39. Riflessjoni fuq Mattew 5: 43-48

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 43-48

loving-enemies-1stpass-800pxL-Evanġelju skont San Mattew 5: 43-48

[Mt:5:43] Fdak iż-żmien, Ġesu qal: “Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.’

[Mt:5:44] Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom,

[Mt:5:45] biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.

[Mt:5:46] Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M’hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan?

[Mt:5:47] U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M’hux il-pagani wkoll jagħmluh dan?

[Mt:5:48] Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jagħmel l-insara differenti?

U x’jagħmel in-Nisrani distanti minn kull Reliġjon oħra?

Hija l-Grazzja. Titratta lill-oħrajn mhux kif jistħoqqilhom, imma kif Alla jixtieq li jitrattahom bi mħabba u bi ħniena. Alla huwa tajjeb mal-inġusti u kif ukoll mall-ġusti. L-imħabba tiegħu tgħannaq il-qaddis u l-midneb. Alla jfittex l-għola ġid tagħna u jgħallimna nfittxu l-aqwa ġid għall-oħrajn, anki ma’ dawk li jobgħoduna u jabbużawna.

Iridna nħobbu lil kulħadd bl-istess mod kif ħabbna Hu. Huwa faċli u fin-natura umana tagħna li nuru mħabba u ħniena meta nafu li biha se niggwadanjaw xi ħaġa għalina nfusna, imma kemm hu aktar diffiċli meta dak li nagħmlu, nagħmluh bla ma nistennew xejn lura. It-talba tagħna għal dawk li jagħmlulna d-deni tkisser kemm il-qawwa tas-sens ta’ tpattija li dlonk jitfaċċa fina meta nweġġgħu kif ukoll toħroġ minna l-imħabba qawwija li tagħmel it-tajjeb meta affaċċjat mill-ħażin.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif nistgħu nħobbu lil dawk li jikkawżawlna ħsara u wġigħ?

Meta msieħba m’Alla xejn mhu impossibli għalina li nagħmlu. Hu jagħtina l-qawwa u l-grazzja, aħna li nemmnu u naċċettaw id-don tal-Ispirtu s-Santu. L-imħabba tiegħu tirbaħ fuq kollox. Tirbaħ fuq il-biża’, fuq il-preġudizzji u anki fuq il-weġgħat tal-qalb tagħna. Biss is-Salib ta’ Ġesu’ jista’ jeħlisna mit-tirannija tal-ħażen, tal-mibgħeda, tat-tpattija u jagħtina l-kuraġġ biex inpattu d-deni bil-ġid. Din l-imħabba u l-grazzja għandha l-qawwa biex tfejjaq u ssalva mid-distruttzjoni.

Inti tħalli din il-qawwa tal-imħabba t’Alla tirrenja f’qalbek u fl-aġir tiegħek? Jew f’qalbek hemm it-toqol u l-jasar li żżommok fih il-mibgħeda lejn min għamillek jew qed jagħmillek il-ħsara?

Itlob …

Mulej l-imħabba tiegħek iġġib il-ħelsien u l-maħfra. Imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u żomm lil qalbi fil-paċi tiegħek ħalli nevita milli nitlef sabri, milli taqbiżli u nitlef it-tempra.

Għażiża Marija, Int li bħal Ibnek mhux biss ħfirt lil min ittortura u qatel lil Ibnek imma lqajt li tieħu fuqek irwol t’Omm. Int għadek sallum u tibqa’ tħobb, tieħu ħsieb u titlob  għal uliedek kollha, anke dawk li ma jagħrfukx u lanqas jagħrfu lil Ibnek. Għenni u għallimni biex nimxi fuq l-eżempji tiegħek u nkun nixbah aktar lil Alla. Ammen.

38. Riflessjoni fuq Mattew 5: 20-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 20-26

Jesus-Christ-Videos-Parables-of-Jesus-You-have-done-it-unto-meL-Evanġelju skont San Mattew 5: 20-26

[Mt:5:20] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

[Mt:5:21] “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna.

[Mt:5:22] Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern.

