5. Ġesu’ Jkellimni – il-Bard ta’ Ġesu’

josh-applegate-122366-unsplash

(Żmien il-Milied)

Grazzi ħafna ja ruħ twajba talli ġejt ħdejja forsi ma tantx kellek aptit, għax il-ħajja tiġbdek ‘l hawn u ‘l hemm u tħallik bla nifs. Iżda int ħallejt kollox warajk u ġejt biex tqatta’ ftit ħin ħdejja biex tadurani u tirringrazzjani ta’ kulma nagħmel miegħek.

F’dawn il-ġranet tal-Milied nifraħ aktar meta xi ħadd iżurni fl-Ewkaristija. Jien għażilt minn jeddi li nitlef il-liberta’ tiegħi filwaqt li tajtha lilek biex tagħżel jekk tiġix ħdejja jew le. Ħeġġeġ lill-oħrajn ukoll biex jiġu spiss ħdejja, imqar għal ftit minuti biss. Hawn fl-Ewkaristija meta nkun waħdi niftakar fil-bard li ħassejt meta twelidt f’dak l-għar kiesaħ.

Għalhekk kull meta tiġi ħdejja xi ruħ twajba bħal donni nħoss is-sħana li tant tferraħli qalbi. Hawnhekk jien għeri minn kollox, tinsiex. Inżajt il-kobor, il-qawwa, is-sbuħija u l-majesta’ kollha tiegħi biex niċċekken għalik u għall-oħrajn.

Fl-Ewkaristija jien qisni tarbija debboli, nieqsa minn kollox u li tagħmel biha li trid. Il-bnedmin jistgħu jagħmlu bija dak li jridu huma. Ara kemm iċċekkint għalik. Jistgħu jgħannquni magħhom jew jabbandunawni.

Jistgħu jaċċettawni jew inkella jħalluni barra fil-ksieħ u fil-bard. Fil-bard tal-bruda u l-indifferenza, li hu tant kiefer u tant iweġġa’.

Inti sa ddaħħalni f’ħajtek u f’qalbek? Jew sa tħallini barra fil-bard?

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

4. Kelma ta’ Ħabib

2016-1_LT-BeginnersGuideAdoration

(Tinqara minn Leader/Saċ/eċċ… dawk preżenti mitlubin li jżommu ħarsithom fuq l-Ewkaristija)

Għażiż ħija/ Oħti,
Jekk inti xi ftit mistħi jew forsi bla skola, ma tafx tikteb ħafna jew taqra tajjeb, ma jimpurtax. Jekk inti ma tafx titlob u forsi tħossok mgħobbi bis-slaleb tal-ħajja, ma jimpurtax. L-aqwa, li inti hawn quddiem Ġesu’ Sagramentat.

Jekk inti forsi żagħżugħ jew żagħżugħa u qed tinkwieta fuq il-futur tiegħek biex ikollok impjieg tajjeb, ma jimpurtax, intelaq f’idejh u ħallih imexxik hu.

Forsi qed tixjieħ, xagħrek bjad u tħossok magħsur minn dak li għaddejt minnu fil-ħajja, ma jimpurtax, ħallih ifarrġek u ntelaq f’idejn Ġesu’ Ewkaristija. Jista’ jkun li qed tħossok b’kuxjenza mħawda u tħoss it-tingiż tad-dnub, taqtax qalbek. Ħares lejh fl-Ewkaristija. Huwa jibqa’ sieket u l-ebda ċanfira ma toħroġ minn fommu. Għandu biss ħarsa ta’ ħlewwa u ta’ mħabba. Xħin trid int bi qrara sinċiera Ġesu’ jserrħek minn dak it-toqol li qed iġġorr. Ħares lejh u żomm għajnejk fuqu tul ħajtek kollha. Ġorru f’qalbek lil Ġesu’ Ostja u ħajtek tieħu xejra oħra.

