X’nifhmu meta ngħidu li l-qawmien ta’ Ġesu’ fetħilna l-bieb tal-Ġenna u l-Bibbja kif tfisser il-Ġenna u l-Infern?

2

🌻 Ġesu’ nnifsu hu s-Saltna t’Alla u l-Ġenna. Min iqum mill-mewt iqum fiH. Mela Ġesu’ hu t-Triq, il-Bieb (id-dejjaq) u l-Post fejn noqogħdu (Ġenna). Dan insibuh fi kliemu stess meta qal, per eżempju:

  • “Jien Hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.” (Ġwanni 14:6)
  • “Jien il-bieb tan-ngħaġ.” (Ġwanni 10:7)
  • “Sejjer inħejjilkom post fejn toqogħdu u meta mmur nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.” (Ġwanni 14:3)

🌻 Fit-Tieni Rakkont tal-ħolqien rajna kif ħajja sħiħa tfisser li l-erba’ relazzjonijiet fundamentali tal-bniedem ikunu sħaħ:

  • miegħu nnifsu,
  • ma’ Alla,
  • mal-oħrajn u
  • man-natura.

🌻 L-istat tal-Ġenna hu dawn l-erba’ relazzjonijiet mgħixa b’mod sħiħ, jiġifieri li fih innifsu min hu l-Ġenna:

  • jesperjenza ferħ perfett (Beatitudini),
  • isir parti minn Alla,
  • jagħraf u jħobb lill-oħrajn kollha bl-istess imħabba perfetta ta’ Alla u
  • għad jirċievi ġisem glorjuż f’ħolqien ġdid.

🌻 L-istat tal-Infern hu l-maqlub. Fih innifsu jesperjenza:

  • taħwid,
  • qsim,
  • kaos u
  • dwejjaq jaħarqu,
  • minn Alla jesperjenza firda sħiħa u kundanna,
  • mal-mitlufa l-oħra jesperjenza mibegħda totali u iżolament u
  • n-natura jesperjenzaha bħala nar (jew dud).

X’għandna nagħmlu aħna u minn fejn se nsibu l-qawwa li tgħinna nkunu tassew liberi u negħlbu t-tfixkil?

Presentation1

🌻 Jekk fil-ħajja tagħna jkollna bosta tentazzjonijiet, ma rridux naqtgħu qalbna. Jeħtieġ li nħarsu lejn Ġesù. Hu wkoll ġie ttentat, mhux darba u tnejn! Imma Ġesù kien kapaċi jegħleb dan it- tfixkil, u aħna rridu nagħmlu bħalu. Irridu nżommu lil Ġesu’ bħala l-mudell ta’ kif nirbħu t-tfixkil.

🌻 Fit-tentazzjonijiet li kellu, Ġesù jidher bħala l-bniedem ħieles li jegħleb kull tfixkil. Aktar ma nkunu nixbħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna, aktar ikollna l-qawwa li nkunu nixbħuh ukoll waqt il-ħin tat-tentazzjoni. Bis-saħħa ta’ Ġesu’ u l-Ispirtu tiegħu, ma hemm l-ebda tentazzjoni, kbira kemm hi kbira, li ma nistgħux negħlbuha.

X’għandu jagħmel kull nisrani u l-Knisja kif tidħol fir-rigward tal-kuxjenza?

65

🌻 Min hu nisrani ma jistax jgħid ili qed jibni l-kuxjenza tiegħu u fl-istess waqt iwarrab dak li qal u għallem Ġesu’.

🌻 Il-bniedem jista’ jagħti ‘opinjoni’ imma, l-kuxjenza mhix opinjoni ta’ individwu/i!

🌻 La l-kuxjenza hi t-tweġiba tagħna għal dak li qalilna Alla permezz ta’ Ġesu’, għandha tkun ibbażata biss fuq l-istess tagħlim ta’ Ġesu’.

🌻 Fir-rigward tal-kuxjenza, il-Knisja tidħol għaliex kienet hi li fil-bidu qaltilna li l-Kelma t’Alla hi dik li hi.

