2. Riflessjoni fuq Mark 16: 15-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 16: 15-18

jesus-christ-wallpaper-art

L-Evanġelju skont San Mark 16: 15-18

[Mk:16:15] Fdak iż-żmien, qabel ma Ġesu tela s-sema, qal lid-dixxipli tiegħu: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.

[Mk:16:16] Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.

[Mk:16:17] U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda,

 [Mk:16:18] jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-Ewwel li ra lil Ġesu’ mqajjem mill-mewt ma kienx Pietru jew wieħed mill-Appostli, imma Marija ta’ Magdala u n-nisa li kienu baqgħu ma’ Ġesu’ sa ħdejn is-Salib u li marru ħdejn il-qabar kmieni l-Ħadd, biex jaqdu l-aħħar doveri tagħhom lejn il-ġisem mejjet.

Sfortunatament għad-dixxipli m’emmnux dak li rrakkuntawlhom in-nisa dwar il-qawmien mill-mewt tal-Imgħallem. Ġesu’ kellu jċanfar lill-Appostli minħabba n-nuqqas ta’ twemmin tagħhom u l-qalb li kienet iebsa biex taċċetta l-qawmien.

Inti bħall-Appostli jew bħal Marija Madalena u n-nisa l-oħra?

Iebes biex temmen jew tiġri ħafif lejn Ġesu’?

Int tiddubita għaliex ma tarax?

Il-Mulej jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu jagħtina d-don tal-Fidi biex aħna nagħarfuh personalment u biex nifhmu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Inti temmen f’Kelmtu u tfittex li tisimgħu jkellmek?

Temmen fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija?

Temmen li Hu jkun jistenniek fit-Tabernakli sieket?

It-tluq u l-axxenzjoni ta’ Ġesu’ lejn is-Sema kienet kemm tmiem, kif ukoll il-bidu għad-dixxipli tiegħu. Filwaqt li kienet tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Ġesu’ mal-għeżież dixxipli tiegħu mmarkat il-bidu tal-preżenza ta’ Ġesu’ magħhom b’mod ġdid. Ġesu’ wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom dejjem sal-aħħar taż-żmien. Issa bħala l-Mulej u s-Salvatur imqajjem mill-mewt u gglorifikat tela’ u qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-Sema, Ġesu’ wiegħed li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu li kien se jikkonsagrahom bil-qawwa tiegħu fil-festa ta’ Pentekoste. L-istess bħalma Ġesu’ kien ikkonsagrat għall-ministeru tiegħu fix-xmara Ġordan.

Meta l-Mulej Ġesu’ telaq b’mod fiżiku minn mall-Appostli ma ħallihomx imnikktin jew iddisprati, anzi huma kienu mimlija bil-ferħ u b’antiċipazzjoni kbira għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

Ħsieb għal Qalbek …

L-aħħar kliem ta’ Ġesu’ lill-Appostli jipponta lejn il-missjoni tas-Salvazzjoni tiegħu u lejn il-missjoni tagħhom li jkunu xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu li bihom salvana u jxandru l-Aħbar it-Tajba ta’ Salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-ħidma tagħhom hi li jxandru l-Aħbar it-Tajba tas-Salvazzjoni mhux biss lill-poplu t’Iżrael imma lin-nazzjonijiet kollha. L-imħabba t’Alla u d-don tas-Salvazzjoni mhux biss għal ftit minn nies jew għal nazzjon wieħed biss imma hi għan-nies tad-dinja kollha u ta’ kull żmien. Hi għal dawk kollha li jaċċettawha. L-Evanġelju hu l-Qawwa t’Alla.

Il-qawwa li taħfer id-dnubiet, li tfejjaq, li teħles mill-ħażen u l-oppressjoni u li ġġedded il-ħajja.

Inti temmen fil-qawwa tal-Evanġelju?

Ġesu’ ma fdax ix-Xandir tal-Evanġelju u s-Sagramenti għall-fejqan u l-liberazzjoni f’idejn il-Knisja permezz tas-Saċerdoti biss imma fdah ukoll lil kull min kien se jemmen. Ġesu’ mqajjem mill-mewt jagħti din il-kariga kbira lil kull membru fil-Knisja. Kull min jemmen għandu sehem minn din il-ħidma glorjuża li jkun messaġġier tal-Bxara t-Tajba u ambaxxatur għal Kristu l-uniku Salvatur tad-dinja.

Aħna ma tħallejnix waħedna f’din il-biċċa xogħol għax il-Mulej innifsu jaħdem fina u permezz tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Illum, aħna nesperjenzaw Pentekoste ġdid filwaqt li l-Mulej iferra’ l-Ispirtu fuq il-poplu tiegħu l-Knisja biex iġġeddidha, issaħħaħha bħala l-Ġisem tiegħu u biex jibniha ħalli taqdi ministeru effettiv u missjoni madwar id-dinja kollha.

U inti tagħti xhieda quddiem l-oħrajn tal-ferħ tal-Evanġelju u tat-tama tal-qawmien għall-ħajja?

Itlob …

Mulej Ġesu’, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, Int timliena bi Spirtu ta’ tifħir u ta’ ferħ li ebda prova ta’ din id-dinja ma jeħdulu postu, imliena bil-ferħ tal-qawmien u għenna ngħixu ħajja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lejk u għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, Omm il-Knisja, itlob magħna għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu li ġġedded il-Knisja, tfejjaqha, issaħħaħha, u tibqa’ tibgħatha biex kull wieħed u waħda minna nkunu tassew xhieda quddiem kulħadd bla distinzzjoni tal-Evanġelju, afdat lilna minn Ġesu’ Ibnek. Ammen.