalità tan-nies biex ikunu fidili fiż-żwieġ. Il-gvernijiet tad-dinja spiss ħaduha kontra l-Knisja talli hi titkellem hekk. Iż-żmien tana parir, għax il-Knisja kellha raġun. Fil-fatt bil-propoganda għall-użu tal-condom, ir-riżultat hu li ħafna iżjed nies huma issa sesswalment attivi (li qabel ma kienux) u l-użu tal-condom wara l-ewwel furja jaqa’ wkoll. Mela l-propoganda f’termini reali kattret it-tixrid tal-AIDS.

🌻 Il-Knisja tgħallem lill-insara miżżewġa biex jipprattikaw it-tnissil responsabbli tat-tfal. Għandhom jibbażaw ir-relazzjoni tagħhom fuq id-dedikazzjoni lil xulxin mhux fuq is-sess. Is-sess għandhom jipprattikawh b’responsabiltà biex jippruvaw inisslu t-tfal meta jkun sewwa li jsir dan.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq id-Divorzju?

51

🌻 Fit-taħdit tiegħu mal-Fariżej li riedu jżommu l-permess li kien tahom Mose li jiddivurzjaw, Ġesu wera biċ-ċar li d-divorzju mhux permess minn Alla nnifsu. Ġesu qalilhom li fil-bidu Alla ħalaqhom raġel u mara u li dak li jgħaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem.

🌻 Mela l-Knisja ma tista’ qatt tagħti permess għad-divorzju kif kien għamel Mose mal-Lhud minħabba l-ebusija ta’ qalbhom. Il-Knisja mhix se ċċedi għall-pressjoni kif kien għamel Mose mal-Lhud, lanqas jekk il-poplu nisrani jwebbes qalbu u ħafna jheddu li jitilqu mill-Knisja jekk ma tippermettilhomx divorzju jew li jitqarbnu jekk ikunu f’relazzjoni adultera.

🌻 Id-divorzju joqtol fl-imħuħ kull sens ta’ familja u jixħet dubji kbar f’qalb kull min jixtieq jiżżewweġ u jifforma familja. Diffiċli tafda lil min se tiżżewweġ jekk f’jum iż-żwieġ iwiegħed mod u wara jista’ jagħmel mod ieħor.

🌻 Minħabba fih jitfarrku parti kbira mill-familji b’konsegwenzi terribbli fuq il-koppja stess u fuq it-tfal u għalhekk fuq is-soċjetà in ġenerali (per eżempju, tfal li jikbru bla ‘father figure’ u jidħlu f’ħafna gwaj; ‘single parents’ bil-problemi affettivi u finanzjarji kollha konnessi; skandlu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li jikbru ma jafdawx, ma jħobbux, ma jagħmlux ħilithom biex igħixu ħajja tajba u produttiva, eċċ…).

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq l-Ewtanasja?

50

🌻 Il-kelma tfisser ‘mewt ħelwa’ (bla tbatija). Bħalissa l-ewtanasja ġiet legalizzata f’diversi pajjiżi u f’qasir żmien għad tkun aċċettata f’ħafna nħawi tad-dinja. L-ewtanasja diretta hija l-għotja ta’ sustanzi li joqtlu lill-persuna bla ma jikkawżawlha tbatija.

🌻 Politikament spiss issib gvernijiet li jixtiequ li jkollhom l-ewtanasja legalizzata f’pajjiżhom minħabba l-fatt li x-xjuħ u l-morda huma piż kbir fuq l-ekonomija tal-pajjiż u fuq is-sistema medika. Permezz tal-ewtanasja jittamaw li jnaqqsu minn dan il-piż.

🌻 Jikkonsisti f’ewtanasja meta persuna li mhix fil-proċess tal-mewt tiġi maqtula għax trid tmut. Jekk persuna tkun qiegħda tmut u l-pain killers iħaffu l-proċess tal-mewt bħala ‘side effect’, dan mhux kunsidrat bħala ewtanasja u jista’ jsir.

🌻 Skont il-Knisja min irid l-ewtanasja irid is-suwiċidju (assistit) u min jamministra l-ewtanasja huwa omiċida. Il-Knisja tkompli twiddeb lis-soċjetà li bl-ewtanasja legalizzata, il-valur tal-ħajja umana qed jerġa’ jaqla’ daqqa oħra ‘l isfel kif ukoll ir-rispett lejn min hu dgħajjef, batut, xiħ. Soċjetà li ma tħobbx u ma tirrispettax lid-dgħajfin tagħha hi waħda salvaġġa, kiesħa u deprimenti.

🌻 Il-Knisja tavża wkoll li maż-żmien, meta għad tindara l-ewtanasja fis-soċjetà għad ikun hawn diżastru soċjali ieħor billi kulħadd jagħmel li jrid għax tant ikun hawn każi li jkun impossibbli l-kontroll. F’soċjetà hekk inġusta, ikun tal-biża’ li timrad serjament jew tixjieħ.

🌻 Kull ma jmur qed noħolqu soċjetà ostili u bla qalb li tagħmel ħsara lilna stess u lill-oħrajn u lil dawk li għad jgħixu.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq l-Abort?

