Għaliex ‘il-kuxjenza’ hija tema importanti għalina l-insara? Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, għaliex dejjem tkellimna fuqu?

64

🌻 La aħna l-insara nemmnu fl-eżistenza t’Alla u li Hu ħalaq lilna l-bnedmin, il-bniedem ma jgħix ħajtu maqtugħ mir-relazzjoni tiegħu m’Alla.

🌻 Alla ma ħalaqx id-dinja u umbagħad telaqha!

🌻 Alla nnifsu kkomunika mal-bniedem, b’mod speċjali permezz ta’ Ibnu Ġesu’.

🌻 Alla uriena x’inhi r-Rieda tiegħu għall-bniedem, li Hu għandu pjan għall-istess bniedem u l-ambjent li fih jgħix.

🌻 Alla għabba lill-bniedem bir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb ta’ dak li fdalu bil-mod kif urieh Hu, permezz ta’ Kristu.

🌻 Il-kuxjenza hi r-risposta tal-bniedem lejn Alla, wara li ingħata t-taghlim li kellu bżonn mingħand Kristu u mingħand il-Knisja li waqqaf Kristu.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-Kontraċezzjoni?

52

🌻 Il-kontraċezzjoni ġiet aċċettata fis-soċjetà għax kienet ippreżentata bħala ‘bżonn’ f’ċerti każi estremi kif ukoll bħala ‘dritt’ tal-persuna fuq ġisimha.

🌻 Ħafna politiċi fid-dinja riedu li tidħol il-mentalità favur il-kontraċezzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu ‘population control’ f’pajjiżhom u f’pajjiżi fqar għal skopijiet politiċi.

🌻 Ir-riżultat tal-mentalità kontraċettiva hu li popli sħaħ issa għandhom ‘trend’ fil-popolazzjoni li jnaqqsu b’mod esaġerat in-numru ta’ trabi li jitwieldu. Dan għandu konsegwenzi koroh ħafna.

🌻 Riżultat ieħor hu li s-sesswalità tilfet is-sens profond tagħha u spiss jgħixuha biss bħala sfog personali. Minn dan joħroġ ukoll li ħafna m’humiex isibu min iħobbhom b’mod sħiħ u huma stess qed jitilfu din l-opportunità li jħobbu lil ħaddieħor b’dan il-mod, u għalhekk qed jgħixu esperjenza umana fqira ħafna.

🌻 L-użu tal-‘condom’ ħa spinta kbira ‘l quddiem fid-dinja kollha meta nxterdet il-marda tal-AIDS. Il-Knisja mill-ewwel ikkritikat lill-gvernijiet li ħasbu li bil-propoganda għall-użu tal-condom kienu se jwaqqfu t-tixrid tal-AIDS. Il-Knisja qaltilhom li hemm bżonn edukazzjoni tal-mentalità tan-nies biex ikunu fidili fiż-żwieġ. Il-gvernijiet tad-dinja spiss ħaduha kontra l-Knisja talli hi titkellem hekk. Iż-żmien tana parir, għax il-Knisja kellha raġun. Fil-fatt bil-propoganda għall-użu tal-condom, ir-riżultat hu li ħafna iżjed nies huma issa sesswalment attivi (li qabel ma kienux) u l-użu tal-condom wara l-ewwel furja jaqa’ wkoll. Mela l-propoganda f’termini reali kattret it-tixrid tal-AIDS.

🌻 Il-Knisja tgħallem lill-insara miżżewġa biex jipprattikaw it-tnissil responsabbli tat-tfal. Għandhom jibbażaw ir-relazzjoni tagħhom fuq id-dedikazzjoni lil xulxin mhux fuq is-sess. Is-sess għandhom jipprattikawh b’responsabiltà biex jippruvaw inisslu t-tfal meta jkun sewwa li jsir dan.

L-insara kif qed jitilfu l-fidi?

45

🌻 Billi jħalli lil min ma jemminx jgħarraqlu t-twemmin (per eżempju: bi programmi qarrieqa, b’argumenti u taparsi provi kontra l-fidi, eċċ… );

🌻 Billi ma jaqblux ma’ xi tagħlim tal-Knisja, jew għax jarawh eżaġerat, jew antikwat, eċċ…;

🌻 Billi jisma’ mill-medja li tenfasizza ħafna skandli u żbalji li jagħmlu membri importanti fil-Knisja;

🌻 Billi jingħata lid-‘dinja’;

🌻 Billi jħalli d-dubji jeqirdulu t-twemmin flok bihom ifittex biex jissaħħaħ aktar;

🌻 Billi ma jipprattikax aktar is-Sagramenti u t-talb;

🌻 Bit-traskuraġni fid-doveri tiegħu bħala nisrani u membru ħaj tal-Knisja (per eżempju: meta jgħid li għandu wisq x’jagħmel);

🌻 Billi jiġġudika lill-insara u/jew lill-qassisin li juru wiċċ b’ieħor u li ma jgħixux dak li jippriedkaw;

🌻 Billi jdaħħal ir-reliġjon f’xi taqlib li jkollu mal-awtorita’;

🌻 Bil-‘peer pressure’. Meta wieħed jinġarr mill-grupp ta’ ħbiebu;

🌻 Aħseb: Jekk xi ħadd ikanta b’mod stunat kanzunetta vera sabiħa, dan ma jfissirx li għandna narmu l-kanzunetta. L-istess bil-fidi. Jekk ikun hemm min jagħti eżempju ħażin, dan ma jfissirx li l-fidi ħażina!

