40. Riflessjoni fuq Luqa 9: 28-36

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 28-36

trasfigurazione_message-960x350pL-Evanġelju skont San Luqa 9: 28-36

[Lq:9:28] F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ‘l Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob.

[Lq:9:29] U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.

[Lq:9:30] U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija,

[Lq:9:31] li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.

[Lq:9:32] Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajjmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.

[Lq:9:33] Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Ma kienx jaf x’inhu jgħid.

[Lq:9:34] Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba.

[Lq:9:35] U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu.”

[Lq:9:36] Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti ppreparat biex tara l-Glorja t’Alla?

Alla ħerqan biex jaqsam il-Glorja tiegħu miegħek. Nilmħu mill-bogħod din il-Glorja meta id-dixxipli raw lil Ġesu’ ttrasfigurat fuq it-Tabor. Ir-rakkont li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb.

Fil-ktieb tal-Eżodu kapitlu 34 vers 29 insibu li meta Mose’, iltaqa’ m’Alla fuq il-muntanja tas-Sinaj il-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejn Alla. U San Pawl fit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin kapitlu 3 vers 7 jgħidilna li l-Iżraelin ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mose’ minħabba fid-dija ta’ wiċċu.

Fir-rakkont tallum Ġesu’ jidher fil-Glorja mal-kbir mexxej Mose’ dak li permezz tiegħu ngħatat il-liġi lill-poplu t’Alla u ma’ Elija l-aqwa fost il-profeti li ħabbar ħafna dwar il-Miġja tal-Messija, fil-preżenza ta’ tlieta mill-Appostli għeżież tiegħu.

X’inhu s-sinifikat ta’ din id-dehra misterjuża?

Ġesu’ mar fuq il-muntanja bl-għarfien minn qabel ta’ dak li kellu jgħaddi minnu f’Ġerusalemm. Iċ-ċaħda li kellu jsofri, il-mod kif kien se jiġi mwarrab u l-mewta tas-Salib. Probbabilment li Ġesu’ tkellem dwar id-deċiżjoni tiegħu li jmur għall-mewt tas-Salib ma’ Mose’ u Elija. Alla l-Missier ukoll tkellem ma’ Ġesu’ u ta’ l-approvazzjoni tiegħu. “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” Is-sħaba li mliet il-post ta’ din id-dehra ta’ Ġesu’ wettqet il-ħolma tal-Lhud li meta l-Messija jiġi s-sħaba tal-preżenza t’Alla kienet se terġa’ timla t-Tempju li jissemma fit-Testment il-Qadim.

Ħsieb għal Qalbek …

Pietru, Ġakbu u Ġwanni kienu xhieda privileġġati tal-Glorja ta’ Kristu. Aħna wkoll bħala dixxipli ta’ Kristu msejħa biex inkunu xhieda tal-Glorja tiegħu kif insibu fit-tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 18. Il-Mulej irid jirrivela l-Glorja tiegħu għalina d-dixxipli għeżież tiegħu.

Inti tfittex il-preżenza Tiegħu fik, fl-oħrajn, madwarek u b’mod speċjali fl-Ewkaristija, b’dik il-fidi, ir-rispett u l-qima li jixtieq jara fina l-Mulej?

Itlob …

Mulej, ressaqni lejk u ħallini nara u nesperjenza l-Glorja tiegħek. Agħmel li qatt ma niddubita l-imħabba u l-għajnuna tiegħek li jsalvawni. Ammen