47. Riflessjoni fuq Luqa 13: 1-9

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 13: 1-9

the-fig-fig-treeL-Evanġelju skont San Luqa 13: 1-9

[Lq:13:1] Fdak iż-żmien, ġew xi wħud u qalu lil Ġesu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.

[Lq:13:2] U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?

[Lq:13:3] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.

[Lq:13:4] Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm!

[Lq:13:5] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”

[Lq:13:6] U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.

[Lq:13:7] Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?

[Lq:13:8] Iżda dak wieġbu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.

[Lq:13:9] Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-Lhud kienu jassoċċjaw id-diżastri msemmija mad-dnub. L-Iskrittura twissina li d-dnub jirriżulta f’taħwid, konfużjoni u saħta, imma l-ktieb ta’ Ġob jgħidilna wkoll li l-isfortuna tista’ tolqot kemm lit-tajbin kif ukoll lill-ħżiena.

Ġesu’ nqeda b’dawn l-inċidenti biex iservu bħala sinjal ħalli jgħinna nevitaw l-akbar fost id-diżgrazzji jiġifieri l-possibilta’ li nitilfu ruħna. Nevitaw din l-akbar diżgrazzja billi nippreparaw b’mod spiritwali għaż-żmien li ġej.

Ħsieb għal Qalbek …

X’tista’ t-tina bla frott tgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?

Din tissimbolizza r-riżultat tal-Iżraelin li ma wieġbux b’fedelta’ għall-Kelma t’Alla. Din il-parabbola ta’ Ġesu’ turina li Alla fil-Ħniena tiegħu jagħtina iż-żmien biex f’ħajjitna nsewwu dak li mhux tajjeb. Imma dan iż-żmien huwa issa, ma nistgħux nassumu li m’hemmx għaġġla. Mewt għala rieda, li wieħed ma jkunx qed jistenna ma tħallilekx żmien biex tipprepara u tissetilja l-kontijiet spiritwali tiegħek meta trid tidher malajr quddiem il-Mulej f’jum il-ġudizzju.

U inti, l-bagalja tat-tluq tiegħek imħejjija?

Tixxennaq għall-Mulej?

U qed tgħix skont is-sewwa u l-qdusija tiegħu?

Itlob …

Mulej kabbar fija l-għatx għas-sewwa u l-qdusija.

Għażiża Marija, Omm dejjem attenta għall-ħtiġijiet ta’ wliedek. Aqlagħli b’talbek il-grazzja li ma naħlix il-mument preżenti li fih nista’ ngħid iva lil Alla għall-ħajja kif jixtieq minni Hu, bħalma Inti wkoll bqajt sal-aħħar itenni l-Iva tiegħek għar-rieda mqaddsa Tiegħu. Ammen.

 

46. Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-3, 11-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-3, 11-32

prodigal-sonL-Evanġelju skont San Luqa 15: 1-3, 11-32

[Lq:15:1] Fdak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.

[Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom.”

[Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

[Lq:15:11] “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.

[Lq:15:12] Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid.

[Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajjra.

[Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.

[Lq:15:15] U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer.

[Lq:15:16] Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

[Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’ , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!

[Lq:15:18] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;

[Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’

[Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.

[Lq:15:21] ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’

[Lq:15:22] Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh!

[Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,

[Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.

[Lq:15:25] “Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin.

[Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien.

[Lq:15:27] ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’

[Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.

[Lq:15:29] ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi!

[Lq:15:30] Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’

[Lq:15:31] ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.

[Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-parabbola tal-Missier u żewġ uliedu hija l-itwal waħda li nsibu fil-Vanġeli.

X’inhu l-punt ċentrali tal-istorja?

Huwa l-kuntrast bejn l-Iben ubbidjenti u dak diżubbidjenti? Jew bejn kif il-Missier jitratta l-Iben li kien mitluf u l-mod kif il-Missier jiġi itrattat minn ibnu l-kbir?

