Għaliex hu żbaljat in-New Age?

47

🌻 L-idea l-aktar bażika, u żbaljata tan-New Age hi li l-bniedem kapaċi jsalva lilu nnifsu.

🌻 Idea oħra żbaljata hi li kull reliġjon tajba, anke waħda vvintata mill-bniedem.

🌻 Żball ieħor hi l-idea li r-reliġjon qiegħda hemm biex jieħu gost u sodisfazzjon biha l-bniedem, u mhux li l-bniedem irid jobdi ‘l Alla anke meta ma jogħġbux jagħmel dan.

🌻 Illum hemm ħafna nies li għandhom sens esaġerat ta’ liberta’ u jippretendu li jmexxu kollox huma u li Alla jkollu joqgħod għalihom.

🌻 Xi sekli wara li bdiet il-Knisja, kien hemm ereżija li nxerdet fost l-insara, msejħa gnosi. Din kienet tgħid li l-bniedem isalva lilu nnifsu b’għerf sigriet li jiġi mogħti biss lill-membri tas-setta. Dawn kienu jużaw din ir-reliġjon eretika biex jitkabbru fuq l-oħrajn. Fid-dinja tal-lum din l-ereżija reġgħat qed taqbad fin-New Age.

X’differenza hemm bejn twemmin u fidi?

43

🌻 Jingħad li wieħed jemmen meta b’moħħu jaċċetta li xi ħaġa hija vera. Per eżempju: meta wieħed jemmen li l-ħabib tiegħu mhux qed iħarref imma qed jgħid il-verita’.

🌻 Jingħad li wieħed għandu l-fidi meta jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’persuna oħra u jagħmel li tgħid hi.

🌻 Ir-reliġjon għandha t-tagħlim tal-veritajiet. Mela membru ta’ dik ir-reliġjon l-ewwel irid jemmen li qed tgħidlu l-verita’. Imma dan mhux biżżejjed biex wieħed jgħix dik ir-reliġjon. Imbagħad hemm il-fidi. Dan ifisser li wara li emmen, dak li jkun għandu jafda f’dak li tgħallem, jgħixu u jobdih.

🌻 Fil-fidi tal-insara, dawn mhux biss jafdaw f’li emmnu, imma jafdaw direttament lil Alla li jgħallem permezz ta’ dawk li jirrappreżentawh. Mela l-ewwel, il-Knisja tippreżentalna l-veritajiet fuq Alla. Dawn twemmin. Imbagħad meta wieħed li jemmen jagħmel esperjenza t’Alla u jafda ħajtu f’idejh, ikun wasal għal fidi.

Biex temmen hemm bżonn li tirraġuna fuq l-affarijiet jew trid taċċetta kollox b’mod għami bla ma tistaqsi xejn?

42

🌻 Aħna rridu noqogħdu attenti li nemmnu l-verita’ u mhux xi taħwid, żbalji jew gideb. Mela hemm bżonn nirraġunaw qabel ma nemmnu. Hemm bżonn naraw l-evidenza ta’ l-affarijiet biex naraw hux ta’ min wieħed jemminhom jew le. Jekk ma jkollhomx evidenza biżżejjed, allura m’għandniex nemmnuhom, iżda jekk hemm evidenza biżżejjed għandna naċċettaw u nemmnu.

🌻 Jekk fuq xi ħaġa hemm biżżejjed evidenza li hija vera imma persuna twebbes rasha u tibqa’ ma tridx taċċetta, allura din il-persuna tkun ħatja li mhix raġonevoli.

🌻 Ladarba rajna li hemm biżżejjed evidenza li jeżisti Ħallieq, allura għandna nemmnu f’Alla.

  • Huwa żbaljat min jaħseb li biex temmen ma trid tistaqsi xejn u kemm taqbad u taċċetta kollox. (Meta San Tumas qal li biex jemmen irid l-evidenza kien qed jagħmel sewwa. Ġesu’ ma ċanfrux, anzi tah l-evidenza. Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza mbagħad qallu biex jemmen. Mela aħna għandna nagħmlu l-istess. Imma mbagħad Ġesu’ qal li ħenjin dawk li jemmnu bla ma jaraw. Mela aħna ma nistgħux nistennew li Ġesu’ joqgħod jidhrilna biex nemmnu. Għandna nemmnu fuq il-bażi ta’ l-evidenza u mhux nippretendu li Ġesu’ se joqgħod jagħmel affarijiet biex iġegħlna nemmnu).
  • Jekk hemm xi ħadd li minnu ġej kollox u li kollox qiegħed iżomm fih, jeħtiġilna naraw kif nibnu l-aħjar rabta miegħu.