Int min int, int x’int, għandek x’għandek, ferħan jew imdejjaq, ma jimpurtax basta tfittex lil Ġesu’ fl-Ewkaristija. Ejja spiss hawn quddiem Ġesu’, u meta tkun imħabbat ħafna ejja hawn bil-menti tiegħek.

Għax Ġesu’ huwa ħuk, huwa bniedem bħalek, b’qalb li tħoss u tagħder. Iva, Ġesu’ jimpurtah minnek u jifhmek tajjeb. Huwa jafek aktar milli inti stess taf lilek innifsek. Ġesu’ Ewkaristija huwa wkoll Alla; Alla veru u Alla ħaj. Huwa l-uniku Alla tagħna. Xi darba jew oħra kull maħluq sa jinżel għarkupptejh quddiemu.

Le, xejn ma jimporta jekk inti ikrah jew sabiħ, xiħ jew żagħżugħ. L-importanti li tiġi hawn quddiemu u żżuru spiss. Għax Ġesu’ lilek iħobbok hekk kif int. Iħobbok bid-difetti tiegħek, bin-nuqqasijiet kollha tiegħek. Iva, iħobbok kif int.

Dan tajjeb li tifhmu. Jaċċettak preċiż kif int. Ġesu’ jħobbok u jrid jgħannqek miegħu, jekk tħallih. Għidlu issa stess, “Mulej għannaqni miegħek.”

“Orbotni miegħek. Tħallinix nitbiegħed minnek. Ħenn għalija għax jiena midneb. Ġesu’, nixtieq inħobbok imma ma nafx kif. Kemm nixtieq inferraħlek qalbek. Kompli ħu paċenzja bija u għinni nbiddel ħajti. Iva għinni nikkonverti. Ġesu’, fejjaqni. Fejjaqni għax inħossni maqsum f’ħafna biċċiet. Ma nafx kif għandi nitlob, Mulej.” Ħija, oħti, għidlu li trid lil Ġesu’. Għidlu kemm tixtieq tagħmel ġid u kemm tixtieq tgħin lill-oħrajn. L-importanti li inti hawn quddiem il-Mulej Ġesu’ fl-Ewkaristija. Il-preżenza tiegħek qed tferraħlu qalbu ħafna.

La tinsiex li Ġesu’ dejjem hawn u qiegħed hawn jistenniek. Jistenna billejl u bi nhar. Bħall-marid marbut fis-sodda jistenna lil min iżuru. Hekk ukoll Ġesu’ jistenniena mmorru ftit ħdejh. Ara ma taħsibx li int jew jien qegħdin hawn quddiemu b’kumbinazzjoni. Xejn minn dan! Dan privileġġ speċjali. Din grazzja sabiħa għal ruħek. Hawn quddiemna jinsab l-pont li jgħaqqad lilek ma’ Alla. M’hemmx triq oħra lejn il-ġenna: ĠESU’. Permezz tiegħu tingħaqad mat-Trinita’ Qaddisa. Ġesu’ huwa l-pont bejn Alla u l-bniedem. U lilek iħobbok… iħobbok kif int.

Għalkemm forsi inti taħseb li m’int kapaċi għalxejn, lilek iħobbok u jinteressa ruħu fik. Lili u lilek jafna tajjeb. Jafna sew. M’għandekx x’taħbilu. Ara li tkun sinċiera miegħu. Hu żgur li jħobbok, imma inti tħobbu? Iddaħħlu f’ħajtek il-ħin kollu? Taħseb xejn fih? Matul il-ġurnata tgħidlu xi kultant “Ġesu’ inħobbok?” Hu jridek, iżda… inti tridu? Tipprova tisma’ aktar fuqu? Taqra kultant xi ħaġa li tiġbdek lejh? U lil ommu Marija tħobbha xejn? Titlobha xejn biex issir tħobb aktar lil binha Ġesu’?”

