It-tentazzjonijiet jistgħu jiswewlna ta’ ġid?

72

🌻 It-tentazzjoni mhix dnub. Li wieħed iħoss fih il-ġibda biex jagħmel dak li hu ħażin jew biex jiskarta dak li suppost jagħmel, hija ħaġa li jħossha kulħadd anki l-akbar qaddisin. Li jgħodd mhux dak li nħossu jew jiġi waħda f’moħħna jew fil-fantasija tagħna, imma dak li rridu. Sakemm it-tentazzjoni ma naċċettawhiex għax irridu, ma nistgħux ngħidu li nkunu għamilna xi dnub.

🌻 Nistgħu nqabblu t-tentazzjoni:

  • Ma’ test li wieħed ikollu joqgħod għalih.
  • Dan la jkun għalina ta’ deni u lanqas ta’ ġid.
  • Isir ta’ deni jekk neħlu fih; imma jekk ngħaddu minnu jkun jiswielna ta’ ġid.

🌻 Iva, it-tentazzjonijiet jistgħu wkoll iservuna ta’ ġid minħabba li aħna nitgħallmu mill-iżbalji tagħna stess:

  • Eżempju: sirna nafu li l-fjamma tan-nar taħraq wara li ħraqna jdejna l-ewwel darba.
  • Jekk wieħed ma jiltaqax mat-tfixkil ma jkunux jista’ jgħid kemm għandu karattru sod.
  • Il-qaddisin saru qaddisin mhux għax ma kellhomx tentazzjonijiet, iżda għax għarfu jegħlbuhom.

🌻 Min jegħleb it-tentazzjoni:

  • jissaħħaħ fil-fidi u fil-karattru
  • joqgħod attent u jfittex li jissaħħaħ fit-tagħlim u fl-imġieba
  • jikber fl-imħabba lejn Alla
  • ikattar it-teżori tiegħu fis-sema
  • jagħmel pass lejn il-Ġenna

🌻 Min jaqa’ fit-tentazzjoni:

  • jagħmel pass lejn it-telfien ta’ dejjem – l-Infern.

Nisrani kif għandu jieħu sehem fil-Quddiesa u għaliex il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba?

70

🌻 In-nisrani:

  • Għandu jmur il-Quddiesa għax jixtieq jobdi u jħobb lil Ġesu’ u lill-Knisja tiegħu.
  • Għandu jindem minn dnubietu biex jagħmel tqarbina tajba.
  • Għandu jagħmel ħiltu biex jixrob il-Kelma.
  • Għandu tassew jitlob bil-qalb fil-waqtiet li jsir dan.
  • Għandu jitqarben bl-akbar fidi, tama u mħabba li hemm fih.
  • Għandu jrodd ħajr lil Alla.

🌻 Il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba għaliex fi Ġwanni 4, insibu li Ġesu qal li l-Missier Alla jfittex lil dawk li jadurawh fl-Ispirtu u l-Verita’. Din hi l-adorazzjoni unika li jrid u jistenna l-Missier. Ġesu’ qalilna li hu din il-Verita u Hu biss jista’ jagħtina l-Ispirtu. Dan iseħħ bil-mod l-aktar qawwi fil-Quddiesa u bit-Tqarbin. Mela t-talba li l-aktar togħġob lil Alla l-Missier hi l-offerta ta’ Ġesu’ ssagrifikat għalina u mogħti lil Missier. Aħna nidħlu bis-sħiħ f’din l-offerta tal-Iben lill-Missier bit-talb u t-tqarbin u mbagħad billi ngħixu din l-offerta tul ħajjitna.

X’għandi nagħmel fil-prattika biex ngħix dejjem fil-Ferħ Spiritwali?

68

🌻 Fil-Prattika għandi:

  • Nidħol fil-preżenza t’Alla bil-fidi.
  • Il-fidi hi ftuħ – ftuħ tal-qalb tagħna quddiem Alla.
  • Dan il-ftuħ iwassalna biex nagħmlu ‘esperjenza ħajja’ ta’ Ġesu’ ‘ħaj’ f’ħajjitna.