X’evidenza hemm li bihom nistgħu nemmnu li Ġesu’ kien qiegħed jgħid il-verita’ meta qal li hu Alla?

41

🌻 Ġesu’, jew kien giddieb jew miġnun jew kien qed igħid il-verita’ meta qal li hu Alla.

  • Giddieb u miġnun ma jagħmilx il-mirakli li għamel hu.
  • Lanqas ma jseħħu fih il-profeziji tal-antik testment.
  • Lanqas ma jgħallem kif għallem hu.
  • Li kien miġnun jew giddieb l-għedewwa tiegħu żgur kienu jaqbduh f’xi żball jew f’xi ħaġa ħażina. Fil-fatt qatt ma sabu xejn kontrih u kienu jippruvaw jonsbuh iżda kien joħroġilhom minnhom b’għerf li kien iħallihom bla kliem.
  • Fuq kollox, Alla żgur ma kienx se jqajjem miġnun jew giddieb biex jagħmel minnu “Il-Mulej”!

🌻 Ġesu’ juri li għadu ħaj u għadu jaħdem. Dan jurih b’dak li jista’ jseħħ biss jekk jagħmlu Hu:

  • kwantita’ kbira ta’ ħajjiet straordinarji ta’ qaddisin li kollha jgħidu li saru hekk bil-qawwa tiegħu.
  • numru kbir ħafna ta’ mirakli aċċertati u aċċettati mill-Knisja
  • il-qawwa tal-eżorċiżmu tax-xitan; qawwa li ħadd ħlief Kristu ma għandu
  • għadd ta’ profeziji li seħħew, dehriet, eċċ…

🌻 Mela Ġesu qal il-verita’ meta qal li hu Alla, u kien lest imut għaliha. Xi eżempji ta’ meta qal li hu Alla:

  • “Jien u l-Missier, aħna ħaġa waħda” (Ġwanni 10: 22-30).
  • “Qabel ma Abraham kien, Jiena Hu” (Ġwanni 8: 58).
  • “Dnubietek maħfura” … u n-nies qalet li qed jidgħi għax Alla biss jaħfer id-dnub (Mattew 9: 1-8).
  • “Jien it-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja” … u n-nies qabdet il-ġebel biex tħaġġru għax għarfu li għamel lilu nnifsu daqs Alla b’dan il-kliem (Ġwanni 14:6).

X’punti ta’ evidenza hemm li jindikaw li Alla jeżisti?

40

🌻 L-univers tagħna għandu sistemi astronomiċi ta’ varjeta’ u kumplessita’ inkredibbli. Minn dak li nafu, huwa mill-aktar improbabbli li bi kwantita’ ta’ kumbinazzjonijiet ġiet teżisti l-pjaneta tagħna bil-kwalitajiet li għandha li huma mill-aħjar biex tmantni l-ħajja (per eżempju: distanza mix-xemx, atmosfera, gravita’, ilma fi kwantita’ kbira, minerali, temperatura, eċċ). Mela huwa aktar raġonevoli li wieħed jaħseb li hemm Ħallieq li mexxa kollox milli ġie kollox b’kumbinazzjoni.

🌻 Barra minn dan, hawn il-ħajja f’din il-pjaneta. Kif ġiet? Ix-xjentisti ppruvaw, taħt l-aħjar kundizzjonijiet joħolqu l-ħajja fil-laboratorju, mill-minerali li ssib fid-dinja imma ma rnexxilhomx. Mela li b’kumbinazzjoni bdiet x’imkien il-ħajja umana hija wisq improbabbli u r-raġuni għal darb’oħra ssibha aktar loġika li taħseb f’Ħallieq li mexxa l-ħolqien tal-ħajja milli li kollox beda b’kumbinazzjoni.

🌻 Nistgħu nżidu wkoll li l-ħajja li hawn fuq din il-pjaneta hi ta’ tip li tevolvi u toktor. Kieku kellha b’kumbinazzjoni tiġi l-ħajja f’din id-dinja, kif ġiet propju ta’ dak it-tip li tikber u tevolvi – u dan b’mod li tasal li tifforma lill-bniedem?