Ibda issa, illum stess. Ikkonvinċi ruħek li mingħajru m’int xejn. Mingħajru hemm biss vojt u mrar. Iebsa l-ħajja għal kulħadd. Iżda għandek ħabib, anzi, l-aqwa ħabib li kapaċi jifhmek mill-ewwel. Ersaq lejh. Fittxu spiss. Iftaħ qalbek miegħu u mhux ma’ xi ħadd ieħor li forsi mbagħad imur jgħid fuqek minn wara dahrek!

“Ejjew għandi intom li tinsabu mtaqqlin u mħassbin u jien inserraħkom,” qalilna Ġesu’. Żgur li mhux se jidħak bina. Kulħadd jista’ jidħak bina, xi darba jew oħra, iżda mhux Ġesu’, li hu l-istess Alla.

“Jiena nibqa’ magħkom sal-aħħar tad-dinja,” qalilna l-Imgħallem. X’garanzija din! “Jiena magħkom sal-aħħar tad-dinja.” Xi kliem sabiħ dan! X’ferħ tħoss meta tħalli dawn il-kelmiet jinfdu lil moħħok, lil qalbek, u lil ruħek.

Ġesu’ magħna l-ħin kollu, fl-ikrah u fis-sabiħ tal-ħajja. Veru li xi drabi bħal donnu jinħeba u tħossok waħdek mitluq minn kulħadd. Iżda la darba Ġesu’ qalilna li hu sa jkun dejjem magħna, żgur li mhux sa jidħak bina. Kif tista’ tiddubita l-kelma ta’ Ġesu’?

Grazzi, Ġesu’, talli tħobbni hekk kif jien. Int taċċettani kull ħin u dejjem. Inti taċċettani bid-difetti kollha tiegħi. Int l-akbar teżor tiegħi. Grazzi mill-qalb, Ġesu’ Ewkaristija, li xħin irrid, niġi u niftaħ qalbi miegħek u int isserraħni.

Infaħħrek u mbierkek, Mulej Alla tiegħi. Kabbar fija l-fidi. Għarrafni lilek innifsek. Ixħet id-dawl ta’ wiċċek fuqi, Mulej. Ġennini għal warajk. Imlieli moħħi, qalbi u s-sensi kollha tiegħi. Tħallini qatt ninfired minnek. Agħmel, Ġesu’, li int ikollok l-aqwa post f’ħajti.

Grazzi, Ġesu’.
Grazzi mill-qalb, Ġesu’ Ewkaristija.
Berikni, Mulej.
Ammen.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

3. Nistrieħu fil-Mulej

2017-1-26-Farrar-A

(Adorazzjoni għal grupp)

Ġesu’, inti għidtilna “Ejjew miegħi intom biss waħedkom f’xi post imwarrab u strieħu ftit.”

Dan hu li qed nagħmlu bħalissa, Mulej. Ara, inqtajna minn kollox, u ġejna hawn nistrieħu ftit ħdejk. Iva, aħna nemmnu li int, sa tagħtina dan il-mistrieħ tal-qalb u tal-moħħ.

Għax kont int stess li għidtilna: “Fid-dinja jkollhom it-taħbit, imma qawwu qalbkom, għax jien irbaħt id-dinja.” Aħna nersqu quddiemek biex inqawwu qalbna bil-paċi tiegħek u aħna ċerti, Mulej, li int iżżomm kelmtek. Mintix se tidħak bina, u żgur li sa tagħtina l-kuraġġ biex ngħixu fit-taħbit tad-dinja.

Wara kollox, inti stess għidtilna: “Ejjew għandi, intom lkoll, li tinsabu mħabbtin u mgħobbijin u jien inserraħkom.” U min minna mhux mgħobbi bis-slaleb u l-problemi? U jekk ma niġux għandek, Ġesu’ għand min tridna mmorru?

Mela għalhekk qegħdin miġburin hawn f’ismek, familja waħda, u qalb waħda, għax inti għidtilna: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi hemm inkun jiena f’nofshom.”

