316. Riflessjoni fuq Luqa 19: 28-40

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 19: 28-40

PalmSunday-58e280f35f9b58ef7e94e120

L-Evanġelju skont San Luqa 19: 28-40

[Lq:19:28] Fdak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.

[Lq:19:29] U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu

[Lq:19:30] u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, ssibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh.

[Lq:19:31] Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu.”

[Lq:19:32] Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom.

[Lq:19:33] Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”

[Lq:19:34] U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu.”

[Lq:19:35] Mbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu.

[Lq:19:36] Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq.

[Lq:19:37] Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla ta’ l- Għolja taż- Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw,

[Lq:19:38] u bdew jgħidu: “Mbierek is-Sultan li ġej fisem il-Mulej! Sliem fis-sema, u glorja fl-għoli tas-smewwiet!”

[Lq:19:39] Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek?”

[Lq:19:40] Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ mar Ġerusalemm filwaqt li kien jaf b’ċertezza x’kien qed jistennieh hemmhekk, tradiment, rifjut u tisliba. In-nies ta’ Ġerusalemm madanakollu kienu lesti biex jagħtuh it-tislima li kien jixraqlu Re Messjaniku. Ftit kienu qegħdin jagħrfu x’kienet se tiswielu lil dan ir-re biex isaltan bi mħabba qaddisa u b’ġustizzja fir-renju tiegħu. Id-daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm riekeb fuq felu ta’ ħmara wettqet il-profezija Messjanika ta’ Żakkarija li nsibu f’kapitlu 9 vers 9.

“Ifraħ kemm tiflaħ Bint Sijon, għajjat bil-ferħ Bin Ġersualemm. Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmara, fuq felu ta’ ħmara.”

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jidħol Ġerusalemm umli u ġwejjed bħala r-Re Messjaniku li jġib ir-rebħa u l-paċi lill-poplu kollu. Dik ir-rebħa u l-paċi kienu se jkunu mwettqa b’mod permanenti fis-salib u fil-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’ li kienu se jseħħu fi ftit jiem fi żmien il-festa tal-Għid. F’Salm 24 insibu passaġġ profetiku ieħor li hu l-eku ta’ din il-purċissjoni trijonfali tar-Re tal-Glorja.

“Intrefgħu bibien, infetħu intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-Glorja.”

Ġesu’ Kristu ġie biex iġibilna s-Saltna t’Alla. Hu hu l-veru Re li joffrilna l-paċi, il-ferħ u l-ħajja ta’ dejjem lilna li rridu nilqgħu u naċċettaw is-Saltna tiegħu.

U f’qalbek ir-Re tal-Glorja ssib il-bibien miftuħa li jilqgħuh ħalli jsaltan fik? Fil-ħitan tad-dar spiritwali tiegħek jinstema’ l-eku ta’ tifħir u ta’ glorja lejn Ġesu’ s-Sultan?

Itlob …

Mulej Ġesu’ Kristu kun dejjem int ir-Re tal-qalb tiegħi u dak li tikkmanda ġewwa dari.

Marija Sultana tas-sema u l-art u omm ir-Re divin, ħalli lil qalbi timtela b’dik il-paċi li wegħdna Ibnek ħalli f’ħajti nsib il-vera ferħ fil-preżenza tiegħu  bħala Sidi u tiegħek bħala Omm u Sultana, issa u għaż-żmien li ma jintemm qatt. Ammen.