🌻 Kienet il-Knisja (jiġifieri l-komunita’ nisranija), li wara proċess twil, li għandu kriterji fissi, waslet biex b’dixxerniment u bl-għajnuna t’Alla tagħżel liema huma l-kotba ispirati u l-kotba li m’humiex fil-Bibbja.

🌻 Il-proċess biex għarfet li għandha żżomm is-72 Ktieb tal-Bibbja li nafu bihom illum, ħa ħafna żmien.

🌻 Għalhekk, ma nistgħux nifhmu l-Iskrittura b’mod ieħor ħlief bil-mod kif tgħallimna dwarha l-Knisja għax kienet l-istess Knisja li għarfet dak li hu ġej minn Alla u dak li mhux ġej minn Alla.

Għaliex ‘il-kuxjenza’ hija tema importanti għalina l-insara? Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, għaliex dejjem tkellimna fuqu?

64

🌻 La aħna l-insara nemmnu fl-eżistenza t’Alla u li Hu ħalaq lilna l-bnedmin, il-bniedem ma jgħix ħajtu maqtugħ mir-relazzjoni tiegħu m’Alla.

🌻 Alla ma ħalaqx id-dinja u umbagħad telaqha!

🌻 Alla nnifsu kkomunika mal-bniedem, b’mod speċjali permezz ta’ Ibnu Ġesu’.

🌻 Alla uriena x’inhi r-Rieda tiegħu għall-bniedem, li Hu għandu pjan għall-istess bniedem u l-ambjent li fih jgħix.

🌻 Alla għabba lill-bniedem bir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb ta’ dak li fdalu bil-mod kif urieh Hu, permezz ta’ Kristu.

🌻 Il-kuxjenza hi r-risposta tal-bniedem lejn Alla, wara li ingħata t-taghlim li kellu bżonn mingħand Kristu u mingħand il-Knisja li waqqaf Kristu.

X’nifhmu bil-kelma ‘kuxjenza’ u x’tgħallem il-Knisja dwarha?

61

🌻 Kull bniedem jagħraf li hemm liġi ġewwa fih.

🌻 Din tagħmlu konxju li hemm it-tajjeb u l-ħażin.

🌻 Il-kuxjenza tigbed lill-bniedem biex jagħmel it-tajjeb u tippremjah meta jagħmlu.

🌻 Minn naħa l-oħra, din l-istess kuxjenza tagħtih ir-rimors meta jagħżel il-ħażin.

🌻 Din il-ligi tissejjah ‘kuxjenza’.

🌻 Il-Knisja tgħallem li l-kuxjenza hi propju attività ta’ Alla fil-qalb ta’ kull bniedem.

🌻 B’dan il-mod, Alla jikkmanda lil kull bniedem.

🌻 Il-bniedem, bil-libertà tiegħu, jagħżel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-ħarsien tas-Saħħa tal-bniedem?

56

🌻 L-individwu għandu responsabiltà lejn saħħtu u saħħet l-oħrajn. Għalhekk:

  • għandu jirrikreja ruħu b’mod xieraq (per eżempju sport),
  • m’għandux isuq b’mod ta’ periklu għalih innifsu jew l-oħrajn,
  • m’għandux ipejjep jew jisker jew juża drogi,
  • għandu jieħu ħsieb tas-saħħa bl-għażla għaqlija tal-ikel li jiekol
  • u bla ma jiffissa għandu jara li dak kollu li jagħmel u jikkawża fl-ambjenti fejn ikun għandu jġib ‘l quddiem il-ħajja u s-saħħa tiegħu u tal-oħrajn u jevita l-mard, il-ħmieġ, il-kruha, il-vandaliżmu, l-istorbju, il-ħela.

