309. Riflessjoni fuq Luqa 12: 32-48

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 12: 32-48

LOG

L-Evanġelju skont San Luqa 12: 32-48

[Lq:12:32] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!

[Lq:12:33] Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.

[Lq:12:34] Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

[Lq:12:35] “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;

[Lq:12:36] kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.

[Lq:12:37] Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.

[Lq:12:38] U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!

[Lq:12:39] Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.

[Lq:12:40] Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

[Lq:12:41] “Mulej,” qallu Pietru,”din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”

[Lq:12:42] Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel?

[Lq:12:43] Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.

[Lq:12:44] Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

[Lq:12:45] Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;

[Lq:12:46] sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m’humiex fidili.

[Lq:12:47] U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madanakollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.

[Lq:12:48] Min imbagħad, bla ma jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jista’ jgħidilna l-eżempju tal-ħalliel li jiġi billejl dwar is-Saltna t’Alla?

Ġesu’ kien iħobb jirrakkonta l-istejjer ħafna minnhom kienu jispiċċaw b’tibdil drammatiku fiċ-ċirkustanzi li wieħed ma jistenniehomx. Tista’ timmaġina ħalliel javża lill-vittma minn qabel meta jkun se jisraqha?

Għandna nkunu sorpriżi li naraw ħalliel jaħrab b’teżor kbir li ma sabx min ken qiegħed jagħmel għassa fuqu?

X’tgħidilna din dwar it-teżor li Alla fdalna?

Meta Alla joffrilna s-Saltna hu jagħtina teżor bla qies kif juru wkoll il-parabbola tat-teżor moħbi f’għalqa u dik tad-drakma li kienet tiswa ħafna. F’Mattew kapitlu 13 versi minn 44 sa 46.

Ħsieb għal Qalbek …

Xinhu dan it-teżor ta’ valur bla limitu?

Il-Mulej innifsu hu t-teżor tagħna u s-Saltna li joffrilna hi Saltna ta’ paċi, ta’ ferħ u ta’ ġustizzja kif insibu fl-ittra lir-Rumani kapitlu 4 vers 17. Il-Mulej joffrilna relazzjoni miegħu bħala wliedu kif ukoll il-wegħda tal-ħajja eterna. Dan it-teżor hu ta’ valur wisq akbar minn kull teżor li jista’ jkollna f’din id-dinja u dan hu aktar sigur, imma huwa possibli li nitilfu dan it-teżor jekk ma nagħmlux għassa fuq dak li ġie fdat f’idejna minn Alla.

U it-teżor tiegħek huwa fiż-żgur? Huwa Ġesu’?

Jekk illum Ġesu’ jitolbok kont ta’ dan it-teżor li fdalek se jsibek preparat biex tidħol għal dejjem fis-Saltna tiegħu jiġifieri fil-ġenna?

Itlob …

Sinjur Alla, agħmel li nkun għaqli fil-mod kif jien neżerċita r-responsabbiltajiet tiegħi ħa nkun nogħġbok f’kollox.

Għażiża Marija, int li int it-Tron tal-għerf, itlob għalija u miegħi biex inkabbar fija d-don tal-għerf u tal-prudenza mogħtija lili mill-Ispirtu s-Santu ħalli nagħmel użu tajjeb tad-doni, tal-ħin u tar-riżorsi li ġejt fdatha bihom. Ammen.