Insibu żewġ rakkonti fil-ħolqien li hemm fil-Ġenesi. Dawn l-espressjonijiet x’jgħidu fuq il-valur tal-ħajja tal-bniedem?

48

🌻 Fl-Ewwel Rakkont: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, … U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġenesi 1: 26-27)

🌻 Fit-Tieni Rakkont: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7)

🌻 Dawn l-espressjonijiet li nsibu fir-rakkonti tal-ħolqien juruna li skont Alla, il-bniedem għandu l-għola valur fost il-ħlejjaq kollha u r-rejaltajiet kollha li hawn fid-dinja. Il-bniedem biss huwa xbiha t’Alla. Hu biss ruħ li l-valur tagħha ma jistax jitqies bi flus jew oġġetti oħra.

🌻 Fid-dinja llum spiss insibu l-mentalità li l-ekonomija jew il-poter politiku huma aktar prezzjuzi u stmati min-nies, mill-ħajja umana. Il-Knisja Kattolika dejjem tinsisti li l-ħajja tal-bniedem hija dejjem l-ewwel u qabel kollox u għandha titqies b’dan il-mod.

X’inhi l-waqa’ u d-Dnub oriġinali?

33

🌻 Id-dnub tal-ewwel bniedem (jew kif insibuhom fil-Ġenesi, Adam u Eva) kien li qalu “le” lil Alla billi emmnu t-tentazzjoni tax-xitan li Alla mhux ta’ min jafdah u li ħeba xi ħaġa minnhom.

🌻 Mela l-waqa’ hi mill-Verita’ għal Gidba.

🌻 Inbidlet l-idea korretta ta’ min hu Alla, jiġifieri li għandu proġett dejjem favur il-bniedem u li jrid lill-bniedem jobdi għall-ġid kbir tiegħu stess u saret gibda: jiġifieri li Alla moħħu fih innifsu, jikkmanda bi prepotenza u bla sens. Inbidlet mela r-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem minn waħda ta’ mħabba u fiduċja bħal tat-tfal għal waħda fejn il-bniedem jipprova jisraq, jagħmel lilu nnifsu alla bl-isforzi tiegħu stess u jinsa li hemm Alla.

🌻 L-espressjoni ‘dnub oriġinali’ tfisser li l-bnedmin kollha jitwieldu jħarsu lejn il-ħajja b’dan il-mod giddieb u li bis-suppervja kollha kemm aħna nitwielu u rridu nagħmlu lilna nnifisna alla ieħor.

🌻 Il-bnedmin kollha, minbarra Marija u Ġesu’, jitwieldu bid-dnub tan-nisel.

🌻 Dan id-dnub hu l-għerq li minnu u fuqu ssokta jikber u jixtered il-ħażen fid-dinja. Bħal valanga li tiġbor magħha s-silġ, hekk ukoll id-dnub oriġinali jitgerbeb tul l-istorja kollha tal-bniedem u jiġbor fih il-ħażen kollu u jinvolvi ġewwa fih lil kull bniedem li jitwieled.

🌻 Dan hu l-mostru qerriedi ta’ “d-dnub tad-dinja”.

🌻 Dan id-dnub laħaq l-akbar fond tiegħu meta qatel lill-Qaddis Innoċenti (Ġesu’ l-Iben t’Alla).

🌻 Il-bnedmin kollha jitwieldu f’Adam, jiġifieri involuti fid-dnub tan-nisel. Bil-magħmudija l-bniedem jerġa jitwieled – fi Kristu.