35. Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 6: 7-15

fe5eee16ae4efc43078491adff58126bL-Evanġelju skont San Mattew 6: 7-15

[Mt:6:7] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.

[Mt:6:8] Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.

[Mt:6:9] Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek,

[Mt:6:10] tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.

[Mt:6:11] Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.

[Mt:6:12] Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

[Mt:6:13] U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’

[Mt:6:14] Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.

[Mt:6:15] Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti titlob bil-ferħ u bil-kunfidenza?

Il-Lhud kienu jispikkaw għad-devozzjoni tagħhom fit-talb. Kellhom jitolbu għal tlett darbiet kuljum f’waqtiet differenti tal-ġurnata. Ir-Rabbini Lhud kellhom talba għal kull okkażjoni. Ġesu’ jwissi lid-dixxipli tiegħu kontra l-formalita’. Li wieħed jagħmel it-talb xi ħaġa mekkanika u mingħajr skop jew valur, bla ma jagħti importanza dak li jrid Alla mit-talb u bit-talb.

Meta Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu tahom it-talba tad-dixxiplu dik li aħna nsejħulha l-Missierna jew it-Talba tal-Mulej. Din it-talba tazzarda tindirizza lil Alla bħala Missierna u b’asserzjoni titlob għall-affarijiet li neħtieġu biex ngħixu bħala wliedu tassew.

Huwa permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li aħna nsiru nafu lil Alla b’mod personali u nsejħulu Abba Missier, Papa’ kif insibu fl-ittra lir-Rumani Kapitlu 8 vers 15.

Ħsieb għal Qalbek …

Nistgħu navviċinaw lil Alla Missierna bil-kunfidenza u bil-konvinzjoni li Hu ser jagħtina dak li nitolbuh għaliex Ġesu’ fetħilna t-triq għall-ġenna, permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Meta nitolbu l-għajnuna t’Alla fortunatament ma jagħtinix dak li tassew jistħoqqilna, minflok Huwa jwieġeb bil-grazzja u bil-ħniena tiegħu. Hu ħanin u jaħfrilna, imma jistenna minna li aħna nitrattaw lill-proxxmu tagħna bl-istess ħniena u mogħdrija.

U inti, titratta lill-oħrajn kif jistħoqqilhom jew titrattahom bħalma l-Mulej jitratta bil-grazzja u l-ħniena tiegħu lejna?

It-talba ta’ Ġesu’ tinkludi kundizzjoni li nitolbu lil Alla jaħfrilna bl-istess mod u bl-istess porzjon bħalma aħna naħfru lil dawk li jagħmlulna l-ħsara. Itlob lill-Mulej biex jimliek bin-nar tal-Imħabba u tal-Ħniena tiegħu.

Itlob …

Mulej agħtini fidi ħajja, tama ċerta, karita’ ferventi u mħabba kbira Għalik. Neħħi minni kull bruda li tista’ tfixkilni milli nisma’ u nagħti widen għal Kelmtek fit-talb tiegħi.

Marija Omm twajba, akkumpanjani fil-mumenti tat-talb tiegħi u għallimni nitlob bl-istess fervur li titlob Inti. Għenni naġixxi b’tjieba mall-oħrajn u b’ġenerożita’ bl-istess mod kif Alla jaġixxi miegħi. Ammen.