314. Riflessjoni fuq Luqa 16: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 16: 1-13

shrewd-manager

L-Evanġelju skont San Luqa 16: 1-13

[Lq:16:1] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.

[Lq:16:2] Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont ta’ l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’

[Lq:16:3] L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi.

[Lq:16:4] Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’

[Lq:16:5] U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed.

[Lq:16:6] ‘Mitt barmil żejt,’ wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek,’ qallu l-amministratur, ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’

[Lq:16:7] Lil ieħor staqsieh, ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ,’ wieġbu. Qallu, ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’

[Lq:16:8] U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.

[Lq:16:9] U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.

[Lq:16:10] Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.

[Lq:16:11] Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?

[Lq:16:12] U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom?

[Lq:16:13] Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif inhu mqabbel il-flus bi qligħ diżonest mal-ħajja eterna?

Ġesu’ jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jimxu fuq il-passi tal-amministratur diżonest li għamel użu mill-flus b’mod ġeneruż biex jagħmel ħbieb għalih inifsu. Din il-parabbola nsibuha f’San Luqa kapitlu 16 versi minn 1 sa 9. Dawk li b’xi mod qed jirċievu xi ġid mingħandek isiru l-ħbieb tiegħek għaliex int qed tkun ħanin magħhom fil-mumenti fejn l-aktar li huma fil-bżonn bl-istess mod kif Alla hu ħanin miegħek meta inti fil-bżonn tal-maħfra u l-għajnuna tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-għadu tal-ġenerożita’?

Hi r-rebgħa l-kilba eseġerata għas-sigurta’ personali. Alla hu ġeneruż u jissuperana lkoll fl-abbundanza tad-doni tiegħu għalina.

Int skoprejt il-ferħ u l-liberta’ ta’ min hu ġeneruż m’Alla u mal-oħrajn u ta’ min juża bil-għaqal il-ġid li Alla jipprovdielu?

Itlob …

Mulej ħeġġiġli qalbi bin-nar ta’ mħabbtek ħalli nkun devot lejk b’mod totali fuq kull ħaġa oħra.

Marija ommi xempju ta’ kull virtu’ u xebba kollok għaqal. Għallimni nħaddem il-ġid materjali li ġie misluf lili b’għaqal u b’ġenerożita’ għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-proxxmu. Ammen.