🌻 Huwa nuqqas u dnub meta ma nagħmlux dmirijietna. Huwa dmir tagħna li nieħdu ħsieb ta’ ġisimna u ta’ saħħet ħaddieħor. Għalhekk huwa ħażin li nużaw ġisimna biex nieħdu sensazzjonijiet bħal f’ċerti passatempi perikolużi jew bix-xorb jew sustanzi oħra. Il-ġisem mhux hemm għall-frugħa iżda biex bih inqimu ‘l Alla.

Insibu żewġ rakkonti fil-ħolqien li hemm fil-Ġenesi. Dawn l-espressjonijiet x’jgħidu fuq il-valur tal-ħajja tal-bniedem?

48

🌻 Fl-Ewwel Rakkont: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, … U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġenesi 1: 26-27)

🌻 Fit-Tieni Rakkont: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7)

🌻 Dawn l-espressjonijiet li nsibu fir-rakkonti tal-ħolqien juruna li skont Alla, il-bniedem għandu l-għola valur fost il-ħlejjaq kollha u r-rejaltajiet kollha li hawn fid-dinja. Il-bniedem biss huwa xbiha t’Alla. Hu biss ruħ li l-valur tagħha ma jistax jitqies bi flus jew oġġetti oħra.

🌻 Fid-dinja llum spiss insibu l-mentalità li l-ekonomija jew il-poter politiku huma aktar prezzjuzi u stmati min-nies, mill-ħajja umana. Il-Knisja Kattolika dejjem tinsisti li l-ħajja tal-bniedem hija dejjem l-ewwel u qabel kollox u għandha titqies b’dan il-mod.

Għaliex hu żbaljat in-New Age?

47

🌻 L-idea l-aktar bażika, u żbaljata tan-New Age hi li l-bniedem kapaċi jsalva lilu nnifsu.

🌻 Idea oħra żbaljata hi li kull reliġjon tajba, anke waħda vvintata mill-bniedem.

🌻 Żball ieħor hi l-idea li r-reliġjon qiegħda hemm biex jieħu gost u sodisfazzjon biha l-bniedem, u mhux li l-bniedem irid jobdi ‘l Alla anke meta ma jogħġbux jagħmel dan.

🌻 Illum hemm ħafna nies li għandhom sens esaġerat ta’ liberta’ u jippretendu li jmexxu kollox huma u li Alla jkollu joqgħod għalihom.

🌻 Xi sekli wara li bdiet il-Knisja, kien hemm ereżija li nxerdet fost l-insara, msejħa gnosi. Din kienet tgħid li l-bniedem isalva lilu nnifsu b’għerf sigriet li jiġi mogħti biss lill-membri tas-setta. Dawn kienu jużaw din ir-reliġjon eretika biex jitkabbru fuq l-oħrajn. Fid-dinja tal-lum din l-ereżija reġgħat qed taqbad fin-New Age.

Veru li r-reliġjon importanti u tagħti sens lill-ħajja?

38

🌻 Bla reliġjon ma nafux għaliex qegħdin hawn, u kif għandna ngħixu. Ir-reliġjon hija:

  • pedament,
  • mappa,
  • boxxla,
  • sosten għall-ħajja.

Mingħajr reliġjon ħajjitna titlef is-sens u mingħajr reliġjon inkunu lesti narmu ‘l ħajjitna jew nagħmlu ħafna deni lilna nnifisna u lill-oħrajn.

🌻 Ir-reliġjon timmotivana nkunu tajbin u li nagħmlu l-ġid. Kull bniedem għandu bżonn is-sens f’ħajtu. Alla neċessarju għall-bniedem biex dan isir l-isbaħ u l-aħjar persuna possibbli.

🌻 Barra minn hekk, il-maħfra għandna bżonnha tul ħajjitna kollha għax il-ħtija tagħmlilna ħafna ħsara. Sens ta’ maħfra sħiħa tiġi biss mir-reliġjon.

🌻 Ir-religjon tajba għal kull bniedem biex:

  • tkabbru fi bniedem ‘ta’ veru’,
  • tagħtih sens u direzzjoni f’ħajtu
  • u twasslu li jgħix ħajja tajba u produttiva.