[Mt:5:23] Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek,

[Mt:5:24] ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

[Mt:5:25] Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs.

[Mt:5:26] Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tiġi mkaxkar mir-rabja jew mill-korla?

L-ewwel persuna li beda jobgħod li ħuh kien Kajjin. Id-dnub ma jseħħx mix-xejn. L-ewwel jikber bħal żerriegħa fil-qalb tal-bniedem. Jekk ma jsirlux għassa bl-istess grazzja t’Alla huwa jikber bħalma jikber il-ħaxix ħażin u jifga d-dielja li tkun qed tagħti l-frott.

Ġesu’ jindirizza l-kustjoni tal-ħarsien tal-Kmandamenti mad-dixxipli tiegħu. L-iskribi u l-Fariżej kienu jorbtu l-għemil it-tajjeb mal-ħarsien ta’ dak li kienet titlob il-liġi. Ġesu’ wissihom li huma kienu qegħdin iġibu fix-xejn dak li huwa l-essenzjali fil-liġi t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jipponta lejn il-qalb bħala ż-żerriegħa tax-xewqat u l-għażliet tagħna. Sakemm wieħed ma jħarisx ix-xewqat ħżiena l-qalb tisfa korrotta. Ġesu’ jipponta li jista’ wieħed iżomm rabja għal xi ħadd f’qalbu. Din hi rabja egoista li tifjorixxi u tibqa’ hemm. Li tieklok minn ġewwa, tmarrdek u li ma tmutx.

X’inhi l-mediċina ta’ kontra r-rabja?

Il-ħniena u l-ħlewwa li joħorġu mill-qalb ta’ min jagħżel li jħobb u jaħfer bl-istess mod kif jaħfrilna Alla.

Inti żżomm rabja għal xi ħadd f’qalbek? U qatt tlabt lil Alla jeħilsek minn dan it-toqol u jimlielek qalbek u moħħok bl-imħabba u l-verita’ tiegħu?

Illum tista’ tieħu deċiżjoni biex tagħmel dan.

Itlob …

Mulej Ġesu’, agħtini l-grazzja li jiena nagħmel għassa sewwa max-xewqat u l-ħsibijiet li jinbtu fija biex dawk li jistgħu jkunu ta’ ġid għalija jew għall-proxxmu tiegħi nikkultivahom u nkabbarhom, u dawk li jistgħu jagħmlu l-ħsara nqaċċathom mill-għeruq qabel ma jkomplu jikbru u jagħmlu l-ħsara.

Marija Ommna, agħtini l-istess qalbek għax jiena rrid inħobb lil Ġesu’ Ibnek bħalma ħabbejtu Inti. Ammen.

37. Riflessjoni fuq Mattew 7: 7-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 7: 7-12

5345L-Evanġelju skont San Mattew 7: 7-12

[Mt:7:7] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom.

[Mt:7:8] Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu.

[Mt:7:9] Min hu dak il-bniedem fostkom li, jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż, sejjer jagħtih ġebla?

[Mt:7:10] Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp?

[Mt:7:11] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

[Mt:7:12] Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tistenna li Alla jisma’ t-talb tiegħek?

Ġesu’ ried jgħolli l-aspettattivi tad-dixxipli tiegħu meta għallimhom kif jitolbu. Il-parabbola tal-Missier li jitma’ lil Ibnu turina xi ħaġa li lanqas kienet tgħaddilna minn moħħna.

Kif jista’ Missier twajjeb u ġust jirrifjuta li jagħti lil Ibnu dak li hu tajjeb jew agħar minn hekk li jagħtih xi ħaġa ta’ ħsara? F’kelma waħda Ġesu’ jagħmel stqarrija li tallarmana. Meta jżid jgħid kemm aktar  Missierkom li hu fis-sema jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

Ħsieb għal Qalbek …

Missierna tas-sema jagħtina b’ġenerożita’, aktar milli qatt nistgħu nistennew. Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu b’kunfidenza għaliex Missierna tas-sema fit-tjieba tiegħu dejjem lest jisma’ t-talb tagħna u għalhekk li nistgħu nitolbu b’asserzjoni u b’konvinzjoni. “Ħobżna ta’ kuljum; agħtina llum.”