Ġesu’ jikkuntrasta l-imħabba u l-ħniena kbira tal-Missier mar-rifjut aħrax tal-iben il-kbir lejn ħuh li kien żbalja u lejn il-festin li l-Missier ferħan jagħmel għal Ibnu li reġa’ lura niedem. Filwaqt li l-Iben li żbalja kien ħela l-flus ta’ Missieru. Missieru xorta baqa’ jżomm imħabba sħiħa għal Ibnu. L-Iben waqt li kien ‘il bogħod minn Missieru tgħallem ħafna dwaru nnifsu u rrealizza li Missieru kien tah imħabba li hu kien għadu ma rreċiprokax. Kien għadu jrid jitgħallem dwar il-fond tal-imħabba ta’ Missieru għalih.

L-umiljazzjoni kbira li sab ruħu fiha meta lanqas setgħa jitma’ lilu nnifsu bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer u r-riflessjoni tiegħu ta’ dak kollu li kien tilef waslitu għas-sobgħa u d-deċiżjoni li jiddikjara lilu nnifsu ħati u midneb quddiem Missieru. Filwaqt li ttama li jirrikonċilja ruħu ma’ Missieru u qatt ma setgħa jimmaġina li din ir-relazzjoni se tissewwa b’tiġdid u għaqda sħiħa u kompluta.

Il-Missier ma kellux bżonn jgħid kliem ta’ maħfra lil Ibnu. L-azzjonijiet tiegħu kienu jitkellmu b’mod aktar qawwi u ċar. Il-libsa Rejali, iċ-ċurkett, l-ikla u l-festa jissimbolizzaw ħajja ġdida, safja, t’unur u ferrieħa għal kull min jirritorna lejn Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

It-tifel li waqa’ fil-ħażen ma setgħax imur lura lejn il-ġnien tal-innoċenza, imma hu ġie milqugħ u mogħti lura l-unur u d-dinjita’ t’Iben. Il-bidla tal-għaġeb tal-Iben li waqa’ fl-iżball mill-miżerja u l-ħtija għat-tiġdid u l-ħajja ġdida hi espressa fl-istampa li l-istorja tpoġġi quddiemna. Il-lingwaġġ tal-qawmien mill-imwiet u t-twelid għal ħajja ġdida mill-mewt spiritwali li kienet tinsab fih ir-ruħ tiegħu huma espressi b’mod ċar fil-parabbola ta’ Ġesu’. Din il-parabbola tikkuntrasta wkoll il-ħniena u l-oppost tagħha n-nuqqas ta’ maħfra. Il-Missier li lilu l-Iben kien naqas kien qiegħed jaħfer imma l-iben il-kbir li lilu ma naqaslu xejn irrifjuta li jaħfer.

In-nuqqas ta’ maħfra  tiegħu tinbidel f’suppervja u l-korla tiegħu twassal biex jinqata’ u jiżola ruħu mill-komunita’ tal-midinbin maħfura. F’din il-parabbola Ġesu’ jagħti stampa ċara t’Alla u ta’ kif inhu Alla. Alla hu tassew ħanin aktar minna. Hu ma jitlifx it-tama u ma jaqtax qalbu minna meta aħna nitbegħdu minnu, anzi jifraħ meta jsib lil dawk li jkunu mitlufa u jwassalhom lura d-dar.

U inti, tesperjenza l-ferħ tal-indiema u t-tiġdid tar-relazzjoni tiegħek m’Alla l-Missier bħala Ibnu jew Bintu?

Tagħmel użu tajjeb u frekwenti mis-Sagrament tal-Qrar li jirrikonċiljak m’Alla Missierek permezz tas-Saċerdot?

Itlob …

Mulej, agħmel li qatt ma niddubita mill-Imħabba tiegħek u lanqas inkun passiva jew nieħu “forgranted” il-Ħniena li Inti turi miegħi.

Marija Omm ħanina, itlob miegħi u għalija biex qalbi timtela dejjem iżjed bl-imħabba t’Alla li titrasformani biex jien ukoll nuri ħniena mal-proxxmu tiegħi, bl-istess mod li Inti u Ibnek turu ħniena bla limiti miegħi. Ammen.

