Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 10: 17-30

L-Evanġelju skont San Mark 10: 17-30
[Mk:10:17] F’dak iż-żmien, Ġesu kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”
[Mk:10:18] “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù,”ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss.
[Mk:10:19] Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ‘l ommok.”
[Mk:10:20] U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.”
[Mk:10:21] Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja.”
[Mk:10:22] Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
[Mk:10:23] Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!
[Mk:10:24] Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla!
[Mk:10:25] Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!”
[Mk:10:26] Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”
[Mk:10:27] Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.”
[Mk:10:28] Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.”
[Mk:10:29] Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom,
[Mk:10:30] ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’jagħti t-tama u s-sodisfazzjon lix-xewqa tagħna għall-kuntentizza u s-sigurta’?
Iż-żagħżugħ tal-Vanġelu tal-lum, minkejja li kien jobdi l-Kmandamenti, kellu qalbu mimlija bis-sigurta’ u l-kuntentizza li ħaseb li l-ġid li kellu se jagħtih. Minkejja dan, interessanti li wieħed jinnota li wara li Ġesu’ wrieh x’kellu f’qalbu, iż-żagħżugħ telaq minn ħdejn Ġesu’ mdejjaq minflok ferħan. Għaliex? X’ried ifisser Ġesu’ meta qallu ‘Ikollok teżor fis-sema?’
X’tip ta’ teżor kellu dan il-ġuvni?
It-teżor tal-ħajja tagħna għandu konnessjoni speċjali mal-qalb – il-post fejn il-bniedem jixtieq u jixxennaq għal xi ħaġa, il-post tar-rieda u tal-iskopijiet tagħna. Infatti Ġesu’ f’okkażjoni oħra qal: ‘ Fejn hemm it-teżor tiegħek hemm hi wkoll qalbek.’ Dan il-ġuvni poġġa qalbu f’dak li ma kienx se jagħtih it-teżor dejjiemi li offrielu Ġesu’.
Ġesu’ nnifsu hu l-akbar teżor li jista’ jkollna. Li nerħu kollox biex ikollna lilu bħala t-teżor tagħna mhijiex xi ħaġa ta’ swied il-qalb, anzi dan jirriżulta f’ferħ kbir. Li tbiegħ dak li għandek jista’ jfisser ħafna affarijiet differenti: il-ħbieb, l-impieg, l-istil ta’ ħajja li tgħix, x’tagħmel bil-ħin liberu tiegħek.
Kull min kien ġeneruż m’Alla jew mal-oħrajn dejjem skopra li qatt ma’ seta’ jaqbeż lil Alla fil-ġenerożita’ tiegħu lejna. Alla l-istess ġenerożita’ li jagħtina l-ġid spiritwali li jisboq bil-bosta dak materjali u li jimliena b’ferħ li ħadd ma jista’ jisraqulna. Hu biss jista’ jissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qalb tagħna. Hu għamilna għalih.
Inti lest li titlaq dak li jista’ qiegħed iżommok milli tfittex il-ferħ veru f’Ġesu’?
Ħsieb għal Qalbek…
Ġesu’ kien propju kontra li jkollok il-ġid materjali? U għaliex jidher li fil-punt li jqajjem illum donnu għandu twissija qawwija kontra min hu sinjur u anke kontra dawk li jixtiequ li jkunu sinjuri?
Nafu li Ġesu’ ma kienx kontra l-għana fih innifsu u lanqas kien kontra min kien sinjur. Kellu bosta ħbieb li kienu sinjuri, inkluż dawk li kienu jiġbru t-taxxi. Wieħed minnhom sar anke appostlu. Ġesu’ kien qed jalludi għall-għerf tat-Testment il-qadim li nsibu fil-ktieb tal-Proverbji kapitlu 28 vers 6. ‘Aħjar il-fqir li jgħix bla ħtija mill-għani li jimxi fit-tgħawwiġ.’
L-istess tip ta’ għerf insibuh fis-Salmi. Ġesu’ jidher li qed jgħid li hu kważi impossibli għas-sinjuri li jgħixu bħala ċittadini tas-Saltna t’Alla. Il-ġemel kien ikkunsidrat bħala l-akbar annimal fil-Palestina. L-għajn tal-labra setgħet tiġi interpretata letterlament jew setgħet b’mod figurattiv tiddeskrievi passaġġ dejjaq fil-ħitan tal-belt li kien użat mill-vjaġġaturi meta l-passaġġ il-kbir li kien hemm għall-pubbliku kien jiġi msakkar meta jidlam.
Għaliex Ġesu’ ried jagħmel tant enfasi fuq il-periklu ta’ min jgħix fil-għana?
Dan il-ġid jista’ jagħmilna niddependu fuqu b’mod żbaljat. Il-għana jista’ wkoll iwassalna għal xewqat ħżiena u egoistiċi. Ġesu’ fuq dan il-punt jagħtina l-parabbola tal-għani u ħutu li kienu sinjuri. Is-sinjur li għax ma qdiex lil Alla, u għax kien xħiħ u ma qasamx ġidu mal-fqir Lażżru, spiċċa fl-infern. Din insibuha fl-Evanġelju ta’ San Luqa kapitlu 16 vers 19.
Ġesu’ joffrilna Teżor li ma jista’ jiġi kkumparat mal-ebda ħaġa ta’ din id-dinja u li la l-flus ma jistgħu jixtru u lanqas il-ħallelin ma jistgħu jisirqu. Qalbna mistiedna tintrabat ma’ dan l-aqwa Teżor. Il-ġid materjali jista’ jxekkilna f’din id-dinja dement li ma npoġġux l-għassa fuq qlubna u norbtu qalbna biss mat-Teżor veru li hu Alla u s-Saltna tiegħu.
U int fejn qed tpoġġi t-teżor tiegħek?
Fejn tinsab qalbek?
Itlob …
Mulej, int sraqtilna qalbna u ftaħtilna t-teżori tas-sema: kun int biss Mulej it-Teżor u l-għaxqa tiegħi u tħalli xejn xi jżommni milli nagħtik kollox, kulma għandi u kulma jien, kif fuq kollox għamilt int stess miegħi li sirt fqir għalija biex jien insir sinjur bil-għana tiegħek. Ammen.