Dawk li jafu u jafdaw fl-imħabba t’Alla jitolbu bl-akbar kunfidenza. Ġesu’ jikkonkludi billi jfakkarna li biex wieħed jobdi u jwettaq l-liġi u l-profeti għandu jitratta lill-proxxmu bl-istess mod kif aħna nixtiequ niġu trattati minn Alla u mill-istess proxxmu tagħna. Mhux biżżejjed li nevitaw milli nagħmlu ħsara lill-oħrajn huwa importanti li nfittxu li nagħmlulhom il-ġid.

U inti, b’liema mod qed tagħti mill-ġid li tista’ lill-oħrajn u titlob biex taqla’ mingħand Alla l-ġid li jixtieq jagħtik.

Itlob …

Agħtini li nħobbok Mulej tiegħi u Alla tiegħi u nara lili nnifsi kif jien tassew, pellegrin fuq din l-art. Nisrani msejjaħ biex nirispetta u nħobb lil dawk kollha li Inti tlaqqani magħhom. Lil dawk li jinsabu fl-awtorita’ fuqi jew taħt l-awtorita’ tiegħi, lil ħbiebi u lill-għedewwa tiegħi.

Għenni għażiża Marija biex nirbaħ ir-rabja bil-ġentilezza, l-kilba bil-ġenerożita’ u l-apatija bil-fervur. Għallimni ninsa lili nnifsi u ngħin lill-oħrajn f’kull ma nista’ fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u l-aktar f’dawk tar-ruħ. Ammen.

 

36. Riflessjoni fuq Luqa 11: 29-32

Verżjooni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 29-32

grg.147582858616L-Evanġelju skont San Luqa 11: 29-32

[Lq:11:29] Fdak iż-żmien, meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona.

[Lq:11:30] Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel.

[Lq:11:31] F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta’ l-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun!

[Lq:11:32] F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kieku x’kien jgħid Ġesu’ għall-ġenerazzjoni tagħna?

Ġesu’ ta ċanfira pjuttost qawwija lill-ġenerazzjoni tiegħu, meta huma riedu sinjal mingħandu. Kienet karateristika għal Lhud li jitolbu sinjal mill-messaġġiera t’Alla biex jaraw kemm hu awtentiku dak li jkunu qegħdin jistqarru. Meta wħud mill-kittieba u l-Fariżej issikkaw lil Ġesu’ biex jagħti prova ta’ dan li kien qiegħed jistqarr hu jgħidilhom diversi drabi u b’ħafna modi li Hu huwa s-sinjal t’Alla u li ma għandhomx bżonn ta’ aktar evidenza minn Alla aktar mill-persuna tiegħu stess. Meta Ġona kellem lin-nies ta’ Ninwè huma għarfu t-twissija t’Alla u nidmu u s-Sultana ta’ nofsinhar, iġifieri ta’ Xeba għarfet l-għerf t’Alla f’Salamun għalhekk ivvjaġġat fit-tul sa ma waslet għandu.

Ġona kien is-sinjal u l-messaġġ tiegħu kien il-messaġġ t’Alla għall-poplu tiegħu ta’ Ninwè. Sfortunament il-kapijiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’ ma kienux kuntenti li jaċċettaw is-sinjali quddiemhom stess. Huma m’aċċettawx il-messaġġ ta’ Ġwann l-Battista u issa huma ma jaċċettawx lil Ġesu’ bħala l-Ikkonsagrat t’Alla, iġifieri l-Messija u għalhekk ma jagħtux kas tal-messaġġ tiegħu. Ġesu’ kkonferma l-messaġġ tiegħu b’ħafna mirakli bi preparazzjoni għall-akbar sinjali fost kollha. Il-qawmien mill-mewt tiegħu fit-tielet jum.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej Ġesu’ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagrament tal-Qrar joffrilna l-ħelsien mid-dnub u permezz tal-istess Spirtu tiegħu jagħtina l-għerf għal ħajjitna, jekk aħna nagħtuh widen.