🌻 Bla tmexxija ta’ Ħallieq, li jiġi jeżisti kollox kif inhu f’din id-dinja b’kumbinazzjoni hu bħallikieku joħorġu pitturi kapulavur bid-dettalji kollha tagħhom u eżatti minn magna bla programm u bla moħħ li titfa’ ż-żebgħa kif ġie ġie; jew qisha kompjuter li waqt li jifforma ‘at random’ l-ittri, jikkomponi waħdu opra kapulavur.

🌻 Minn dan nikkonkludu li l-evidenza ta’ din id-dinja u tal-ħajja juruna li raġonevoli temmen li hemm Ħallieq – li nsejħlulu ‘Alla’.

Veru li r-reliġjon importanti u tagħti sens lill-ħajja?

38

🌻 Bla reliġjon ma nafux għaliex qegħdin hawn, u kif għandna ngħixu. Ir-reliġjon hija:

  • pedament,
  • mappa,
  • boxxla,
  • sosten għall-ħajja.

Mingħajr reliġjon ħajjitna titlef is-sens u mingħajr reliġjon inkunu lesti narmu ‘l ħajjitna jew nagħmlu ħafna deni lilna nnifisna u lill-oħrajn.

🌻 Ir-reliġjon timmotivana nkunu tajbin u li nagħmlu l-ġid. Kull bniedem għandu bżonn is-sens f’ħajtu. Alla neċessarju għall-bniedem biex dan isir l-isbaħ u l-aħjar persuna possibbli.

🌻 Barra minn hekk, il-maħfra għandna bżonnha tul ħajjitna kollha għax il-ħtija tagħmlilna ħafna ħsara. Sens ta’ maħfra sħiħa tiġi biss mir-reliġjon.

🌻 Ir-religjon tajba għal kull bniedem biex:

  • tkabbru fi bniedem ‘ta’ veru’,
  • tagħtih sens u direzzjoni f’ħajtu
  • u twasslu li jgħix ħajja tajba u produttiva.

Veru li r-reliġjonijiet kollha jsalvaw lin-nies tagħhom? 

37

🌻 Illum hawn ħafna li jgħidu li r-reliġjonijiet kollha tajbin u kollha jwasslu lil min isegwihom għas-salvazzjoni, basta l-persuna tosserva sewwa r-reliġjon. Dan mhux veru. Fil-verita’, l-ebda reliġjon ma għandha l-ħila ssalva lil xi ħadd. Kristu biss għandu s-setgħa jsalva lill-bnedmin kollha. Kristu biss hu Alla fostna u jsalva lill-bniedem billi jagħmlu parti minnu stess.

🌻 Ir-reliġjon kristjana hija mezz mill-aktar qawwi biex il-bniedem jintrabat ma’ Kristu u jirċievi minn għandu l-Ispirtu tiegħu.

🌻 Kristu jsalva wkoll lil nies li bla ħtija tagħhom ma jafuhx, kemm-il darba dawn ikunu għexu sewwa. Jiġifieri jekk dawn ikunu obdew il-leħen ta’ Alla ġewwa fihom (il-kuxjenza). Permezz tal-kuxjenza, Alla jsejjaħ lil kull bniedem biex jagħmel il-ġid u jaħrab id-deni. Il-ġudizzju ta’ nies li ma kienux jafu lil Kristu tul ħajjithom isir minn Kristu u fuq kemm obdew lil Alla billi semgħu mill-leħen tal-kuxjenza.

Liema huma l-erba’ firdiet li jġib miegħu d-dnub?

36

🌻 Minn ma’ Alla:

  • jinfired minn ma’ Alla billi jitlef dik it-tgħannieqa ta’ Alla (“sawwar lill-bniedem
  • mit-trab tal-art u nefaħlu f’imnifsejh”)
  • ma jibqax iħossu minn ta’ ġewwa ma’ Alla
  • ma’ Alla jħossu sar qisu barrani jew skjav u mhux aktar iben u bint.

Fil-fatt Alla jsejjaħlu lil Adam għax ma jsibux bħas-soltu fil-ġnien. Adam kien moħbi minn Alla: “smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri u nħbejt.”

🌻 Minn mal-bnedmin l-oħra:

  • jinfired minn ma’ bnedmin oħra billi jakkuża lill-oħrajn flok jagħraf ir-responsabbilita’ tiegħu.
  • L-għajta ta’ ferħ ta’ meta kiseb lill-mara (“Din id-darba din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi!”).
  • Issa spiċċat f’espressjoni ta’ tmaqdir: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi …”.