45. Riflessjoni fuq Mattew 21: 33-43, 45-46

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 21: 33-43, 45-46

wp-1489703998857.jpgL-Evanġelju skont San Mattew 21: 33-43, 45-46

Mt:21:33] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lin-nies: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

[Mt:21:34] Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu.

[Mt:21:35] Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawwtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.

[Mt:21:36] Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

[Mt:21:37] Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal.

[Mt:21:38] Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’

[Mt:21:39] Qabduh, xeħtuh ‘il barra mill-għalqa u qatluh. [Mt:21:40] Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”

[Mt:21:41] Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.”

[Mt:21:42] Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li

[Mt:21:43] Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.

[Mt:21:45] Meta semgħu l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom.

[Mt:21:46] Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu l-punt tal-parabbola tal-għalqa tad-dwieli?

L-istorja ta’ Ġesu’ tas-Sid tal-għalqa li jsiefer u l-ħaddiema diżonesti għamlet ħafna sens għas-semmiegħa tiegħu. L-għoljiet tal-Galilija kienu mimlija b’għelieqi tad-dwieli u kien komuni li s-sidien iqabdu ħaddiema biex jaħdmulhom l-art. Ħafna kienu jagħmlu dan biex jiġbru l-kera fi żmienha.

Għaliex l-istorja ta’ Ġesu’ dwar il-ħaddiema ħżiena offendiet lill-iskribi u l-Fariżej?

Fiha kellha messaġġ profetiku kif ukoll twissija. Iżaija kien tkellem fuq id-dar t’Iżrael bħala l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej. Dan insibuh fil-ktieb t’Iżaija kapitlu 5 vers 7. Huwa probabbli għalhekk li min semgħu jirrakkonta din il-parabbola fehema bħala referenza tal-mod kif Alla kien mexa mal-poplu ribelluż u ta’ ras iebsa.

Ħsieb għal Qalbek …

Din il-parabbola tkellem lilna wkoll illum. Hi turina b’rikkezza wħud mill-veritajiet importanti dwar Alla u ‘l mod kif jimxi mal-poplu tiegħu. L-ewwelnett tgħidilna dwar il-ġenerożita’ u l-fiduċja t’Alla. L-għalqa tad-dwieli għandha fiha kull ma l-ħaddiema kellhom bżonn. Is-sid telaq u ħalla l-għalqa f’idejn il-ħaddiema.

Alla bl-istess mod jafdana tant li jagħtina l-liberta’ li mmexxu ħajjitna fuq l-għażliet li nagħmlu. Din il-parabbola tgħidilna wkoll dwar il-paċenzja u l-ġustizzja t’Alla. Mhux darba, imma ħafna drabi hu ħafrilhom dejnhom. Imma filwaqt li l-ħaddiema jieħdu vantaġġ mill-paċenzja tas-Sid il-ġustizzja u l-ġudizzju fl-aħħar kellhom iseħħu. Ġesu’ ħabbar kemm il-mewt kif ukoll ir-rebħa aħħarija tiegħu. Hu kien jaf li kien se jiġi mwarrab, miċħud u maqtul, imma kien jaf ukoll li dan ma kienx se jkun it-tmiem. Wara ċ-ċaħda kien se jkun hemm il-glorja. Il-glorja tal-qawmien mill-imwiet u t-tlugħ tiegħu għan-naħa tal-lemin tal-Missier.

Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu illum bid-don tas-Saltna. Hu jwiegħed li aħna se nagħmlu ħafna frott jekk ngħixu fiH. Hu jafda d-doni u l-grazzji f’idejn kull wieħed u kull waħda minna u jagħtina xogħol fil-għalqa tiegħu tad-dwieli li hi l-istess Ġisem Mistiku tiegħu, il-Knisja. Hu jwiegħed li t-taħbit tagħna mhux se jkun għalxejn jekk nipperseveraw bil-fidi sal-aħħar. Għandna nistennew tiġrib u anki persekuzzjoni, imma fl-aħħar naraw ir-rebħa.

