45. Riflessjoni fuq Mattew 21: 33-43, 45-46

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 21: 33-43, 45-46

wp-1489703998857.jpgL-Evanġelju skont San Mattew 21: 33-43, 45-46

Mt:21:33] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

[Mt:21:34] Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu.

[Mt:21:35] Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawwtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.

[Mt:21:36] Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

[Mt:21:37] Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal.

[Mt:21:38] Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’

[Mt:21:39] Qabduh, xeħtuh ‘il barra mill-għalqa u qatluh. [Mt:21:40] Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”

[Mt:21:41] Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.”

[Mt:21:42] Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li

[Mt:21:43] Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.

[Mt:21:45] Meta semgħu l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom.

[Mt:21:46] Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-punt tal-parabbola tal-għalqa tad-dwieli?

L-istorja ta’ Ġesu’ tas-Sid tal-għalqa li jsiefer u l-ħaddiema diżonesti għamlet ħafna sens għas-semmiegħa tiegħu. L-għoljiet tal-Galilija kienu mimlija b’għelieqi tad-dwieli u kien komuni li s-sidien iqabdu ħaddiema biex jaħdmulhom l-art. Ħafna kienu jagħmlu dan biex jiġbru l-kera fi żmienha.

Għaliex l-istorja ta’ Ġesu’ dwar il-ħaddiema ħżiena offendiet lill-iskribi u l-Fariżej?

Fiha kellha messaġġ profetiku kif ukoll twissija. Iżaija kien tkellem fuq id-dar t’Iżrael bħala l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej. Dan insibuh fil-ktieb t’Iżaija kapitlu 5 vers 7. Huwa probabbli għalhekk li min semgħu jirrakkonta din il-parabbola fehema bħala referenza tal-mod kif Alla kien mexa mal-poplu ribelluż u ta’ ras iebsa.

Ħsieb għal Qalbek …

Din il-parabbola tkellem lilna wkoll illum. Hi turina b’rikkezza wħud mill-veritajiet importanti dwar Alla u ‘l mod kif jimxi mal-poplu tiegħu. L-ewwelnett tgħidilna dwar il-ġenerożita’ u l-fiduċja t’Alla. L-għalqa tad-dwieli għandha fiha kull ma l-ħaddiema kellhom bżonn. Is-sid telaq u ħalla l-għalqa f’idejn il-ħaddiema.

Alla bl-istess mod jafdana tant li jagħtina l-liberta’ li mmexxu ħajjitna fuq l-għażliet li nagħmlu. Din il-parabbola tgħidilna wkoll dwar il-paċenzja u l-ġustizzja t’Alla. Mhux darba, imma ħafna drabi hu ħafrilhom dejnhom. Imma filwaqt li l-ħaddiema jieħdu vantaġġ mill-paċenzja tas-Sid il-ġustizzja u l-ġudizzju fl-aħħar kellhom iseħħu. Ġesu’ ħabbar kemm il-mewt kif ukoll ir-rebħa aħħarija tiegħu. Hu kien jaf li kien se jiġi mwarrab, miċħud u maqtul, imma kien jaf ukoll li dan ma kienx se jkun it-tmiem. Wara ċ-ċaħda kien se jkun hemm il-glorja. Il-glorja tal-qawmien mill-imwiet u t-tlugħ tiegħu għan-naħa tal-lemin tal-Missier.

Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu illum bid-don tas-Saltna. Hu jwiegħed li aħna se nagħmlu ħafna frott jekk ngħixu fiH. Hu jafda d-doni u l-grazzji f’idejn kull wieħed u kull waħda minna u jagħtina xogħol fil-għalqa tiegħu tad-dwieli li hi l-istess Ġisem Mistiku tiegħu, il-Knisja. Hu jwiegħed li t-taħbit tagħna mhux se jkun għalxejn jekk nipperseveraw bil-fidi sal-aħħar. Għandna nistennew tiġrib u anki persekuzzjoni, imma fl-aħħar naraw ir-rebħa.

U inti, titħabat għall-Mulej b’tama ferrieħa u b’kunfidenza fir-rebħa tiegħu?

Itlob …

Grazzi Mulej Ġesu’ għall-benefiċċji kollha li Inti tajtna. Għall-uġigħ u għall-insulti li Inti soffrejt bi mħabba għalina. O Salvatur l-aktar ħanin, ħabib u ħuna, agħmel li nagħrfek aktar ċar u li nħobbok bl-akbar għożża.

Ħelwa Marija ommi, għenni nimxi wara Ibnek aktar mill-qrib mhux biss meta dan ikun faċli għalija, imma wkoll meta niġi affaċċjata mall-iebes. Ammen.