Dal-kliem jimliena bit-tama u bil-kuraġġ. Li inti qiegħed hawn f’nofsna, tarana, tismagħna, u tħoss kulma qed inħossu aħna, tara mill-qrib il-problemi tagħna: dan jagħmlilna l-qalb. Dal-ħsieb ifarraġna. Donni qed nisma’ dawk il-kelmiet qawwija li inti stess għidt lill-armla ta’ Najm: “La tibkix, iżda emmen.”

Kemm jgħoddu għalina dawn il-kelmiet: “La tibkix, iżda emmen.”

Nemmen, Ġesu’. Iva, nemmen li Inti hawn magħna; qiegħed ħdejna u għalhekk qalbi timtela bil-ferħ. Iżda mhux int biss qiegħed miegħi, Ġesu’, għax inti għidtilna: “Min iħobbni, iħares kliemi. Missieri jħobbu u aħna niġu għandu u… ngħammru għandu.”

X’aħbar tajba din! X’ferħ, Ġesu’! Min iħobbok, tgħix fih it-Trinita’ Qaddisa. X’meravilja! X’misteru dan! Meta nkun fil-grazzja t’Alla jgħammru fija l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Qaddis. X’kuraġġ għalina lkoll Ġesu’. Kemm ninsew li aħna u Alla tant qrib ta’ xulxin. Grazzi, Ġesu’. Grazzi ta’ din l-aħbar hekk sabiħa. Fakkarni spiss fiha din il-verita’, Ġesu’, biex qatt ma naqta’ qalbi. U meta ħlief dlam madwari ma narax, meta l-problemi nħosshom qed jifgawni, meta nħossni waħdi u abbandunat minn kulħadd, fakkarni, Ġesu’, li fija jgħammar Alla l-Missier, Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu.

Missier Alla tagħna, jiena nadurak, jien nirringrazzjak, jiena nitolbok il-maħfra ta’ dnubieti, jiena nixtieq infaħħrek u nbierkek b’qalbi kollha. Ammen.

Mulej Ġesu’ Kristu, jiena nadurak, jiena nirringrazzjak, jiena nitolbok il-maħfra ta’ dnubieti, jiena nixtieq infaħħrek u nbierkek b’qalbi kollha. Ammen.

Spirtu s-Santu Alla, jiena nadurak, jiena nirringrazzjak, jiena nitolbok il-maħfra ta’ dnubieti, jiena nixtieq infaħħrek u nbierkek b’qalbi kollha. Ammen.

Ġesu’, inħobbok u nadurak. Ikun imbierek Ġesu’ Ewkaristija priġunier fit-tabernaklu għall-imħabba tagħna. Grazzi, Ġesu’, talli int tant iffissat fija u tant tixtieqli l-ġid għalkemm jiena midneb u spiss nagħmel ma’ rasi. Ġesu’, Bin Alla l-Ħaj, ikollok ħniena minni għax jiena midneb. Ammen.

Mulej Alla, jien nixtieq infaħħrek, u nadurak fiċ-ċirkustanzi kollha li ngħaddi minnhom. Nadurak kemm fil-mumenti sbieħ u kemm fil-mumenti iebsin tal-ħajja tiegħi. Ammen.

Tajjeb li ma ninsewhomx dawn:

  • “Qalb ta’ Ġesu’ ħanina, agħmel li mħabbtek tikber fina.”
  • “O Ġesu’ ta’ qalb ħelwa u umli, agħmel li qalbi tkun tixbah li tiegħek.”
  • “Ġesu’, Marija, jien nħobbkom, salvaw l-erwieħ.”

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

2. Adorazzjoni quddiem Ġesu’

web3-monstrance-close-sunburst-fotorech-pixabay-cc0-2

(Tinqara bil-mod)

O Ġesu’ Ewkaristija, jiena nadurak, veru Alla u veru bniedem taħt l-ispeċi Ewkaristiċi, hawnhekk u fit-tabernakli kollha tad-dinja, speċjalment fejn tinsab waħdek, mitluq u abbandunat minn kulħadd.