U inti, titħabat għall-Mulej b’tama ferrieħa u b’kunfidenza fir-rebħa tiegħu?

Itlob …

Grazzi Mulej Ġesu’ għall-benefiċċji kollha li Inti tajtna. Għall-uġigħ u għall-insulti li Inti soffrejt bi mħabba għalina. O Salvatur l-aktar ħanin, ħabib u ħuna, agħmel li nagħrfek aktar ċar u li nħobbok bl-akbar għożża.

Ħelwa Marija ommi, għenni nimxi wara Ibnek aktar mill-qrib mhux biss meta dan ikun faċli għalija, imma wkoll meta niġi affaċċjata mall-iebes. Ammen.

 

44. Riflessjoni fuq Luqa 16: 19-31

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 16: 19-31

89d524353d0347b91508b3aa07762ec5.jpgL-Evanġelju skont San Luqa 16: 19-31

[Lq:16:19] Fdak iż-żmien, Ġesu qalilhom din il-parabbola: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar.

[Lq:16:20] U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru,

[Lq:16:21] bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda ta’ l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.

[Lq:16:22] Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh.

[Lq:16:23] Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu.

[Lq:16:24] U għolla leħnu u qallu, ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’ dan in-nar.’

[Lq:16:25] ‘Ibni,’ qallu Abraham, ‘ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati.

[Lq:16:26] Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’ , u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.’

[Lq:16:27] Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri,

[Lq:16:28] għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’

[Lq:16:29] Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’

[Lq:16:30] ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’

[Lq:16:31] Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.’!”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhu dak li l-aktar jeħodlok mill-ħin, mill-attenzjoni u minn qalbek?

Fil-parabbola ta’ Lażżru u l-għani Ġesu’ jpenġilna xena drammatika ta’ kontradizzjonijiet. Għana u faqar, ġenna u infern, karita’ u indifferenza, inklużjoni u eskulużjoni. Naraw ukoll b’mod qawwi u drammatiku x-xorti kuntrarja tal-personaġġi msemmija.

Lazzru ma kienx biss fqir imma wkoll b’nuqqas ta’ kapaċitajiet. Kien imiqiegħed wara l-bieb tad-dar tal-għani. Il-klieb li kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu probabbilment kienu wkoll jisirqulu l-ftit ħobż li jkun rnexxielu jakkwista. It-turmenti li għadda minnhom kawża tal-klieb salvaġġi żiedu bil-bosta ma’ dawk il-miżerji u s-sofferenzi tal-fqir. L-għani ittratta lit-tallab b’indifferenza u disprezz sakemm ix-xorti tagħhom inqalbet.

Ħsieb għal Qalbek …

L-isem Lazzru jfisser Alla hu l-għajnuna tiegħi.

Minkejja ħajja ta’ sfortuna u sofferenza Lazzru ma waqafx jittama f’Alla. Għajnejh baqgħu jħarsu fissi fuq it-teżor li kien merfugħ għalih fis-sema. L-għani għall-kuntrarju ma setgħa jara xejn aktar mill-ġid materjali li kellu. Hu mhux biss kellu kull ma jeħtieġ imma kellu rikkezzi fl-aċċess. Kien wisq mitluf f’dak li kellu biex jinotta l-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwaru. Tilef il-viżjoni t’Alla u t-teżor tal-ġenna għax kien wisq preokkupat biex ifittex il-ferħ tiegħu fl-affarijiet materjali. Hu kien jaqdi lil ġidu minflok lil Alla. Fl-aħħar kien is-sinjur li sar tallab.

Inti skoprejtu l-ferħ u l-liberta’ f’li jkollok lil Alla bħala l-Uniku Teżor tiegħek?

U t-tama tiegħek żgura, ankrata fil-ġenna kif insibu fl-ittra lil Lhud Kapitlu 6 vers 19?

Itlob …

Mulej kabbar ix-xewqa tiegħi għalik u għat-triq tiegħek li twassal għall-vera ferħ li ma jintemmx.

