12. Riflessjoni fuq Mark 5: 1-20

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 5: 1-20

tapestry-by-russian-artist-of-applied-art-andrey-madekin-4L-Evanġelju skont San Mark 5: 1-20

[Mk:5:1] Fdak iż-żmien, Ġesu u d-dixxipli tiegħu waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal-Gerasin.

[Mk:5:2] Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin.

[Mk:5:3] Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista’ jżommu marbut, anqas b’katina,

[Mk:5:4] għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu.

[Mk:5:5] Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta’ ġismu biż-żrar.

[Mk:5:6] Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, nxteħet fl-art quddiemu,

[Mk:5:7] u għajjat b’leħen qawwi u qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix?”

[Mk:5:8] Għax kien qallu: “Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem?”

[Mk:5:9] Mbagħad staqsieh: “X’jismek?””Leġjun jisimni,” wieġbu,”għax aħna ħafna.”

[Mk:5:10] U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż.

[Mk:5:11] Mela kien hemm merħla kbira ta’ qżieqeż tirgħa mal-ġenb ta’ l-għolja,

[Mk:5:12] u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: “Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom.”

[Mk:5:13] U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta’ madwar elfejn ras, nxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar.

[Mk:5:14] Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x’ġara.

[Mk:5:15] Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f’sikktu, u baqgħu miblugħin bil-biża’.

[Mk:5:16] In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x’kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż.

[Mk:5:17] Mbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom.

[Mk:5:18] Kif kien tiela’ fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu.

[Mk:5:19] Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: “Mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kull ma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik.”

[Mk:5:20] Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġieli tħossok imkaxkar minn forzi, aqwa minnek?

Raġel li kien maħkum minn forza ħażina ta’ Leġjun sab ir-refuġju tiegħu f’persuna waħda biss. F’Ġesu’ l-uniku li setgħa jeħilsu. Leġjun ma kinitx xi forza żgħira imma, armata ta’ sitt elef. Għan-nies tal-Palestina li tkun taħt il-forza ta’ Leġjun kemm spiritwali kif ukoll umana kienet tqabbadhom il-biża’. Leġjuni fl-eqqel tagħhom wettqu, atroċitajiet li aħjar wieħed ma jsemmihomx.

Fi żmienna wkoll rajna, atroċitajiet u distruzzjonijiet tal-massa f’idejn min setgħa u kellu l-qawwa li jmexxi dan kollu.

Imma x’inhu li l-aktar li jispikkaw f’dan ir-rakkont?

Il-forza distruttiva li kienet qed taħkem lil dan ir-raġel jew dan ir-raġel għarkupptejh quddiem Ġesu’ jitolbu l-ħniena u li jeħilsu?

Il-Kelma t’Alla tfakkarna li ma hemm l-ebda forza distruttiva li tista’ żżommna ‘l bogħod milli, aħna nersqu lejn Ġesu’ nitolbuh l-għajnuna. Hu dejjem lest li jagħtina l-paċi tiegħu u li jżommna taħt il-ħarsien tiegħu.

Salm 91 v: 7-9 jgħidilna hekk:

Elf ruħ jaqgħu maġenbek,
u għaxart elef fuq lemintek.
Imma lejk id-deni ma jersaqx,
għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk,
tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.
Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek,
għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ ġietu ħniena minn dan ir-raġel li kien maħkum mill-Leġjun ta’ spirti ħżiena. Il-forza distruttiva ta’ dawn ix-xjaten kienet evidenti għal kulħadd. Dawk li raw ix-xjaten jiġu distrutti meta waqgħu minn fuq il-għolja għal isfel fil-ħnieżer marru jxandru dan lil dawk kollha li kienu jgħixu f’pajjiżhom. In-nies inġabret ħa tara eżatt x’kien ġara. Ħadd qabel ma wera daqshekk qawwa u awtorita’ fuq il-forza tax-xitan bħalma kien wera Ġesu’. Huma beżgħu minn Ġesu’ b’riżultat ta’ dan u talbuh biex jitlaq minn hemm.

Għaliex ma rieduhx lil Ġesu’?

Forsi l-prezz li jeħilsu mid-dnub u mill-qawwa tal-ħażen kien wisq għalihom. Ġesu’ dejjem lest li jilqgħana u li jagħtina kull għajnuna li neħtieġu biex aħna ninħelsu mill-iskjavitu tad-dnub u tal-ħażen fil-ħajja tagħna. Xejn ma jista’ jżommna milli aħna nirċievu l-Imħabba t’Alla fil-milja tagħha.

U inti lest li tagħmel ħiltek biex tersaq lejn Ġesu’, ħalli inti wkoll tirċievi l-liberta’ li hu jixtieq jagħtik?

Lest li tiftaħ qalbek għall-Imħabba u għall-grazzja tiegħu f’ħajtek?

Itlob …

Mulej Ġesu’, nitolbok teħlisni minn dak kollu li jista’ jżommna ‘l bogħod milli jiena nirċievi l-imħabba tiegħek. Agħtini l-grazzja li jien nimxi fi triqatek bil-liberta’ u li ngħix il-ħajja li Int ġejt biex toffrili bil-qdusija.

Għażiża Marija, itlob għalija u miegħi biex jien nitgħallem ngħix fil-preżenza ħelwa t’Ibnek Ġesu’ u tiegħek. Taħt il-ħarsien tagħkom u ngawdi l-paċi u l-ferħ li Intom biss tistgħu tagħtuni. Ammen.