🌻 Fih innifsu:

  • jinfired fih innifsu billi jkollu sens ta’ rimors u mistħija.
  • Alla kien ħalaq lill-bniedem f’serenita’ miegħu nnifsu (“U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kienux jistħu minn xulxin.”),
  • Wara d-dnub, il-bniedem jibża’ minn ħaddieħor u jinkwieta fuq l-immaġni tiegħu (“…u ntebħu li kienu għerja u ħietu weraq tat-tin u għamlu iħżma.”).

🌻 Minn man-Natura:

Għall-ewwel il-bniedem huwa padrun tal-ġnien (Alla jagħtih is-siġar kollha; hu jagħti l-ismijiet lill-annimali). Iżda bid-dnub jinfired minn mal-ħolqien ta’ Alla. Sinjali ta’ dan huma:

  • it-tbatija tal-mara biex twelled u
  • t-tbatija tar-raġel biex jaqla’ l-ikel ta’ kuljum.

🌻 Nistgħu ngħidu li l-infern hu propju dan l-istat ta’ firda. Jibda hawn fid-dinja, u wara jkompli b’mod totali għal dejjem. Id-dnub u l-infern b’dal-mod jorbtu ma’ xulxin.

X’inhi l-waqa’ u d-Dnub oriġinali?

33

🌻 Id-dnub tal-ewwel bniedem (jew kif insibuhom fil-Ġenesi, Adam u Eva) kien li qalu “le” lil Alla billi emmnu t-tentazzjoni tax-xitan li Alla mhux ta’ min jafdah u li ħeba xi ħaġa minnhom.

🌻 Mela l-waqa’ hi mill-Verita’ għal Gidba.

🌻 Inbidlet l-idea korretta ta’ min hu Alla, jiġifieri li għandu proġett dejjem favur il-bniedem u li jrid lill-bniedem jobdi għall-ġid kbir tiegħu stess u saret gibda: jiġifieri li Alla moħħu fih innifsu, jikkmanda bi prepotenza u bla sens. Inbidlet mela r-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem minn waħda ta’ mħabba u fiduċja bħal tat-tfal għal waħda fejn il-bniedem jipprova jisraq, jagħmel lilu nnifsu alla bl-isforzi tiegħu stess u jinsa li hemm Alla.

🌻 L-espressjoni ‘dnub oriġinali’ tfisser li l-bnedmin kollha jitwieldu jħarsu lejn il-ħajja b’dan il-mod giddieb u li bis-suppervja kollha kemm aħna nitwielu u rridu nagħmlu lilna nnifisna alla ieħor.

🌻 Il-bnedmin kollha, minbarra Marija u Ġesu’, jitwieldu bid-dnub tan-nisel.

🌻 Dan id-dnub hu l-għerq li minnu u fuqu ssokta jikber u jixtered il-ħażen fid-dinja. Bħal valanga li tiġbor magħha s-silġ, hekk ukoll id-dnub oriġinali jitgerbeb tul l-istorja kollha tal-bniedem u jiġbor fih il-ħażen kollu u jinvolvi ġewwa fih lil kull bniedem li jitwieled.

🌻 Dan hu l-mostru qerriedi ta’ “d-dnub tad-dinja”.

🌻 Dan id-dnub laħaq l-akbar fond tiegħu meta qatel lill-Qaddis Innoċenti (Ġesu’ l-Iben t’Alla).

🌻 Il-bnedmin kollha jitwieldu f’Adam, jiġifieri involuti fid-dnub tan-nisel. Bil-magħmudija l-bniedem jerġa jitwieled – fi Kristu.

Kif inkun naf li l-kelma li nkun smajt fit-talb tkun ġejja minn Alla? Kif se nkun ċert li mhux ġejja minn moħħi eċċ…?

12

🌻 Meta Alla jkellmek fit-talb, wara jikkonfermalek dak li jkun qallek billi juża’ eżempju:

  • l-Iskrittura,
  • xi ‘talk’ jew omelija li tisma’,
  • b’dawk ta’ madwarek,
  • biċ-ċirkostanzi li jgħaddik minnhom
  • u ħafna oħrajn…

🌻 Aktar ma’ tkun lest li tisimgħU, aktar tibda tifhem u tinduna meta jkellmek Hu.

🌻 Hu jkellmek biss meta jara li x-xewqa tiegħek li tisimgħU hi xewqa b’intenzjoni tajba, jigifieri, bl-intenzjoni li tobdi r-Rieda tiegħU kull meta jurihielek.