Marija għażiża Ommi, għallimni nkun sinjura bit-teżor tal-ġenna u b’talbek aqlagħli  l-grazzja li jkolli qalbi ġeneruża, ħalli naqsam b’liberta’ mall-oħrajn il-ġid li ngħatali fuq din l-art. Ammen.

43. Riflessjoni fuq Mattew 20: 17-28

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 20: 17-28

jesus-and-his-disciples.jpgL-Evanġelju skont San Mattew 20: 17-28

[Mt:20:17] Fdak iż-żmien, huwa u tiela’ lejn Ġerusalemm, fit-triq Ġesu sejjaħ lit-Tnax weħidhom madwaru u qalilhom:

[Mt:20:18] “Araw, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba; dawn jaqtgħuhielu għall-mewt,

[Mt:20:19] jerħuh f’idejn il-pagani biex jiddieħku bih, u jagħtuh is-swat u jsallbuh; u fit-tielet jum iqum.”

[Mt:20:20] Mbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa.

[Mt:20:21] “Xi trid?” staqsieha. U hi qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.”

[Mt:20:22] U Ġesù wieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?” “Għandna!” qalulu.

[Mt:20:23] “Il-kalċi tiegħi,” qalilhom,”tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri.”

[Mt:20:24] L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa.

[Mt:20:25] Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa.

[Mt:20:26] Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom,

[Mt:20:27] u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom.

[Mt:20:28] Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ għamel xi ħaġa li wieħed ma jistennihiex. Hu għaqqad l-awtorita’ mas-servizz u s-sagrifiċċju. L-offerta tal-ħajja tiegħek għall-benefiċċju tal-oħrajn. L-awtorita’ mingħajr l-imħabba b’sagrifiċċju hi brutali u egositika. Il-Kalċi li kellu f’moħħu Ġesu’ kien wieħed qares u li jinvolvi s-Salib.

Ħsieb għal Qalbek …

X’tip ta’ Kalċi għandu f’moħħu l-Mulej għalina?

Għal uħud mill-appostli dan il-kalċi kien jikkonsisti f’soffferenza fiżika u t-taqbida ħarxa tal-martirju. Imma għal ħafna minna jikkonsisti fir-rutina twila tal-ħajja nisranija, fid-doveri, fis-sagrifiċċji li tirrikjedi, diżappunti, taqbid u tentazzjonijiet.

In-nisrani jrid ikun lest li jħalli ħajtu fil-martirju u jkun lest li jmut għalih innifsu kuljum fis-sagrifiċċji żgħar u kbar li jkun hemm bżonn jagħmel.

Inti li lest li tagħmel dan u li sservi lill-oħrajn fuq l-istess passi u eżempju tal-Imgħallem tagħna Ġesu’ ?

Itlob …

Mulej Ġesu’, agħmilni qaddej fis-Saltna tiegħek. Qaddej li jaf iħobb u jservi lilek u lill-oħrajn aktar milli jfittex milli jkun maħbub u servut mill-oħrajn. Ħeġġeġ lil qalbi bin-nar Divin tiegħek, ħalli nkun nista’ nagħti minni nnifsi b’ġenerożita’ u nservi lil kulħadd bil-ferħ, bi mħabba għalik. Ammen.

42. Riflessjoni fuq Mattew 1: 16, 18-21, 24

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 1: 16, 18-21, 24

Staples-Tim-Mary-Worshippers_-Tim-StaplesL-Evanġelju skont San Mattew 1: 16, 18-21, 24

[Mt:1:16] F’dak iż-żmien, Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejjħulu l-Messija.

[Mt:1:18] It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.

[Mt:1:19] Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.

[Mt:1:20] Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.

[Mt:1:21] Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.”

[Mt:1:24] Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int temmen li Alla jwettaq tassew kull wegħda li jagħmel?

San Mattew jiftaħ l-Evanġelju tiegħu billi jagħtina l-Arblu tar-Razza ta’ Ġesu’. Għaliex għamlu dan?

