38. Riflessjoni fuq Mattew 5: 20-26

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 20-26

Jesus-Christ-Videos-Parables-of-Jesus-You-have-done-it-unto-meL-Evanġelju skont San Mattew 5: 20-26

[Mt:5:20] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

[Mt:5:21] “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna.

[Mt:5:22] Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern.

[Mt:5:23] Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek,

[Mt:5:24] ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

[Mt:5:25] Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs.

[Mt:5:26] Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tiġi mkaxkar mir-rabja jew mill-korla?

L-ewwel persuna li beda jobgħod li ħuh kien Kajjin. Id-dnub ma jseħħx mix-xejn. L-ewwel jikber bħal żerriegħa fil-qalb tal-bniedem. Jekk ma jsirlux għassa bl-istess grazzja t’Alla huwa jikber bħalma jikber il-ħaxix ħażin u jifga d-dielja li tkun qed tagħti l-frott.

Ġesu’ jindirizza l-kustjoni tal-ħarsien tal-Kmandamenti mad-dixxipli tiegħu. L-iskribi u l-Fariżej kienu jorbtu l-għemil it-tajjeb mal-ħarsien ta’ dak li kienet titlob il-liġi. Ġesu’ wissihom li huma kienu qegħdin iġibu fix-xejn dak li huwa l-essenzjali fil-liġi t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jipponta lejn il-qalb bħala ż-żerriegħa tax-xewqat u l-għażliet tagħna. Sakemm wieħed ma jħarisx ix-xewqat ħżiena l-qalb tisfa korrotta. Ġesu’ jipponta li jista’ wieħed iżomm rabja għal xi ħadd f’qalbu. Din hi rabja egoista li tifjorixxi u tibqa’ hemm. Li tieklok minn ġewwa, tmarrdek u li ma tmutx.

X’inhi l-mediċina ta’ kontra r-rabja?

Il-ħniena u l-ħlewwa li joħorġu mill-qalb ta’ min jagħżel li jħobb u jaħfer bl-istess mod kif jaħfrilna Alla.

Inti żżomm rabja għal xi ħadd f’qalbek? U qatt tlabt lil Alla jeħilsek minn dan it-toqol u jimlielek qalbek u moħħok bl-imħabba u l-verita’ tiegħu?

Illum tista’ tieħu deċiżjoni biex tagħmel dan.

Itlob …

Mulej Ġesu’, agħtini l-grazzja li jiena nagħmel għassa sewwa max-xewqat u l-ħsibijiet li jinbtu fija biex dawk li jistgħu jkunu ta’ ġid għalija jew għall-proxxmu tiegħi nikkultivahom u nkabbarhom, u dawk li jistgħu jagħmlu l-ħsara nqaċċathom mill-għeruq qabel ma jkomplu jikbru u jagħmlu l-ħsara.

Marija Ommna, agħtini l-istess qalbek għax jiena rrid inħobb lil Ġesu’ Ibnek bħalma ħabbejtu Inti. Ammen.