Int tafda fil-għerf t’Alla?

Jirċievi dan il-għerf safi t’Alla min verament ifittex dak li huwa tajjeb u li jmur skont l-ordni tal-pjan għaref t’Alla. Itlob lil Alla biex iġedded lil moħħok u biex iżidlek l-għatx għall-għerf safi tiegħu.

Itlob …

Mulej agħtini l-għerf tiegħek u żid l-imħabba tiegħi għal triqatek. Għenni nireżisti t-tentazzjoni u b’rieda soda biex jien inkun nixtieq biss b’qalbi kollha dak li jogħġob lilek. Ammen.

35. Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

fe5eee16ae4efc43078491adff58126bL-Evanġelju skont San Mattew 6: 7-15

[Mt:6:7] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.

[Mt:6:8] Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.

[Mt:6:9] Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek,

[Mt:6:10] tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.

[Mt:6:11] Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.

[Mt:6:12] Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

[Mt:6:13] U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’

[Mt:6:14] Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.

[Mt:6:15] Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti titlob bil-ferħ u bil-kunfidenza?

Il-Lhud kienu jispikkaw għad-devozzjoni tagħhom fit-talb. Kellhom jitolbu għal tlett darbiet kuljum f’waqtiet differenti tal-ġurnata. Ir-Rabbini Lhud kellhom talba għal kull okkażjoni. Ġesu’ jwissi lid-dixxipli tiegħu kontra l-formalita’. Li wieħed jagħmel it-talb xi ħaġa mekkanika u mingħajr skop jew valur, bla ma jagħti importanza dak li jrid Alla mit-talb u bit-talb.

Meta Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu tahom it-talba tad-dixxiplu dik li aħna nsejħulha l-Missierna jew it-Talba tal-Mulej. Din it-talba tazzarda tindirizza lil Alla bħala Missierna u b’asserzjoni titlob għall-affarijiet li neħtieġu biex ngħixu bħala wliedu tassew.

Huwa permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li aħna nsiru nafu lil Alla b’mod personali u nsejħulu Abba Missier, Papa’ kif insibu fl-ittra lir-Rumani Kapitlu 8 vers 15.

Ħsieb għal Qalbek …

Nistgħu navviċinaw lil Alla Missierna bil-kunfidenza u bil-konvinzjoni li Hu ser jagħtina dak li nitolbuh għaliex Ġesu’ fetħilna t-triq għall-ġenna, permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Meta nitolbu l-għajnuna t’Alla fortunatament ma jagħtinix dak li tassew jistħoqqilna, minflok Huwa jwieġeb bil-grazzja u bil-ħniena tiegħu. Hu ħanin u jaħfrilna, imma jistenna minna li aħna nitrattaw lill-proxxmu tagħna bl-istess ħniena u mogħdrija.

U inti, titratta lill-oħrajn kif jistħoqqilhom jew titrattahom bħalma l-Mulej jitratta bil-grazzja u l-ħniena tiegħu lejna?

It-talba ta’ Ġesu’ tinkludi kundizzjoni li nitolbu lil Alla jaħfrilna bl-istess mod u bl-istess porzjon bħalma aħna naħfru lil dawk li jagħmlulna l-ħsara. Itlob lill-Mulej biex jimliek bin-nar tal-Imħabba u tal-Ħniena tiegħu.

Itlob …

Mulej agħtini fidi ħajja, tama ċerta, karita’ ferventi u mħabba kbira Għalik. Neħħi minni kull bruda li tista’ tfixkilni milli nisma’ u nagħti widen għal Kelmtek fit-talb tiegħi.

Marija Omm twajba, akkumpanjani fil-mumenti tat-talb tiegħi u għallimni nitlob bl-istess fervur li titlob Inti. Għenni naġixxi b’tjieba mall-oħrajn u b’ġenerożita’ bl-istess mod kif Alla jaġixxi miegħi. Ammen.

34. Riflessjoni fuq Luqa 4: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 4: 1-13

Satan-Tempts-Jesus-GettyImages-463967715-5808f7b65f9b58564c318113L-Evanġelju skont San Luqa 4: 1-13

[Lq:4:1] Fdak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan fejn kien tgħammed u l-Ispirtu ħadu fid-deżert.