Bih ridt jurina li Ġesu’, Iben veru ta’ Marija, Hu tassew il-wegħda li Alla għamel lis-Sultan David nisel Abraham. Il-Missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus. Il-wegħda kienet dik li minn nislu għad joħroġ Salvatur u Sultan li jsaltan fuq il-poplu bil-ġustizzja u bis-sliem u li ma jkunx hemm tmiem għas-Saltna tiegħu.

Marija kellha taffaċċja sfida kbira għall-fidi u l-fiduċja tagħha f’Alla u għall-fidi tal-familja tagħha u ta’ Ġużeppi r-raġel li kellha tiżżewweġ. Hi ġiet mitluba terfa’ toqol ta’ responsabbilta’ kbira. Qatt ma kien instema’ qabel li tarbija setgħet titwieled mingħajr l-intervent naturali tal-missier. Interessanti li wieħed jinotta minn dan ir-rakkont tallum li tant kellha fidi u ntelqet b’fiduċja f’idejn Alla li jidher li kien b’intervent sopranaturali li Ġużeppi sar jaf b’dan kollu li seħħ fiha. Infatti l-anġlu ma qalx lil Ġużeppi, emmen dak li qaltlek Marija dwar l-Ispirtu s-Santu, imma qallu biss: “Dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.” Bl-istess mod li hija fdat lil Alla biex jieħu ħsieb Hu biex iwassal lil Ġużeppi jemmen li hi ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi fdatu li Hu kien se jipproteġiha min-nies.

Dak iż-żmien il-liġi kienet tgħid li Ġużeppi setgħa jikxef li Marija ħarġet tqila u kienu jħaġġruha. Hi setgħet ġiet imwarrba minn Ġużeppi u l-familjari tagħha. Setgħet ġiet maqtula bl-Iben t’Alla li kien għadu kemm tnissel fiha. Imma f’din il-kriżi tal-għaġeb li kienet tinsab fiha Hi emmnet lil Alla, afdatu u b’din l-attitudni tagħha Hi kienet l-aktar ħlejqa li għoġbot lil Alla. Ġużeppi li kien raġel ġust li kien qed jaħseb li minflok jikxifha jibgħatha x’imkien bil-moħbi tan-nies, iwieġeb għas-sejħa t’Alla b’ġenerożita’. Hu jilqa’ li jieħu wkoll ir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb u jipproteġi lil Marija u lil Iben t’Alla mnissel f’ġufha.

Ħsieb għal Qalbek …

Minkejja li Marija u Ġużeppi ma kellhomx irwol faċli u għaddew minn ħafna tiġrib, skumdita’ u perikli minn kullimkien, Alla ppremjahom għall-fiduċja tagħhom billi ħa ħsiebhom u pproteġihom Hu permezz tal-gwida li tahom bl-anġlu u permezz ta’ xi bnedmin għorrief. Kemm Marija kif ukoll Ġużeppi huma mudell ta’ fidi għalina.

U int, kif titratta diffikulta’ f’ħajtek? Kemm tibqa’ temmen li l-id t’Alla qed tmexxiek fid-dlam li jkun hemm madwarek?

Alla qatt ma jitilqek imma ma jistax jiggwidak bħalma għamel ma’ Marija u Ġużeppi jekk int ma titolbux biex jagħmel dan. Jekk int biss tgħidlu ħa nafda ħajti f’idejk u nimxi skont tgħallimek u ngħix tassew Hu jiġi u jibqa’ miegħek sa ma jwasslek fil-glorja tas-sema.

Itlob …

Mulej Ġesu’, Inti l-Messija u s-Salvatur tad-dinja, it-tama t’Iżrael u tan-nazzjonijet kollha. Saltan fuq il-ħsibijiet ta’ moħħi u fuq ix-xewqat ta’ qalbi u kun ir-Re tad-dar tiegħi.