X’differenza hemm bejn twemmin u fidi?

43

🌻 Jingħad li wieħed jemmen meta b’moħħu jaċċetta li xi ħaġa hija vera. Per eżempju: meta wieħed jemmen li l-ħabib tiegħu mhux qed iħarref imma qed jgħid il-verita’.

🌻 Jingħad li wieħed għandu l-fidi meta jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’persuna oħra u jagħmel li tgħid hi.

🌻 Ir-reliġjon għandha t-tagħlim tal-veritajiet. Mela membru ta’ dik ir-reliġjon l-ewwel irid jemmen li qed tgħidlu l-verita’. Imma dan mhux biżżejjed biex wieħed jgħix dik ir-reliġjon. Imbagħad hemm il-fidi. Dan ifisser li wara li emmen, dak li jkun għandu jafda f’dak li tgħallem, jgħixu u jobdih.

🌻 Fil-fidi tal-insara, dawn mhux biss jafdaw f’li emmnu, imma jafdaw direttament lil Alla li jgħallem permezz ta’ dawk li jirrappreżentawh. Mela l-ewwel, il-Knisja tippreżentalna l-veritajiet fuq Alla. Dawn twemmin. Imbagħad meta wieħed li jemmen jagħmel esperjenza t’Alla u jafda ħajtu f’idejh, ikun wasal għal fidi.

Għaliex aħna bħala nsara m’għandiex niċċelebraw il-Halloween?

30

STQARRIJA TAL-KUMMISSJONI DJOĊESANA OKKULT U SATANIŻMU DWAR IL-FESTA TAL-HALLOWEEN

🌻 Il-Halloween huwa festa pagana ċċentrata fuq ir-rebħa tal-mewt fuq il-ħajja, dlam fuq id-dawl.

🌻 Din il-festa hija okkażżjoni għal dawk li jipprattikaw l-okkult, maġija, spiritiżmu jew sataniżmu biex jagħmlu ir-riti tagħhom. Peress li din hija l-festa tal-mewt, ħafna jippruvaw jikkomunikaw mal-mejtin permezz tal-ispiritiżmu tant li din il-festa ġiet magħżula bħala l-ewwel festa fis-sena tal-maġija.

🌻 Il-Kristjani ma jistgħux jissieħbu f’attivitajiet ta’ okkult u riti oħra. Ara Ktieb tad-Dewteronomju Kapitlu 18.

🌻 Dawk li jipprattikaw l-okkult jgħallmu li f’dak il-lejl, spirti w iħirsa, joħorġu mill-oqbra u jmorru fid-djar ta’ nieshom. In-nies, għaliex jibżgħu li jidhrulhom xi erwieħ, jilbsu ta’ skeletri, sħaħar u erwieħ biex ibeżżgħuhom ħalli ma jiġux iżuruhom. Iħallu wkoll xi ikel fuq l-għatba tal-bibien tagħhom biex l-erwieħ ma jisħtuhomx. Din hi r-raġuni vera għaliex it-tfal jiġu mlibbsa l-kostumi.

🌻 Id-drawwa li jonqxu wiċċ fil-qargħa ħamra hija wkoll mod kif ‘igerrxu’ l-erwieħ li jkunu se jżuruhom.

🌻 Mhix ħaġa stramba li filwaqt li l-Ewropa qed tipprova tneħħi kull tifsira reliġjuża mill-Milied (winterfest) u mill-Għid (Spring break), imma xorta qed tippromwovi ċ-ċelebrazzjoni tal-Halloween meta din għandha għeruq okkulti u pagani?

  • Onesimo Herrera Flores jgħid li: ‘min jiċċelebra l-Halloween ikun qisu qed jistieden lix-xitan fid-dar u fil-ħajja tiegħu’.
  • Anton Szander La Vey, fil-bibbja satanika pagna 96, jgħid li ‘flimkien mal-birthday, ghandu jigi ċċelebrat il-Halloween’.

🌻 Ejjew aħna bħala nsara ma nħallux min jisraqilna l-ferħ li l-Mulej ipoġġi f’qalbna meta niftakru f’dawk li ‘tqabdu t-taqbida t-tajba, temmew il-ġirja u ħarsu l-fidi’ u issa kisbu l-kuruna li l-Mulej ħejja għalihom. Nilqgħu l-istedina li jagħmlilna San Ġakbu fl-ittra tiegħu (4:7-8):

‘Mela oqogħdu għar-rieda t’Alla. Ieqfu lix-xitan u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn il-Mulej u hu jersaq lejkom. Midimbin naddfu jdejkom; nies ta’ moħħ imħawwad, saffu qlubkom”.