Jien nadurak u nagħrfek b’sid tiegħi u b’sid tal-ħlejjaq kollha. Jiena xogħol ta’ jdejk Mulej. Int il-ħallieq tiegħi. Inti Alla tiegħi, inti biss. Agħmel Mulej li inti jkollok l-aqwa post f’qalbi u l-aqwa post f’ħajti. Mulej, inti kollox u jien xejn. Allaħares kellek tneħħi jdejk minn fuqi mument wieħed biss. Min jaf kieku x’jiġri minni? Mulej jiena nqimek u nadurak.

Mixħut hawn quddiemek jiena nixtieq nirringrazzjak minn qalbi ta’ kulma tagħmel miegħi, tal-grazzji kollha li Int ixxerred fuqi kuljum. Nirringrazzjak speċjalment Mulej, ta’ dawk il-ħafna grazzji li jien lanqas biss ninduna bihom!

Irrid nirringrazzjak, Mulej, għal dawk ħuti kollha li ma jirringrazzjawkx. Agħdirhom Mulej. Forsi tant imtaqqlin bil-problemi tal-ħajja, bil-mard, u slaleb oħra li jinsew jirringrazzjawk. Għan-nom tal-bnedmin kollha rrid ngħidlek Grazzi tal-Providenza kbira tiegħek li tinżel il-ħin kollu fuqna lkoll. Irrid nirringrazzjak ukoll ta’ dawk l-affarijiet kollha li lili jdejquni jew isewduli qalbi, għax kollox minnek ġej, Ġesu’.

Jien l-akbar xewqa tiegħi hi li f’kollox nogħġob lir-rieda mqaddsa tiegħek. Ġesu’ Ewkaristija, jiena nixtieq infaħħrek u nbierkek b’qalbi kollha u b’saħħti kollha. Agħtini lsien biex infaħħrek, Mulej. Il-ħolqien kollu jfaħħrek u jbierkek bla waqfien. Huwa l-bniedem biss, għax tajtu l-intelliġenza u l-liberta’, li jkażbrek b’ilsienu.

Ħallini ningħaqad mal-ħolqien biex infaħħrek, għaliex inti jistħoqqlok kull tifħir, kull ġieħ u kull glorja. Wara kollox, “Min hu bħalek, Mulej?” Imbierek int, Mulej Alla ta’ missirijietna, li fik ittamaw u emmnu; ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem.
Ġesu’ Ewkaristija, nixtieq nitolbok il-maħfra ta’ dnubieti, tan-nuqqasijiet tiegħi u tad-difetti kollha tiegħi. Ġesu’, Bin Alla l-ħaj, ikollok ħniena minni għax jiena midneb. Aħfrili Mulej, ta’ dak kollu li kelli nagħmel u m’għamiltux. Aħfirli, Mulej, tal-egoiżmu tiegħi.

Ta’ kemm -il darba ħsibt li jien xi ħaġa aħjar minn ħaddieħor.

– Ta’ kemm -il darba naqset fija l-fiduċja fik.

Ħniena, Mulej, nitolbok u itfa’ fija l-Ispirtu Qaddis tiegħek biex kuljum nersaq lejk, biex kuljum ngħix kif tixtieq int.

Ġesu’ Ewkaristija, nixtieq inpattilek ftit għal dawk kollha li ma jadurawkx, li ma jirringrazzjawkx, u li jkażbruk bid-dagħa. Inpattilek, Ġesu’, għal dawk kollha li jridu jgħixu mingħajrek u ma jittamawx fik. Mulej, irrid inpattilek għal dawk kollha ta’ qalb bierda li hi mimlija biss bil-ħwejjeġ tad-dinja. Jinsew li int qiegħed dejjem hawn lejl u nhar tistenniehom. Ħalli npatti ftit jien għalihom, Ġesu’.

Fl-aħħar nett, nixtieq inqiegħed f’riġlejk il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tiegħi għax inti tafhom aktar milli nista’ ngħidlek jiena stess. Inti tafni aktar milli jien naf lili nnifsi.

