320. Riflessjoni fuq Mark 10: 2-16

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 10: 2-16

9280bc67ada8fcb99a40a36345ab6961

L-Evanġelju skont San Mark 10: 2-16

[Mk:10:2] F’dak iż-żmien, xi whud mill-Fariżej resqu lejn Gesu, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu.

[Mk:10:3] Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”

[Mk:10:4] Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha.”

[Mk:10:5] Mbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni.

[Mk:10:6] Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

[Mk:10:7] Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu,

[Mk:10:8] u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.

[Mk:10:9] Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”

[Mk:10:10] Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan,

[Mk:10:11] u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda;

[Mk:10:12] u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.”

[Mk:10:13] Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom.

[Mk:10:14] Ġesu’, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.

[Mk10:15] Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.”

[Mk10:16] Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhi l-intezzjoni t’Alla għall-istat tal-ħajja tagħna kemm jekk miżżewġin kif ukoll jekk mhux miżżewġin?

Ġesu’ jittratta t-tema tad-divorzju billi jieħu lis-semmiegħa tiegħu lura għall-bidu tal-Ħolqien u għall-pjan t’Alla għalina l-bnedmin. Fil-ktieb tal-Ġenesi kapitlu 2 versi minn 23 sa 34 naraw l-intezzjoni u l-idejal t’Alla li żewġ persuni li jiżżewġu għandhom isiru tant magħqudin bejniethom b’rabta li ma tinħallx li jsiru ġisem wieħed. Dan l-idejal insibuh f’Adam u Eva huma ġew maħluqa għal xulxin u għal ħadd aktar. Huma l-mudell u s-simbolu għal dawk kollha li kellhom jiġu warajhom.

Ġesu’ jispjega li Mosè ppermetta d-divorzju b’turija lill-poplu li tilef dak li kien minn dejjem l-idejal. Ġesu’ jgħolli ‘l fuq l-idejal ta’ stat ta’ żwieġ quddiem dawk li huma lesti li jilqgħu u jaċċettaw il-Kmandamenti tiegħu. Bl-istess mod Ġesu’ jpoġġi idejal għoli għal dawk li b’mod liberu jirrinunzjaw għall-istat taż-żwieġ għas-Saltna tas-sema.

Ħsieb għal Qalbek …

Kemm dawk li jiżżewwġu kif ukoll dawk li ma jiżżewwġux u jgħixu għas-servizz aktar mill-qrib tas-Saltna t’Alla b’mod speċjali fil-ħajja kkonsagrata bħala qassisin, patrijiet, sorijiet jew lajċi kkonsagrati għandhom sejħa individwali minn Alla u kollha huma għall-glorja t’Alla.

Il-ħajja tagħna fir-realta’ mhijiex tagħna, imma t’Alla. Hu jagħti l-grazzja u l-qawwa lil dawk li jfittxu li jimxu fit-triq tal-qdusija tiegħu fl-istat tal-ħajja tagħhom.

Tfittex għajnuna mingħand il-bnedmin t’Alla biex tagħraf aħjar x’sejħa għandu għalik? Jew jekk diġa’ qed tgħix din is-sejħa tfittex għajnuna biex tgħixha bl-aħjar mod u bil-qdusija li jrid jara fik Alla? Iżomm lil xi saċerdot bħala direttur spiritwali tiegħek biex miegħu tiskopri dejjem iżjed kif tgħix il-pjan t’imħabba li Alla fassal għalik?

Itlob …

Mulej Ġesu’ s-sejħa tiegħek biex inkunu qaddisin tiġbor fiha kull stat ta’ ħajja. Qaddes il-ħajjiet tagħna  bħala miżżewwġin jew mhux ħalli aħna nkunu nistgħu ngħixu bħala rġiel u nisa li huma kkonsagrati lilek. Agħmel li aħna mhux biss ngħixu u nagħtu xhieda tajba fit-twettiq tal-istat tal-ħajja li ngħixu, imma wkoll li nippromovu ż-żwieġ jew il-ħajja kkonsagrata bħala dik li wieħed jibqa’ fiha b’fedelta’ sal-aħħar ta’ ħajtu hekk kif urejtna int li għandu jkun bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtek. Ammen.