13. Riflessjoni fuq Mark 5: 21-43

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 5: 21-43

jairus-daughter28129L-Evanġelju skont San Mark 5: 21-43

[Mk:5:21] Wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies.

[Mk:5:22] U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, nxteħet f’riġlejh,

[Mk:5:23] u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.”

[Mk:5:24] U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

[Mk:5:25]  U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm.

[Mk:5:26] Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kull ma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.

[Mk:5:27] Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar,

[Mk:5:28] għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejjqa.”

[Mk:5:29] F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.

[Mk:5:30] Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”

[Mk:5:31] Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?”

[Mk:5:32] Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan.

[Mk:5:33] Mbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, nxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu.

[Mk:5:34] “Binti,” qalilha, “il-fidi tiegħek fejjqitek; mur bis-sliem, u kun imfejjqa mill-marda tiegħek.”

[Mk:5:35] Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”

[Mk:5:36] Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen.”

[Mk:5:37] U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.

[Mk:5:38] Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru.

[Mk:5:39] Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla m’hijiex mejta, imma rieqda.”

[Mk:5:40] U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ‘il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla.

[Mk:5:41] Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”

[Mk:5:42] Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb.

[Mk:5:43] U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int tersaq lejn il-Mulej bil-fidi li jistenna minnek?

Nies li kienu għaddejjin minn ċirkustanzi ta’ qtigħ il-qalb u iebsa ma ħarġux iddiżappuntati meta fittxew l-għajnuna ta’ Ġesu’. X’resaqhom lejn Ġesu’? Għax fittxew xi Miraklu jew għal xi kelma ta’ faraġ fit-tiġrib li kienu għaddejjin minnu?

Xi stenniet li Ġesu’ jagħmel għaliha l-mara li kienet sofriet ħafna għal tnax -il sena sħaħ?

U xi stenna li Ġesu’ jagħmel għalih il-missier b’qalb maqsuma li kellu bintu qiegħda tmut?

Ġesu’ ttamahom meta kien jidher li ma kien baqa’ ebda tama għax it-tama tiegħu kienet biss f’Alla. Hu lissen kliem ta’ tama lill-mara. “Qawwi qalbek, binti”, biex fiha jinbet in-nar tal-fidi. “Il-fidi tiegħek fejqitek.” Ġesu’ wkoll ta tama Divina lill-missier li kien għadu kif tilef bint għażiża. Il-Kap tas-Sinagoga wera kuraġġ u rriskja biex irrikorra għand Ġesu’ bil-miftuħ u biex stieden iċ-ċanfir ta’ sħabu u niesu. Anke l-bikkejja li kera daħku bih minkejja dan Ġesu’ qabad it-tfajla minn idha u ħelisha minn ħalq il-mewt.

Ħsieb għal Qalbek …

Fiż-żewġ ċirkustanzi naraw kemm Ġesu’ kien jagħti kas personali tal-bżonnijiet tal-oħrajn u kemm kien dejjem lest biex ifejjaq u jerġa’ jagħti l-ħajja. F’Ġesu’ naraw l-Imħabba infinita’ t’Alla timmanifesta ruħha lejn kull individwu filwaqt li Hu jagħti minnu nnifsu b’mod komplet u b’liberta’ lil kull persuna li jiltaqa’ magħha.

Int tersaq lejn il-Mulej b’tama u b’kunfidenza li Hu sejjer jisma’ t-talba tiegħek u jaġixxi?

Itlob …

Mulej, Int tħobbna b’mod individwali b’imħabba unika u personali, miss lil ħajti bil-qawwa tiegħek li ssalvani, tfejjaqni u terġa’ tagħtini l-milja tal-ħajja. Agħtini l-għajnuna biex ningħata kollni kemm jien f’servizz għall-oħrajn. Ammen.