317. Riflessjoni fuq Luqa 20: 27-38

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 20: 27-38

luke-20-38-he-is-not-god-of-the-dead-what-is-proper-to-humans-st-pacian-24-nov-2018

L-Evanġelju skont San Luqa 20: 27-38

[Lq:20:27] F’dak iż-żmien, resqu fuq Ġesu’ xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh:

[Lq:20:28] “Mgħallem,” qalulu,”Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’

[Lq:20:29] Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal.

[Lq:20:30] It-tieni wieħed,

[Lq:20:31] u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal.

[Lq:20:32] Fl-aħħar mietet il-mara wkoll.

[Lq:20:33] Issa din, fil-qawmien ta’ l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha.”

[Lq:20:34] Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu;

[Lq:20:35] imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu.

[Lq:20:36] Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet.

[Lq:20:37] U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta’ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb.

[Lq:20:38] Issa hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hi ħajtek marbuta ma’ din id-dinja jew mal-eternita’?

Is-Sadduċej kellhom problema kbira ma setgħux iniżżlu r-realta’ tal-ġenna għax għalihom kienet għola minn dak li setgħu jaraw taħt għajnejhom. U aħna m’aħniex bħalhom ħafna drabi?

Aħna ma nagħrfux ir-realtajiet spiritwali biex nippruvaw nagħmlu l-ġenna f’immaġini ta’ din id-dinja. Is-Sadduċej marru għand Ġesu’ biex jippruvawh bil-mistoqsija tagħhom biex jagħmlu l-qawmien mill-imwiet jidher redikolu. Is-Sadduċej b’differenza tal-Fariżej ma kienux jemmnu fl-immortalita’, la fl-anġli u lanqas fl-ispirti ħżiena. Ir-reliġjon tagħhom kienet letteralment ibbażata fuq immaġini terrena tal-ġenna. Ġesu’ fit-tweġiba tiegħu ttratta l-fatt tal-qawmien mill-imwiet. L-Iskrittura nnifisha tagħtina prova tagħha f’Eżodu kapitlu 3 vers 6. Meta Alla immanifesta l-preżenza tiegħu lil Mosè fl-għollieq jaqbad il-Mulej qallu li hu Alla t’Abraham, Iżakk u Ġakobb. Hu juri li l-patrijarki li mietu mijiet ta’ snin qabel kienu għadhom ħajjin f’Alla. Ġesu’ jirbaħ l-argument tagħhom billi jurihom li Alla huwa Alla ħaj ta’ nies Ħajjin.

Alla kien il-ħabib t’Abraham, Iżakk u Ġakobb meta kienu ħajjin. Din il-ħbieberija ma setgħetx tispiċċa mall-mewt. Bħalma jgħid Salm 73 versi minn 23 sa 24. “Imma jiena dejjem miegħek, inti żżommni minn idi l-leminija, skont il-ħsieb tiegħek tmexxini, imbagħad fis-sebħ tilqgħani.” Il-prova aħħarija tal-qawmien tal-Mulej Ġesu’ mill-mewt hi r-rebħa fuq il-mewt meta ħareġ mill-qabar.

Qabel ma’ Ġesu’ qajjem lil Lażżru mill-mewt hu stqarr: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja min jemmen fija mqar jekk imut jgħix u min jgħix u jemmen fija dan ma jmut qatt.”

Temmnu inti dan? fi Ġwanni kapitlu 11 vers 25. Ġesu’ jistaqsi lilna l-istess mistoqsija u int xi twieġbu? Temmen fil-qawmien u fil-ħajja eterna li hu Hu nnifsu?

Ħsieb għal Qalbek …

L-Ispirtu s-Santu jirrivelana l-veritajiet eterni tal-imħabba infinita’ t’Alla u l-ħajja li hu jixtieq jaqsam magħna għall-eternita’. Pawlu l-appostlu jistqarr hu u jikkwota mill-profeta Iżaija kapitlu 64 vers 4 u kapitlu 65 vers 17. “La għajn qatt ma rat, la widna qatt ma semgħet u lanqas qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem dak li Alla pprepara għal dawk li jħobbuh.” Alla irrivelana dan permezz tal-Ispirtu s-Santu kif insibu fl-ewwel ittra lill-Korintin kapitlu 2 versi 9 sa 10.

Il-wegħda tal-ġenna, il-barka eterna u l-ħajja li ma tintemmx m’Alla mimli mħabba hi aktar milli nistgħu nobsru ta’ bnedmin li aħna. Għadna biss kemm bdejna nduqu l-ewwel frott ta’ din il-ħajja. U inti tgħix din il-ħajja bil-ferħ u t-tama għall-ħajja taż-żmien li ġej?

Itlob …

Ħa jpoġġi idejh fuq għajnejna l-Mulej Ġesu’ nnifsu ħalli aħna wkoll nibdew naraw dak li ma jidhirx bl-għajnejn tal-ġisem. Ħa jiftaħ dawk l-għajnejn li huma kkonċernati mhux fuq din id-dinja preżenti, imma fuq li għad irid jiġi. Ħa jiftaħ il-viżjoni tal-qalb ħalli aħna bħal Marija u tant qaddisin oħra nħarsu lejn Alla bl-ispirtu permezz tal-istess Mulej Ġesu’ Kristu li l-glorja u l-qawwa tiegħu jibqgħu għal dejjem ta’ dejjem.

Marija, itlob magħna għal dan kif tlabt mad-dixxipli fiċ-Ċenaklu, grazzi ta’ dan. Ammen.