Marija Omm Ġesu’ r-Re, lilek għamlek Reġina fuq il-ħolqien kollu għax hekk għoġbu. Int li għoġobtu bl-attitudni tal-ħajja tiegħek, itlob għalija ħalli jien ma nħalli xejn f’ħajti li jżommni lura milli nirċievi l-ferħ dejjiemi tas-Salvazzjoni u tal-fiduċja kompleta tiegħi fiH. Intom tiggwidawni f’kull ħaġa li jiena nagħmel. Grazzi ta’ dan. Ammen.

41. Riflessjoni fuq Luqa 6: 36-38

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 36-38

aaaL-Evanġelju skont San Luqa 6: 36-38

[Lq:6:36] Fdak iż-żmien, Ġesu qal: Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

[Lq:6:37] “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra;

[Lq:6:38] agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jagħmel l-insara differenti u x’jagħmel in-nisrani distanti minn kull Reliġjon oħra?

Hija l-Grazzja. Tiratta lill-oħrajn mhux kif jistħoqqilhom imma kif Alla jixtieq li jitrattahom bi Mħabba u bi Ħniena. Alla huwa tajjeb mall-inġusti kif ukoll mall-ġusti. L-Imħabba tiegħu tgħannaq il-qaddis u l-midneb. Alla jfittex l-għola ġid tagħna u jgħallimna nfittxu l-aqwa ġid għall-oħrajn, anki ma’ dawk li jobgħoduna u jabbużawna. Iridna nħobbu lil kulħadd bl-istess mod kif ħabbna Hu.

Huwa faċli u fin-natura umana tagħna li nuru mħabba u ħniena meta nafu li biha se niggwadanjaw xi ħaġa għalina nfusna, imma kemm hu aktar diffiċli meta dak li nagħmlu nagħmluh bla ma nistennew xejn lura. It-talba tagħna għal dawk li jagħmlulna d-deni tkisser kemm il-qawwa tas-sens ta’ tpattija li dlonk jitfaċċa fina meta nweġġgħu, kif ukoll toħroġ minna l-imħabba qawwija li tagħmel it-tajjeb meta affaċċjat mal-ħażin.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif nistgħu nħobbu lil dawk li jikkawżawlna ħsara u wġigħ?

Meta msieħba m’Alla xejn m’hu impossibli għalina li nagħmlu. Hu jagħtina l-qawwa u l-grazzja, aħna li nemmnu u naċċettaw id-don tal-Ispirtu s-Santu. L-Imħabba tiegħu tirbaħ fuq kollox. Tirbaħ fuq l-biża’, fuq il-preġudizzji u anki fuq il-weġgħat tal-qalb tagħna.

Biss is-Salib ta’ Ġesu’, jista’ jeħlisna mit-tirannija tal-ħażen, tal-mibgħeda, tat-tpattija u jagħtina l-kuraġġ biex inpattu d-deni bil-ġid. Din l-imħabba u l-grazzja għandha l-qawwa biex tfejjaq u ssalva mid-distruttzjoni.

Inti tħalli din il-qawwa tal-Imħabba t’Alla tirrenja f’qalbek u fl-aġir tiegħek? Jew f’qalbek hemm it-toqol u l-jasar li żżommok fih il-mibgħeda lejn min għamillek jew qed jagħmillek il-ħsara?

Itlob …

Mulej, l-Imħabba tiegħek iġġib il-ħelsien u l-maħfra. Imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u żomm lil qalbi fil-paċi tiegħek ħalli nevita milli nitlef sabri, milli taqbiżli u nitlef it-tempra.

Għażiża Marija, Inti li bħal Ibnek mhux biss ħfirt lil min ittortura u qatel lil Ibnek, imma lqajt li tieħu fuqek irwol t’Omm. Int għadek sal-lum u tibqa’ tħobb, tieħu ħsieb u titlob għal uliedek kollha, anki dawk li ma jagħrfukx u lanqas jagħrfu lil Ibnek. Għenni u għallimni biex nimxi fuq l-eżempji tiegħek u nkun nixbaħ aktar lil Alla. Ammen.