🌻 Biex nagħraf il-veritajiet tal-fidi, irrid l-ewwel nagħmel att ta’ fiduċja f’Alla u nemmen f’MIN bagħat – IBNU L-GĦAŻIŻ. Jekk nemmen li Ġesu’ jħobbni u ġie biex isalvani, allura:

  1. ser nafdaH,
  2. ser nieħu pjaċir niltaqa’ miegħU fit-talb,
  3. se nfittxU sa ma nsibU,
  4. sa ma nisma’ lehnU,
  5. sa ma nħalliH imexxili ħajti
  6. sa ma jwassalni għall-Glorja tal-Ġenna.

X’tip ta’ żbalji għandha l-Bibbja?

58

🌻 Alla ma ddettax il-Bibbja. Alla nebbaħ u ħalla f’idejn l-awturi umani biex jifformulaw fil-kliem u l-kitba l-messaġġ tiegħU. Dawn uzaw il-mezzi kulturali, ta’ intelligenza u informazzjoni li kellhom biex jesprimu l-messaġġ ta’ Alla.

🌻 Mela peress li l-awturi umani ġieli kellhom xi ideat żbaljati fuq numri, ismijiet ta’ postijiet, ideat fuq id-dinja u l-univers, eċċ, insibu minnhom fil-kitbiet taghhom.

🌻 B’daqshekk ma jfissirx li l-Bibbja żbaljata u falza għax li jgħodd huwa l-messaġġ spiritwali, u dan ma jiġix affettwat minn dettalji żbaljati bħal ma semmejna.

🌻 Iva, il-Bibbja għandha żbalji dwar fatti (per eżempju, dati, ismijiet, dettalji fuq postijiet) li mhux meħtieġa għar-rabta tagħna m’Alla.

🌻 Il-messaġġ spiritwali, jiġifieri dak li ried jagħtina Alla, huwa ċert u mingħajr żbalji – huwa l-verita’ għas-salvazzjoni tagħna.

🌻 Il-Fidi hi rigal li jagħtina Alla. Aħna nistgħu nieħdu ħsiebha u nkabbruha u/jew nistgħu nitraskurawha u nitilfuha. Biha aħna nagħmlu ‘esperjenza’ ħajja tieghU meta nemmnu fiH, nafdawH u nfittxuH fit-talb.

🌻 Il-kitbiet nstabu u ġew miżmuma minn ġenerazzjoni għall-oħra. Minn dejjem ġew meqjusa bħala Kotba Sagri.

🌻 Ma setgħatx tkun leġġenda għax il-Kelma t’Alla għada u tibqa’ tapplika għal kull żmien u ġġib bidla ta’ vera f’dawk li jimxu fid-dawl tagħha.

🌻 Prova ta’ dan huma l-qaddisin anki fi żminijietna – li kieku din kienet leġġenda, ma kienx ikollha l-ebda effett fuq il-ħajja tal-bniedem.

L-insara kif qed jitilfu l-fidi?

45

🌻 Billi jħalli lil min ma jemminx jgħarraqlu t-twemmin (per eżempju: bi programmi qarrieqa, b’argumenti u taparsi provi kontra l-fidi, eċċ… );

🌻 Billi ma jaqblux ma’ xi tagħlim tal-Knisja, jew għax jarawh eżaġerat, jew antikwat, eċċ…;

🌻 Billi jisma’ mill-medja li tenfasizza ħafna skandli u żbalji li jagħmlu membri importanti fil-Knisja;

🌻 Billi jingħata lid-‘dinja’;

🌻 Billi jħalli d-dubji jeqirdulu t-twemmin flok bihom ifittex biex jissaħħaħ aktar;

🌻 Billi ma jipprattikax aktar is-Sagramenti u t-talb;

🌻 Bit-traskuraġni fid-doveri tiegħu bħala nisrani u membru ħaj tal-Knisja (per eżempju: meta jgħid li għandu wisq x’jagħmel);

🌻 Billi jiġġudika lill-insara u/jew lill-qassisin li juru wiċċ b’ieħor u li ma jgħixux dak li jippriedkaw;

🌻 Billi jdaħħal ir-reliġjon f’xi taqlib li jkollu mal-awtorita’;

🌻 Bil-‘peer pressure’. Meta wieħed jinġarr mill-grupp ta’ ħbiebu;

🌻 Aħseb: Jekk xi ħadd ikanta b’mod stunat kanzunetta vera sabiħa, dan ma jfissirx li għandna narmu l-kanzunetta. L-istess bil-fidi. Jekk ikun hemm min jagħti eżempju ħażin, dan ma jfissirx li l-fidi ħażina!