49

🌻 Il-knisja tikkunsidra l-abort bħala delitt premeditat kontra l-ħajja innoċenti u għalhekk tal-akbar gravità.

🌻 Skont il-bioloġija nafu li meta jingħaqdu l-isperma u l-ovulu, jiġi prodott il-kodiċi ġenetiku ta’ bniedem ġdid, u għalhekk minn dak il-mument ‘l quddiem, dak l-individwu għandu jiġi mħares u xejn m’għandu jsirlu ta’ ħasra jew li jikkawżalu l-mewt.

Għaliex hu żbaljat in-New Age?

47

🌻 L-idea l-aktar bażika, u żbaljata tan-New Age hi li l-bniedem kapaċi jsalva lilu nnifsu.

🌻 Idea oħra żbaljata hi li kull reliġjon tajba, anke waħda vvintata mill-bniedem.

🌻 Żball ieħor hi l-idea li r-reliġjon qiegħda hemm biex jieħu gost u sodisfazzjon biha l-bniedem, u mhux li l-bniedem irid jobdi ‘l Alla anke meta ma jogħġbux jagħmel dan.

🌻 Illum hemm ħafna nies li għandhom sens esaġerat ta’ liberta’ u jippretendu li jmexxu kollox huma u li Alla jkollu joqgħod għalihom.

🌻 Xi sekli wara li bdiet il-Knisja, kien hemm ereżija li nxerdet fost l-insara, msejħa gnosi. Din kienet tgħid li l-bniedem isalva lilu nnifsu b’għerf sigriet li jiġi mogħti biss lill-membri tas-setta. Dawn kienu jużaw din ir-reliġjon eretika biex jitkabbru fuq l-oħrajn. Fid-dinja tal-lum din l-ereżija reġgħat qed taqbad fin-New Age.

L-insara kif qed jitilfu l-fidi?

45

🌻 Billi jħalli lil min ma jemminx jgħarraqlu t-twemmin (per eżempju: bi programmi qarrieqa, b’argumenti u taparsi provi kontra l-fidi, eċċ… );

🌻 Billi ma jaqblux ma’ xi tagħlim tal-Knisja, jew għax jarawh eżaġerat, jew antikwat, eċċ…;

🌻 Billi jisma’ mill-medja li tenfasizza ħafna skandli u żbalji li jagħmlu membri importanti fil-Knisja;

🌻 Billi jingħata lid-‘dinja’;

🌻 Billi jħalli d-dubji jeqirdulu t-twemmin flok bihom ifittex biex jissaħħaħ aktar;

🌻 Billi ma jipprattikax aktar is-Sagramenti u t-talb;

🌻 Bit-traskuraġni fid-doveri tiegħu bħala nisrani u membru ħaj tal-Knisja (per eżempju: meta jgħid li għandu wisq x’jagħmel);

🌻 Billi jiġġudika lill-insara u/jew lill-qassisin li juru wiċċ b’ieħor u li ma jgħixux dak li jippriedkaw;

🌻 Billi jdaħħal ir-reliġjon f’xi taqlib li jkollu mal-awtorita’;

🌻 Bil-‘peer pressure’. Meta wieħed jinġarr mill-grupp ta’ ħbiebu;

🌻 Aħseb: Jekk xi ħadd ikanta b’mod stunat kanzunetta vera sabiħa, dan ma jfissirx li għandna narmu l-kanzunetta. L-istess bil-fidi. Jekk ikun hemm min jagħti eżempju ħażin, dan ma jfissirx li l-fidi ħażina!

Il-fidi hija ħaġa privata?

44

🌻 Il-fidi hi ħaġa personali iżda ma ngħixuhiex weħedna (privatament). Ngħixuha f’komunita’ m’oħrajn li jemmnu. Il-fidi waslet s’għandna għax oħrajn għexuha qabilna u għaddewhielna. Li kienet xi ħaġa privata, Ġesu’ ma kienx iwaqqaf Knisja u Poplu t’Alla u li kieku f’qasir żmien wara Ġesu’, kollox kien jispiċċa fix-xejn.

🌻 Ladarba l-fidi mhix xi ħaġa privata imma personali, wieħed għandu:

  • jgħixha b’mod ġenwin f’qalbu,
  • jgħixha wkoll b’mod ġenwin mal-komunita’ tal-Knisja,
  • u jgħaddiha lill-oħrajn u lil ta’ warajh.

🌻 Xi drabi persuna li tkunu ġiet imrobbija bħala membru tal-Knisja, taħseb biex titlaqha u tkun trid tgħix l-fidi tagħha weħedha. Din tkun iddejjqet mill-Knisja u taħseb li aħjar tgħix il-fidi waħedha. Fil-fatt din tkun abbandunat il-Poplu t’Alla, daħlet fil-fidi privata u marret kontra x-xewqa ta’ Kristu li jkollu lid-dixxipli kollha tiegħu magħqudin fil-Poplu l-Ġdid t’Alla. Kif tista’ din tippretendi li se ssegwi lil Kristu u tmur kontra x-xewqa ta’ Kristu?