[Lq:4:2] Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.

[Lq:4:3] U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.”

[Lq:4:4] Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’?”

[Lq:4:5] Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa.

[Lq:4:6] Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.

[Lq:4:7] Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.”

[Lq:4:8] Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub, Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima, u lilu biss taqdi.”

[Lq:4:9] Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel.

[Lq:4:10] Għax hemm miktub li Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,

[Lq:4:11] u li fuq idejhom jerfgħuf, ħalli ma taħbatx riġlek ma xi ġebla.”

[Lq:4:12] Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.'”

[Lq:4:13] Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int lest li tgħaddi minn żmien ta’ prova?

Ġesu’ kellu jgħaddi minn żmien ta’ prova u tiġrib fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu. Il-kelma “Tempt” bl-ingliż normalment tfisser li tiġi mħajjar twettaq dnub. Il-kelma fl-Iskrittura hawn tfisser prova, fis-sens ta’ meta wieħed jiġi ppruvat u ppurifkat biex joħroġ jekk hux ippreparat għall-ħidma li hu msejjaħ iwettaq jew le.

Aħna ngħaddu l-Piloti minn titjira bi prova biex naraw jekk humiex imħejjija sew biex itajru ajruplan. Bl-istess mod Alla jgħaddi l-qaddejja tiegħu mill-prova biex jara jekk humiex lesti jew le li jiġu wżati Minnu għall-ġid tal-oħrajn.

Alla ġarrab lil Abraham biex hu jagħti prova tal-fidi tiegħu. Ġesu’ ma kienx l-eċċezzjoni għal dan it-tip ta’ provi. Satana jibqa’ jagħmel ħiltu kollha biex iħajjarna nagħżlu r-rieda tagħna fuq dik t’Alla. Jekk ma jkunx jista’ jħajjarna biex inwettqu dnub anki dak gravi, huwa mbagħad jipprova jwassalna biex nagħżlu dawk l-għażliet li eventwalment iwassluna biex nitbegħdu minn dak li Alla jrid minna.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ kien imġarrab bħalna u rebaħ fuq it-tiġrib mhux bil-qawwa umana tiegħu, imma bil-grazzja u l-qawwa li tah Missieru. Kellu jħalli r-rieda tiegħu biex iwettaq dik t’Alla l-Missier. Hu rnexxielu għax ried jogħġob lil Missieru u fdah li kien se jagħtih il-qawwa biex jirbaħ fuq l-ostakli li jitfaċċaw fi triqtu. Il-Mulej jagħti lilna wkoll l-Ispirtu s-Santu biex ikun il-qawwa u l-gwida tagħna u Dak li jikkunslana fit-tiġrib u l-prova.

Meta aħna b’ruħ safja nirċievu lil Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes huwa Alla nnifsu li jsostina u jqawwina bil-preżenza Divina tiegħu. Mistednin ukoll biex nirrikorru għand Ommna Marija li bħala Omm tiddefendina, tħarisna u tqawwina bit-talb tagħha biex aħna nibqgħu mħarsa u ma naqgħux għat-tentazzjonijiet tax-xitan. Alla dejjem lest biex jagħtina dak li għandna bżonn biex ngħixu fit-triq tiegħu tal-Imħabba u tas-Sewwa.

U inti tfittex l-għajnuniet li jixtieq jagħtik il-Mulej biex tkun tista’ tgħix fi Triqatu bil-qawwa u l-għajnuna meħtieġa?

Itlob …

Mulej Kelmtek hi Ħajja, tagħti l-ħajja u tnissel il-ferħ vera. Għenni ngħix bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek.

O Marija Omm qawwija, itlob miegħi biex inħalli ‘l ruħi tiggwadanja mill-benefiċċji tas-Sagramenti li l-Knisja toffrili. Agħmel ukoll li jiena nafda Fik u nirrikorri għandek bit-talba tant għal qalbek tar-Rużarju. Ammen.