Il-fidi hija ħaġa privata?

44

🌻 Il-fidi hi ħaġa personali iżda ma ngħixuhiex weħedna (privatament). Ngħixuha f’komunita’ m’oħrajn li jemmnu. Il-fidi waslet s’għandna għax oħrajn għexuha qabilna u għaddewhielna. Li kienet xi ħaġa privata, Ġesu’ ma kienx iwaqqaf Knisja u Poplu t’Alla u li kieku f’qasir żmien wara Ġesu’, kollox kien jispiċċa fix-xejn.

🌻 Ladarba l-fidi mhix xi ħaġa privata imma personali, wieħed għandu:

  • jgħixha b’mod ġenwin f’qalbu,
  • jgħixha wkoll b’mod ġenwin mal-komunita’ tal-Knisja,
  • u jgħaddiha lill-oħrajn u lil ta’ warajh.

🌻 Xi drabi persuna li tkunu ġiet imrobbija bħala membru tal-Knisja, taħseb biex titlaqha u tkun trid tgħix l-fidi tagħha weħedha. Din tkun iddejjqet mill-Knisja u taħseb li aħjar tgħix il-fidi waħedha. Fil-fatt din tkun abbandunat il-Poplu t’Alla, daħlet fil-fidi privata u marret kontra x-xewqa ta’ Kristu li jkollu lid-dixxipli kollha tiegħu magħqudin fil-Poplu l-Ġdid t’Alla. Kif tista’ din tippretendi li se ssegwi lil Kristu u tmur kontra x-xewqa ta’ Kristu?

X’differenza hemm bejn twemmin u fidi?

43

🌻 Jingħad li wieħed jemmen meta b’moħħu jaċċetta li xi ħaġa hija vera. Per eżempju: meta wieħed jemmen li l-ħabib tiegħu mhux qed iħarref imma qed jgħid il-verita’.

🌻 Jingħad li wieħed għandu l-fidi meta jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’persuna oħra u jagħmel li tgħid hi.

🌻 Ir-reliġjon għandha t-tagħlim tal-veritajiet. Mela membru ta’ dik ir-reliġjon l-ewwel irid jemmen li qed tgħidlu l-verita’. Imma dan mhux biżżejjed biex wieħed jgħix dik ir-reliġjon. Imbagħad hemm il-fidi. Dan ifisser li wara li emmen, dak li jkun għandu jafda f’dak li tgħallem, jgħixu u jobdih.

🌻 Fil-fidi tal-insara, dawn mhux biss jafdaw f’li emmnu, imma jafdaw direttament lil Alla li jgħallem permezz ta’ dawk li jirrappreżentawh. Mela l-ewwel, il-Knisja tippreżentalna l-veritajiet fuq Alla. Dawn twemmin. Imbagħad meta wieħed li jemmen jagħmel esperjenza t’Alla u jafda ħajtu f’idejh, ikun wasal għal fidi.

Biex temmen hemm bżonn li tirraġuna fuq l-affarijiet jew trid taċċetta kollox b’mod għami bla ma tistaqsi xejn?

42

🌻 Aħna rridu noqogħdu attenti li nemmnu l-verita’ u mhux xi taħwid, żbalji jew gideb. Mela hemm bżonn nirraġunaw qabel ma nemmnu. Hemm bżonn naraw l-evidenza ta’ l-affarijiet biex naraw hux ta’ min wieħed jemminhom jew le. Jekk ma jkollhomx evidenza biżżejjed, allura m’għandniex nemmnuhom, iżda jekk hemm evidenza biżżejjed għandna naċċettaw u nemmnu.

🌻 Jekk fuq xi ħaġa hemm biżżejjed evidenza li hija vera imma persuna twebbes rasha u tibqa’ ma tridx taċċetta, allura din il-persuna tkun ħatja li mhix raġonevoli.

🌻 Ladarba rajna li hemm biżżejjed evidenza li jeżisti Ħallieq, allura għandna nemmnu f’Alla.

