It-tentazzjonijiet jistgħu jiswewlna ta’ ġid?

72

🌻 It-tentazzjoni mhix dnub. Li wieħed iħoss fih il-ġibda biex jagħmel dak li hu ħażin jew biex jiskarta dak li suppost jagħmel, hija ħaġa li jħossha kulħadd anki l-akbar qaddisin. Li jgħodd mhux dak li nħossu jew jiġi waħda f’moħħna jew fil-fantasija tagħna, imma dak li rridu. Sakemm it-tentazzjoni ma naċċettawhiex għax irridu, ma nistgħux ngħidu li nkunu għamilna xi dnub.

🌻 Nistgħu nqabblu t-tentazzjoni:

  • Ma’ test li wieħed ikollu joqgħod għalih.
  • Dan la jkun għalina ta’ deni u lanqas ta’ ġid.
  • Isir ta’ deni jekk neħlu fih; imma jekk ngħaddu minnu jkun jiswielna ta’ ġid.

🌻 Iva, it-tentazzjonijiet jistgħu wkoll iservuna ta’ ġid minħabba li aħna nitgħallmu mill-iżbalji tagħna stess:

  • Eżempju: sirna nafu li l-fjamma tan-nar taħraq wara li ħraqna jdejna l-ewwel darba.
  • Jekk wieħed ma jiltaqax mat-tfixkil ma jkunux jista’ jgħid kemm għandu karattru sod.
  • Il-qaddisin saru qaddisin mhux għax ma kellhomx tentazzjonijiet, iżda għax għarfu jegħlbuhom.

🌻 Min jegħleb it-tentazzjoni:

  • jissaħħaħ fil-fidi u fil-karattru
  • joqgħod attent u jfittex li jissaħħaħ fit-tagħlim u fl-imġieba
  • jikber fl-imħabba lejn Alla
  • ikattar it-teżori tiegħu fis-sema
  • jagħmel pass lejn il-Ġenna

🌻 Min jaqa’ fit-tentazzjoni:

  • jagħmel pass lejn it-telfien ta’ dejjem – l-Infern.

L-istorja ta’ Adam u Eva gidba? Jekk hi gidba u allura l-Bibbja tibda b’din il-gidba, nistgħu nikkonkludu li l-Bibbja kollha mhux valida għax fiha l-gideb?

16

🌻 Alla nqeda b’din l-istorja (li jekk seħħitx eżatt jew le mhux importanti) biex jgħaddilna MESSAĠĠ SPIRITWALI.

🌻 Ix-xjenza m’għandhiex il-monopolju tal-verita’ u lanqas m’għandha l-istrumenti biex tqis veritajiet mhux materjali.

🌻 Mela x-xjenza għandha settur tal-verita’ taħt l-osservazzjoni tagħha, u r-reliġjon għandha settur ieħor, li hu spiritwali u li għandu x’jaqsam mas-sens u l-valur ta’ kollox.

🌻 Għaldaqstant, fil-Bibbja m’għandniex nippretendu li se nsibu analiżi xjentifika jew deskrizzjonijiet xjentifiċi tal-affarijiet, bħal per eżempju kif seħħ fiżikament il-ħolqien tad-dinja jew tal-ħajja.

🌻 Fil-Bibbja għandna biss infittxu l-verita’ spritwali/reliġjuża li twieġeb għall-mistoqsijiet:

  • Min hu Alla?
  • Min hu l-bniedem?
  • X’inhu s-sewwa?
  • X’inhu l-ħażin?
  • U mistoqsijiet oħra bħal dawn.

🌻 M’għandniex nikkritikaw lill-Bibbja billi ngħidu li x-xjenza issa tatna risposti aħjar mir-reliġjon u li għalhekk lill-Bibbja nistgħu niskartawha, għax il-Bibbja qatt ma ppretendiet tagħti risposti xjentifiċi u riedet biss tfissrilna dak li ried jgħidilna Alla.

🌻 Min-naħa l-oħra, fuq x’ried jgħidilna Alla fil-Bibbja, ix-xjenza ma tista’ tgħid xejn għax hi kwistjoni ta’ fidi.