4. Riflessjoni fuq Luqa 1: 1-4; 4: 14-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 1-4; 4: 14-21

the-spirit-annoints-jesus-to-preach-the-gospel

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 1-4; 4: 14-21

[Lq:1:1] Fdak iż-żmien, bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna,

[Lq:1:2] kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma.

 [Lq:1:3] Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa,

 [Lq:1:4] biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt.

[Lq:4:14] Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha,

[Lq:4:15] għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd.

 [Lq:4:16] U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra.

[Lq:4:17] Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

[Lq:4:18] ‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, nrodd il-ħelsien lill-maħqurin

[Lq:4:19] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’ [

Lq:4:20] Mbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu.

[Lq:4:21] U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’lest li tagħti biex tagħraf u tkun taf il-verita’ fil-milja tagħha?

Ġesu’ huwa t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja.

Luqa fil-Vanġelu tiegħu jagħtina introduzzjoni unika fost l-erba’ Evanġelji. Luqa jitkellem fl-ewwel persuna u jindirizza lill-ħabib tiegħu Teofilu. Isem li jfisser il-Maħbub t’Alla. F’ħafna kliem hu jgħid: “Qed niktiblek l-aktar storja inkredibbli li l-bniedem sar jaf u din l-istorja hi vera u ta’ min jemminha għaliex ġejja minn sorsi primarji ta’ min setgħa jixhed li kien jaf lil Ġesu’ Kristu personalment. Semma’ bit-tagħlim tiegħu u ra l-mirakli, il-mewt u l-qawmien tiegħu u t-tlugħ tiegħu għan-naħa tal-lemin tal-Missier fis-Sema.”

Il-kelma Vanġelu letteralment tfisser Aħbar Tajba. Il-Vanġelu hu l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesu’ Kristu u l-ħelsien li kiseb għalina permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. L-Evanġelju hu l-Kelma t’Alla għalina llum. Hi Kelma Ħajja li għandha l-qawwa li tibdilna, li tittrasformana u li ġġib il-liberta’ u l-fejqan lil dawk li jaċċettawha bħala l-Kelma t’Alla.

U inti tfittex il-Kelma t’Alla bħalma tfittex l-ikel li jsostnik?

Tilqaha bil-fidi u l-fiduċja li Alla jistenna minnek?

Ħsieb għal Qalbek …

F’Ġesu’ naraw il-grazzja t’Alla fl-azzjoni. Il-Kelma tiegħu tagħtina l-grazzja li għandna bżonn, iġġib it-tama, il-ferħ u l-barka lil dawk li huma lesti li jirċevuha.

Fejn beda l-ministeru pubbliku tiegħu Ġesu’?

Fl-art tiegħu stess tal-Galilija fejn hu kien trabba. L-istqarrija tiegħu tat-twettiq tal-profezija Messjanika t’Iżaija ġiebet stagħġib fost qrabatu u n-nies ta’ pajjiżu. Iżaija kien ipprofetizza li l-Messija kien se jiġi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex iġġib il-ħelsien lil dawk li huma oppressi bid-dnub u l-ħażen. Dan insibuh fil-ktieb ta’ Iżaija kapitlu 61 versi 1-2.

Ġesu’ ħeġġeġ b’mod ġdid it-tama fil-wegħdiet t’Alla. In-nies minn naħa tagħhom laqgħu l-Kelma t’Alla b’qalb miftuħa u kienu mimlija għaġeb x’kien se jsir minn dan Bin Ġużeppi. Qalbhom bdiet tixxennaq għall-Kelma tal-Ħajja u kienu jħarsu lejn Ġesu’ b’anteċipazzjoni u stagħġib.

U inti tħares lejn Ġesu’ b’kunfidenza u tama fit-twettiq tal-wegħdiet kollha t’Alla?

Ġesu’ x’ġie jagħmel għalina?

Hu ġie biex jeħlisna mill-agħar tirann possibli, l-iskjavitu tad-dnub u l-biża’ tal-mewt u d-distruzzjoni eterna kemm tal-ġisem kif ukoll tar-ruħ. Il-qawwa t’Alla biss tista’ ssalvana mill-vojt u l-faqar tal-ispirtu, mill-konfuzzjoni u mill-iżball, mid-disperazzjoni u mill-biża’ li aħna nidħlu fil-mewt eterna fl-infern. Il-Vanġelu tas-Salvazzjoni hi Aħbar Tajba għalina llum.

U inti taf u doqt il-ferħ u l-liberta’ tal-Evanġelju?

Itlob …

Mulej Ġesu’, Inti t-twettiq tat-tamiet u x-xewqat kollha tagħna. L-Ispirtu tiegħek jagħtina l-grazzja, il-verita’ u l-ħelsien. Għeżież Ġesu’ u Marija, itolbu għalija biex qalbi tkun dejjem iżjed miftuħa biex nirċievi l-ferħ tal-Evanġelju u ħeġġuha bl-imħabba u biż-żelu għalikom u għas-Saltna t’Alla ħalli ma nħalli xejn mill-Kelma li tħabbritli tmur u tispiċċa.

Marija Ommi, għallimni u għenni ngħożż il-Kelma t’Alla f’qalbi u ngħixha bil-qdusija fuq l-istess eżempju tiegħek. Grazzi. Ammen.