  • Huwa żbaljat min jaħseb li biex temmen ma trid tistaqsi xejn u kemm taqbad u taċċetta kollox. (Meta San Tumas qal li biex jemmen irid l-evidenza kien qed jagħmel sewwa. Ġesu’ ma ċanfrux, anzi tah l-evidenza. Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza mbagħad qallu biex jemmen. Mela aħna għandna nagħmlu l-istess. Imma mbagħad Ġesu’ qal li ħenjin dawk li jemmnu bla ma jaraw. Mela aħna ma nistgħux nistennew li Ġesu’ joqgħod jidhrilna biex nemmnu. Għandna nemmnu fuq il-bażi ta’ l-evidenza u mhux nippretendu li Ġesu’ se joqgħod jagħmel affarijiet biex iġegħlna nemmnu).
  • Jekk hemm xi ħadd li minnu ġej kollox u li kollox qiegħed iżomm fih, jeħtiġilna naraw kif nibnu l-aħjar rabta miegħu.

Kif inkun ċert li qiegħed fil-preżenza t’Alla fit-talb? Għandi nara’ xi sinjal jew inħoss xi ħaġa? Jekk ma nara u nħoss xejn, jiġifieri Alla mhux preżenti, jew forsi li jien għandi nieqaf nitlob għax qed nitlob ħażin?

13

🌻 Li wieħed jara jew iħoss mhux importanti. Il-ħass jista’ jkun ‘ħass ħażin’!! L-importanti b’liema attitudni qed nidħol fit-talb. Jekk ix-xewqa tiegħi hi li Alla jibdilni għall-aħjar, kif u meta jrid Hu, allura fil-mumenti tat-talb, tassew jiġri dan anki meta wieħed ma jintebaħx.

🌻 Eżempju: Ġieli fis-Sajf, meta tkun ħdejn il-baħar, ix-xemx tkun mgħottija bis-sħab u mhux talli ma tidhirx, imma ukoll ma tħossx ir-raġġi qawwijin tagħha fuqek. Minkejja dan, meta tmur id-dar u tħares fil-mera, ġeneralment tinduna li tkun ħaditek xorta waħda bla ma int indunajt! Hekk jiġri minn min jidħol fil-preżenza t’Alla fit-talb b’xewqa sinċiera u b’fidi fiH.

 

Għaliex Ġesu’ ma ġiex fid-dinja fi żminijietna? Kien ikun aktar faċli li nemmnu fiH! Dawk in-nies ta’ żmien Ġesu’ aħjar minna għax rawH u setgħu jmissuH?

15

🌻 Għall-kuntrarju, aħna li rċevejna l-Ispirtu s-Santu li Ġesu’ wegħedna li ser jibgħattilna, għandna aktar għarfien dwar Ġesu’ minn nies li għexu meta kienu fid-dinja. Infatti, dawn ma kienux għadhom irċevew l-Ispirtu s-Santu li xogħolu hu li:

  • jfakkarna t-tagħlim ta’ Ġesu’
  • ikabbar fina l-fidi
  • u jgħinna nfasslu ħajjitna bil-mod kif iridna Ġesu’.

🌻 Prova ta’ dan, għandna kliem Ġesu’ stess meta, qabel ma kien ser jinfired mid-dixxipli qallilhom: 

  • “…ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, l-Ispirtu s-Santu ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom” (Ġwanni 16: 7)

u aktar:

  • “L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” (Ġwanni 14: 26) 

🌻 Mela Alla uża l-Persuna ta’ Ġesu’ biex iwasslilna l-Kelma tiegħu. Fil-preżent, ma biddilx il-mod ta’ kif iwasslilna l-Kelma tiegħU. Hu għadu u jibqa’ jinqeda b’persuni,

  • bil-Papa,
  • bl-Isqfijiet u s-Saċerdoti magħqudin miegħu
  • u b’kull min hu ta’ xhieda vera għaliH, anki lilna wkoll.

🌻 Għandna wkoll is-Sagrament tal-Ewkaristija (il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ġesù nnifsu) li nistgħu naraw, immissu u nirċievu ġewwa fina.

🌻 Niftakru wkoll fil-kliem li qal Tumas qabel ma ra lil Ġesu’ mqajjem mill-mewt: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx” (Ġwanni 20: 25). U ma ninsewx x’qalu Ġesu’ meta deher: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġwanni 20: 29).