Għalhekk, Mulej, f’idejk jiena nerħi ruħi, bil-ħtiġijiet tiegħi, bix-xewqat tiegħi, u bil-problemi kollha tiegħi. Agħmel minn ħajti xi ħaġa sabiħa, li tkun togħġob lill-Qalb Imqaddsa tiegħek.

Ġesu’… Int taf li nħobbok, u nixtieq li nħobbok dejjem iżjed.

Inti tħobbni ħafna; għinni int, biex insir inħobbok dejjem iżjed.

Grazzi, Ġesu’.

Ġesu’, inħobbok u nadurak.

Ammen.

Twajjeb Ġesu’,
Agħmilni strument li bih isir ħafna ġid fost ħuti l-bnedmin.
Agħmel li dan il-ġid ma jidhirx.
Ammen.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.

1. Ġesu’ jkellimni

adoration_feature

Ħija/Oħti,
Grazzi mill-qalb talli ġejt iżżurni biex inqattgħu ftit ħin flimkien. Bħal ma wieħed marid li jkollu joqgħod fis-sodda jifraħ xħin imur ħabib iżuru, hekk ukoll jien nifraħ ħafna meta inti tiġi ħdejja biex idduq mill-preżenza ħelwa tiegħi. Huwa veru li jiena dejjem imdawwar bl-anġli li l-ħin kollu jfaħħruni u jadurawni. Iżda qalbi timtela bil-hena meta xi ruħ twajba tiġi żżurni, u meta tersaq lejja xi ruħ midinba mimlija ħtijiet niġri ngħannaqha miegħi u nserrħilha qalbha.

Ara ma taħsibx li min jersaq lejja sa jmur lura minn ħdejja b’idu vojta. Għax jien bħal funtana li minnha ħierġa l-ilma tal-ħajja, l-ilma tal-grazzja, l-ilma tal-imħabba vera. Jien nagħti minn dan l-ilma lil kull min jersaq lejja. Dan hu dak l-ilma li kont tkellimt dwaru mas-Samaritana.

Hawn hu l-ilma: l-Ewkaristija Mqaddsa. Dan hu l-ilma li jaqta’ kull għatx li jista’ jkollu l-bniedem. Id-dinja toffri ħafna kwalitajiet ta’ ilma iżda dawn flok jaqtgħu l-għatx ġewwieni aktar iżiduh. L-Ewkaristija hu l-ilma ħaj li jnaddaf u jsaħħaħ lil kull min jersaq jixorbu speċjalment min jirċevih fit-tqarbin. Kemm hi ħaġa kbira li bniedem jitqarben! Kemm nifraħ meta xi ħadd jirċevini bid-devozzjoni u bl-imħabba sinċiera. Għax jien ma vvintajtx dan is-Sagrament tal-għaġeb biex nibqa’ msakkar fit-tabernaklu. Jien ma rridx li nibqa’ msakkar f’kaxxa tad-deheb imżejna sabiħ.

Ivvintajt l-Ewkaristija għal żewġ raġunijiet. L-ewwel biex ngħammar mal-bnedmin il-ħin kollu biex xħin iridu jiġu u jsibuni u jiftħu qalbhom miegħi. Iżda l-aktar li nixtieq u li kelli f’moħħi fl-Aħħar Ċena hi li jiena nkun l-ilma ħaj li l-erwieħ jistgħu jixorbu minnu kuljum u b’hekk jitqawwew fir-ruħ u fil-ġisem tagħhom. O li kieku tkun taf x’jiġri meta ruħ tirċevini fit-tqarbin! Il-glorja tat-Tabor isseħħ fik meta titqarben. Kieku kellek tifhem imqar ftit xi tfisser il-preżenza tiegħi fik meta titqarben, kieku żgur li ma titlifhiex tqarbina kuljum. Naturalment aktar ma ruħ tirċevini bl-imħabba iżjed tirċievi minn għandi grazzji spiritwali.

