318. Riflessjoni fuq Luqa 21: 25-28, 34-36

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 25-28, 34-36

Sign of the Son of man 700W

L-Evanġelju skont San Luqa 21, 25-28, 34-36

[Lq:21:25] Fdak iż-żmien, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ;

[Lq:21:26] in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

[Lq:21:27] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.

[Lq:21:28] Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.”

[Lq:21:34] “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.

[Lq:21:35] Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.

[Lq:21:36] Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti temmen li d-dinja kif nafuha llum se tispiċċa hekk kif Ġesu’ qalilna?

Ġesu’ jwissi lil dawk li kienu joqgħodu Ġerusalemm dwar id-distruzzjoni tagħha minħabba li hi rrifjutat il-Vanġelu. Ġesu’ jitkellem ukoll dwar il-ġudizzju fl-aħħar tad-dinja. Huwa biss il-agħma spiritwali li jżommna milli nagħrfu s-sinjali ovji tad-diżastru li ġej f’jum il-ġudizzju għal dawk li rrifjutaw li jagħtu widen għall-Kelma t’Alla li ssalvana u għall-grazzja tiegħu. Ġesu’ kien onest b’mod komplet u qal lid-dixxipli dak li kellhom iħallsu biex jimxu warajh. Minkejja li l-prezz huwa kbir hu wiegħed li qatt ma jitlaqhom waħedhom imma li jkun dejjem magħhom fiż-żmien tat-tribulazzjonijiet. Il-qaddisin u l-martri li għaddew minn turmenti u anke minn mewt għamlu l-ħabsijiet tagħhom Tempju ta’ tifħir minn fejn kienu jfaħħru lil Alla u l-irbit tagħhom tron għall-glorja t’Alla. Huma kienu jafu li l-preżenza ta’ Kristu fosthom kienet dejjem f’kull ċirkustanza magħhom biex isalvahom. Ġesu’ joffrilna s-sigurta’ meta aħna affaċċati mat-theddid ta’ din id-dinja. F’Luqa kapitlu 21 vers 18 Ġesu’ jgħid: ‘Lanqas xagħarha minn raskom ma tintilef.’ Id-dixxiplu li jimxi wara Kristu jista’ jitlef ġismu , imma mhux ruħu.

L-akbar don li għalih għandna nkunu grati u li għandna nirringrazzjaw lil Alla tiegħu hu s-Salvazzjoni u l-Adozzjoni tagħna bħala wliedu. Għandna nirringrazzjawh għaliex it-tama hi kollha fil-ġenna u fil-wegħda li Ġesu’ għad jerġa’ jiġi biex jistabbilixxi b’mod sħiħ is-Saltna tiegħu tal-paċi u tas-sewwa.

Ġesu’ jitkellem dwar it-tieni miġja bħala fatt magħruf. Bħala avveniment ċert li għandna nistennew li jseħħ. Din l-miġja se tkun immarkata b’sinjali li kulħadd se jagħraf. Sinjali li se jwerwru lil dawk li ma jkunux ippreparati u jimlew bil-għaġeb ‘il dawk li jkunu lesti biex jiltaqgħu mal-Mulej. Meta l-Mulej jerġa’ jiġi hu jistabbilixxi l-ġustizzja u s-sewwa u jagħti l-ħlas mistħoqq lil kull min qdieh tajjeb. Il-ġudizzju tiegħu huwa sinjal ta’ tama għal dawk li jafdaw fih.

U inti tittama f’Alla u fil-wegħda tiegħu li jerġa’ jiġi u jistabbilixxi s-Saltna tiegħu fuq l-art kollha?

Ħsieb għal Qalbek …

Hemm xi ħaġa f’ħajtek li żżommok lura milli tirċievi l-ferħ u l-liberta’ li l-Mulej joffrilek?

Alla jrid li qlubna jkunu għalih u għas-Saltna tiegħu, imma qlubna ġieli jkunu mtaqqla bil-ħafna preokkupazzjonijiet u bid-dnub. Ġesu’ joffrilna l-liberta’ vera, il-liberta’ mill-qawwa tad-dnub u mill-ħela. Il-ħela tagħna nfusna fuq affarijiet li mhumiex neċċessarji u li jbegħduna minn Alla. Ġesu’ joffrilna l-liberta’ mill-qawwa tal-vizzji u mill-iskjavitu’ tal-passjonijiet tagħna. Milli nagħmlu l-ikel, ix-xorb u affarijiet oħra bħala sidien tagħna minflok bħala qaddejja tagħna u Ġesu’ joffrilna l-liberta’ mill-qawwa tal-ansjetajiet u l-inkwiet żejjed li jipparalizzawna. Li nkunu mimlijin bil-biża’ minflok nkunu mħeġġa bl-imħabba t’Alla.

Ġesu’ jwissina dwar it-tentazzjoni li aħna naqgħu lura, li nitbegħdu mit-triq jew li norqdu l-irqadt spiritwali. Huwa vera faċli li ninqabdu nkunu mheddija f’ħafna affarijiet tal-mument preżenti u li nitaqqlu b’ħafna inkwiet. Il-Mulej jaf bin-nuqqasijiet u bl-isforzi tagħna kollha u jagħtina l-grazzja biex aħna nġorru s-slaleb tagħna u nimxu warajh fit-triq tal-qdusija, imma hemm ħaġa waħda li Hu ma jittollerax l-indifferenza jew li nkunu passivi meta aħna għandna nfittxuh b’qalbna kollha u l-attitudni tagħna li aħna ma nagħtux kas jew li ma nagħmlu xejn. Alla jistenna ħafna mingħandna jistenna dak li aħna ma nistgħux nagħmlu mingħajr l-għajnuna tiegħu. Il-grazzja tiegħu hi biżżejjed. Hu jistenna minna li nkunu attenti għall-miġja tiegħu f’kulħin. Li nitolbu b’mod speċjali għall-qawwa u biex nipperseveraw fil-fidi. Li ngħaddu minn provi li jiġuna u li naħarbu kull tentazzjoni tad-dnub speċjalment tal-apostasija jiġifieri li aħna niċħdu lil Kristu minħabba l-biża’ jew is-suppervja. Alla huwa dejjem lest li jimliena bil-grazzja u bil-qawwa tiegħu.

U qalbek tixxennaq għal Alla jew hija mtaqqla b’ħafna affarijiet oħra?

Itlob …

Mulej imliena b’tant u tant affarijiet tajba li jiġu minnek. Imla lil qalbi bl-imħabba, bil-paċi, bil-ferħ u bis-sewwa tas-Saltna tiegħek.

Għażiża Marija, omm ħelwa tiegħi; itlob miegħi u għalija biex qalbi titħeġġeġ bin-nar tal-Ispirtu s-Santu ħalli jien nixxennaq dejjem iżjed għas-Saltna t’Ibnek u għall-miġja tiegħu fl-aħħar jum. Ammen.