27. Riflessjoni fuq Mattew 16: 13-19

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 16: 13-19

jesus-peter-keys-stained-glassL-Evanġelju skont San Mattew 16: 13-19

[Mt:16:13] Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”

[Mt:16:14] U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.”

[Mt:16:15] Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. [Mt:16:16] U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.”

[Mt:16:17] U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.

[Mt:16:18] U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex.

[Mt:16:19] Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

F’ħin opportun Ġesu’ jġarrab lid-dixxipli tiegħu b’mistoqsija kruċjali. “Min jgħidu n-nies li jiena?”  “U min tgħidu intom li jien?”

Ġesu’ kien ikkunsidrat mill-maġġoranza tal-poplu f’Iżrael bħala bniedem kbir t’Alla anki kkumparat mal-akbar fost il-profeti, Ġwanni l-Battista, Elija u Ġeremija. Pietru stqarr li Ġesu’ kien il-Messija l-Iben t’Alla l-Ħaj. L-ebda bniedem ma seta’ jirrivela dan lil Pietru kien biss Alla nnifsu. Umbagħad jgħaddi lil Pietru l-awtorita’ ta’ Kap fuq il-Knisja li hu kien se jibni. Knisja li ebda qawwa ma tista’ qatt tegħlibha. Ġesu’ juża l-isem ta’ Pietru li jfisser Blata. Li ssejjaħ lil xi ħadd Blata kien wieħed mill-akbar kumplimenti. Permezz tal-fidi tiegħu Pietru fehem min kien tassew Ġesu’. Kien l-ewwel dixxiplu li għaraf lil Ġesu’ bħala l-Midluk, il-Messija u l-Kristu u l-Iben uniku t’Alla.

It-Testment il-Ġdid bħal per eżempju fejn insibu fl-ewwel ittra ta’ San Pietru kapitlu 2 vers 5 jiddeskrivi l-Knisja bħala d-Dar Spiritwali jew it-Tempju bil-membri tagħha magħqudin flimkien bħal ġebel ħaj.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-fidi f’Ġesu’ Kristu tibdilna fi blat jew ġebel spiritwali. Il-Mulej Ġesu’ jpoġġi quddiem kull wieħed u waħda minna b’mod personali l-istess mistoqsija.

“Inti min tgħid li jien?”

Itlob …

Mulej Ġesu’, jiena nistqarr u nemmen li Inti l-Messija l-Iben t’Alla l-Ħaj. Inti l-Mulej u s-Salvatur tiegħi. Agħmel li l-fidi tiegħi tkun qawwija bħal dik ta’ Pietru u agħtini li nitkellem u nixhed għalik bil-kuraġġ kollu quddiem l-oħrajn ħalli huma wkoll jaslu biex jagħrfu lilek b’mod personali bħala l-Mulej u s-Salvatur u jikbru fl-għarfien tal-Imħabba tiegħek. Ammen.