Huwa għalhekk li t-tqarbin ma jħallix l-istess effett f’kulħadd. Hawn min jirċevini bi drawwa. Hawn min jirċevini iżda qalbu u moħħu ma jkunux fija. Imbagħad hemm ukoll min jirċevini bla ma jistħoqqlu. Jien inkun nixtieq li nagħti grazzji kbar lil kull min jirċevini, iżda ħafna, jaħasra, ma jkunux disposti u ppreparati li jilqgħuhom. Kemm grazzji jintilfu meta jiġri hekk. Ħalli nagħti xi eżempji. X’jiswa li tagħti ħobża friska lil tarbija ta’ xi ftit xhur? Lil tarbija għalxejn toffrilha frotta bnina għax tkun għadha mhix matura biżżejjed għal din il-kwalita’ ta’ ikel.

Hekk jiġri wkoll fit-tqarbin. Aktar ma r-ruħ tkun miftuħa għall-preżenza tiegħi, aktar nagħtiha mill-qawwa moħbija tiegħi. Bħalma jiġri f’tazza tal-ħġieġ. Aktar ma din tkun vojta aktar wieħed jista’ jimlieha bl-ilma. Meta tersaq lejja fl-Ewkaristija żvojta lilek innifsek billi tagħtini kulma jkun qed itaqqlek. Iżżomm xejn moħbi minni. Agħtini kollox anki l-ħtijiet u d-dgħjufija tiegħek. B’hekk inkun nista’ nimliek bil-qawwa tal-preżenza tiegħi. Kif l-anġli stess jistagħġbu kif jiena wasalt biex noħloq din l-invenzjoni tal-Ewkaristija. Forsi mhix ħaġa tal-għaġeb li jiena, li jien Alla qawwi u kbir, niċċekken tant biex nidħol ngħammar fi bniedem li jiena stess ħlaqt?

Id-dinja hija ċkejkna wisq għalija iżda mbagħad l-għaxqa tiegħi meta ruħ twajba u niedma tirċevini. Bħalma kont għidt lil Ġuljana ta’ Norich ħafna snin ilu, ngħid lilek illum ukoll. L-aktar ħaġa li nixtieq hi li nsaltan fil-qlub tal-bnedmin. Iva, hemm nixtieq li nibni t-tron tiegħi: f’qalb il-bniedem. Ħallini nsaltan jien f’ħajtek. Ħallini nagħtik mill-ilma ħaj ħiereġ mill-għajn ta’ qalbi. Tqarben spiss u meta titqarben aħseb sew xi tkun qed tagħmel. Itlobni biex inbiddlek bil-mod il-mod. Kemm jiddispjaċini meta nara li n-numru ta’ dawk li jirċevuni qed jonqos flok jiżdied. Ma jafux x’inhuma jitilfu. Kemm nixtieqhom jersqu lejja. Għala ma jaċċettawx l-istedina tiegħi? Għala ma jridunix f’ħajjithom b’mod intimu? Fit-tqarbin jien u dak li jirċevini nsiru ħaġa waħda. Din mhix ħaġa tassew straordinarja? Mhix meravilja ħaġa bħal din? Tinsiex li jien Alla…..

Issa għidli dak kollu li tixtieq, dak li qed itaqqlek jew isewwidlek qalbek.

Hawn iftaħ qalbek ma’ Ġesu’.

Jekk sarlek il-ħin aħseb biex tmur. Ftakar fija spiss matul il-ġurnata u matul il-lejl.

Spiritwalment tista’ teħodni miegħek kullimkien, iva kullimkien. Kemm waqt ix-xogħol u kemm waqt il-mistrieħ nieħu gost li nkun miegħek.

Inħobbok.
Inħobbok ħafna.
Inħobbok ferm aktar milli qatt tista’ tifhem.
Mur fis-sliem. Ilqa’ l-barka tiegħi.
Il-paċi miegħek.

Ġesu’ Ewkaristija, int is-soluzzjoni siekta tal-problemi kollha tagħna.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.