33. Riflessjoni fuq Luqa 5: 27-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 5: 27-32

V.S-SABADO-9.L-Evanġelju skont San Luqa 5: 27-32

[Lq:5:27] Fdak iż-żmien, Ġesu lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.”

[Lq:5:28] Dak telaq kollox, qam u mar warajh.

[Lq:5:29] Mbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra.

[Lq:5:30] Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?”

[Lq:5:31] U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda.

[Lq:5:32] Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti qatt esperjenzajt il-Ħniena t’Alla? U titratta lill-proxxmu tiegħek bi ħniena?

In-nies fil-Palestina kienu maqsuma qishom żewġ gruppi. Dawk li kienu riġidi fl-osservanza tal-liġi u l-bqija li ma kienux iżommu mar-regoli fid-dettalji tagħhom. L-osservanti kienu jitrattaw lill-bqija bħala ċittadini tat-tieni klassi. Kienu bi skruplu jevitaw il-kumpanija tagħhom, jirrifjutaw li jinnegozzjaw magħhom, jirrifjutaw li jagħtu jew jirċievu xi ħaġa mingħandhom, jirrifjutaw li jitħalltu bi żwieġ, u jirrifjutaw li jgħaddu ħin ta’ mistrieħ u ta’ divertiment magħhom inkluż li jieklu magħhom.

Meta Ġesu’ jassoċċja lilu nnifsu ma’ dawn it-tip ta’ nies b’mod speċjali dawk li kienu jiġbru t-taxxi u l-midinbin. Dawk li kienu l-osservanti xxukkjaw ruħhom. Meta Ġesu’ sejjaħ lil Mattew biex ikun wieħed mid-dixxipli tiegħu. Hu għażel raġel li kien jiġbor it-taxxi u li minħabba l-professjoni tiegħu l-Lhud kienu jobgħoduh. Fuq kollox kien jiġbor it-taxxi u mqabbad mir-Rumani li xejn ma kienu ġusti magħhom.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta l-Fariżej sfidaw dan l-atteġjament ta’ Ġesu’ li jiekol mal-midinbin pubbliċi. Id-difiża li uża Ġesu’ kienet sempliċi ħafna. It-tabib ma jeħtiġlux li jżur lin-nies b’saħħithom, minflok hu jmur għand dawk li kienu morda. Ġesu’ bl-istess mod kien ifittex lil dawk li l-aktar kienu fil-bżonn. Tabib tajjeb ifittex il-fejqan fil-persuna b’mod sħiħ. F’ġisimha, fil-menti tagħha u fl-ispirtu tagħha.

Ġesu’ ġie bħala t-Tabib Divin u r-Ragħaj it-Tajjeb biex jieħu ħsieb il-poplu tiegħu u biex iġeddidhom għall-ħajja fil-milja tagħha. Dawk li akkużaw lil Ġesu’ kienu tant mehdija bl-osservanzi tagħhom tar-reliġjon li naqsu milli jgħinu dawk l-istess nies li kienu fil-bżonn tal-attenzjoni Spiritwali. Ironikament kienu huma wkoll li kellhom l-istess bżonn bħan-nies li kienu jiddisprezzaw għax huma kienu egoisti u suppervi.

U inti tirringrazzjah lil Alla għall-Ħniena li jurik? U tfittex dak li hu l-aħjar għall-proxxmu tiegħek? U turihom ħniena?

Itlob …

Għeżież Ġesu’ u Marija, aħna issa niġu għandkom b’fiduċja għaliex nafu li Intom dejjem titrattawna bi Ħniena.

Il-qlub tagħna huma kiesħa, kebbsuhom bl-Imħabba bla egoiżmu tagħkom.

Il-qlub tagħna huma midinba, naddfuhom bid-Demm prezzjuż tas-Salvazzjoni.

Il-qlub tagħna huma dgħajfa, qawwuhom bl-Ispirtu tagħkom ta’ ferħ.

Il-qlub tagħna huma vojta, imlewhom bil-preżenza t’Alla.

Il-qlub tagħna huma Tagħkom, ipposeduhom dejjem u Għalikom biss. Ammen.