28. Riflessjoni fuq Mark 9: 2-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 9: 2-13

17bb23507f5a2aa4278274c9302d6a2fL-Evanġelju skont San Mark 9: 2-13

[Mk:9:2] Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.

[Mk:9:3] Lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija ta’ l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.

[Mk:9:4] U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

[Mk:9:5] Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”

[Mk:9:6] Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

[Mk:9:7] Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.”

[Mk:9:8] Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

[Mk:9:9] Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.

[Mk:9:10] Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’.

[Mk:9:11] Staqsewh u qalulu: “Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”

[Mk:9:12] “Tassew,” weġibhom, “l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ?

[Mk:9:13] Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti ppreparat biex tara l-Glorja t’Alla?

Alla ħerqan biex jaqsam il-Glorja tiegħu miegħek. Nilmħu mill-bogħod din il-Glorja meta id-dixxipli raw lil Ġesu’ ttrasfigurat fuq it-Tabor. Ir-rakkont li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb.

Fil-ktieb tal-Eżodu kapitlu 34 vers 29 insibu li meta Mose’, iltaqa’ m’Alla fuq il-muntanja tas-Sinaj il-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejn Alla. U San Pawl fit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin kapitlu 3 vers 7 jgħidilna li l-Iżraelin ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mose’ minħabba fid-dija ta’ wiċċu.

Fir-rakkont tallum Ġesu’ jidher fil-Glorja mal-kbir mexxej Mose’ dak li permezz tiegħu ngħatat il-liġi lill-poplu t’Alla u ma’ Elija l-aqwa fost il-profeti li ħabbar ħafna dwar il-Miġja tal-Messija, fil-preżenza ta’ tlieta mill-Appostli għeżież tiegħu.

X’inhu s-sinifikat ta’ din id-dehra misterjuża?

Ġesu’ mar fuq il-muntanja bl-għarfien minn qabel ta’ dak li kellu jgħaddi minnu f’Ġerusalemm. Iċ-ċaħda li kellu jsofri, il-mod kif kien se jiġi mwarrab u l-mewta tas-Salib. Probbabilment li Ġesu’ tkellem dwar id-deċiżjoni tiegħu li jmur għall-mewt tas-Salib ma’ Mose’ u Elija. Alla l-Missier ukoll tkellem ma’ Ġesu’ u ta’ l-approvazzjoni tiegħu. “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” Is-sħaba li mliet il-post ta’ din id-dehra ta’ Ġesu’ wettqet il-ħolma tal-Lhud li meta l-Messija jiġi s-sħaba tal-preżenza t’Alla kienet se terġa’ timla t-Tempju li jissemma fit-Testment il-Qadim.

Ħsieb għal Qalbek …

Pietru, Ġakbu u Ġwanni kienu xhieda privileġġati tal-Glorja ta’ Kristu. Aħna wkoll bħala dixxipli ta’ Kristu msejħa biex inkunu xhieda tal-Glorja tiegħu kif insibu fit-tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 18. Il-Mulej irid jirrivela l-Glorja tiegħu għalina d-dixxipli għeżież tiegħu.

Inti tfittex il-preżenza Tiegħu fik, fl-oħrajn, madwarek u b’mod speċjali fl-Ewkaristija, b’dik il-fidi, ir-rispett u l-qima li jixtieq jara fina l-Mulej?

Itlob …

Mulej, ressaqni lejk u ħallini nara u nesperjenza l-Glorja tiegħek. Agħmel li qatt ma niddubita l-imħabba u l-għajnuna tiegħek li jsalvawni. Ammen