307. Riflessjoni fuq Luqa 11: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 1-13

Our-Lords-prayer

L-Evanġelju skont San Luqa 11: 1-13

[Lq:11:1] Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”

[Lq:11:2] U qalilhom: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.

[Lq:11:3] Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

[Lq:11:4] U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’?”

[Lq:11:5] Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet,

[Lq:11:6] għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’

[Lq:11:7] U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’

[Lq:11:8] Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom:

[Lq:11:9] Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom.

[Lq:11:10] Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

[Lq:11:11] Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?

[Lq:11:12] Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?

[Lq:11:13] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tistenna li Alla jisma’ t-talb tiegħek?

Ġesu’ ried jgħolli l-aspettattivi tad-dixxipli tiegħu meta għallimhom kif jitolbu. Il-parabbola tal-Missier li jitma’ lil Ibnu turina xi ħaġa li lanqas kienet tgħaddilna minn moħħna.

Kif jista’ Missier twajjeb u ġust jirrifjuta li jagħti lil Ibnu dak li hu tajjeb jew agħar minn hekk li jagħtih xi ħaġa ta’ ħsara? F’kelma waħda Ġesu’ jagħmel stqarrija li tallarmana. Meta jżid jgħid kemm aktar  Missierkom li hu fis-sema jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.

Ħsieb għal Qalbek …

Missierna tas-sema jagħtina b’ġenerożita’, aktar milli qatt nistgħu nistennew. Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu b’kunfidenza għaliex Missierna tas-sema fit-tjieba tiegħu dejjem lest jisma’ t-talb tagħna u għalhekk li nistgħu nitolbu b’asserzjoni u b’konvinzjoni. “Ħobżna ta’ kuljum; agħtina llum.”

Dawk li jafu u jafdaw fl-imħabba t’Alla jitolbu bl-akbar kunfidenza. Ġesu’ jikkonkludi billi jfakkarna li biex wieħed jobdi u jwettaq l-liġi u l-profeti għandu jitratta lill-proxxmu bl-istess mod kif aħna nixtiequ niġu trattati minn Alla u mill-istess proxxmu tagħna. Mhux biżżejjed li nevitaw milli nagħmlu ħsara lill-oħrajn huwa importanti li nfittxu li nagħmlulhom il-ġid.

U inti, b’liema mod qed tagħti mill-ġid li tista’ lill-oħrajn u titlob biex taqla’ mingħand Alla l-ġid li jixtieq jagħtik.

Itlob …

Agħtini li nħobbok Mulej tiegħi u Alla tiegħi u nara lili nnifsi kif jien tassew, pellegrin fuq din l-art. Nisrani msejjaħ biex nirispetta u nħobb lil dawk kollha li Inti tlaqqani magħhom. Lil dawk li jinsabu fl-awtorita’ fuqi jew taħt l-awtorita’ tiegħi, lil ħbiebi u lill-għedewwa tiegħi.

Għenni għażiża Marija biex nirbaħ ir-rabja bil-ġentilezza, l-kilba bil-ġenerożita’ u l-apatija bil-fervur. Għallimni ninsa lili nnifsi u ngħin lill-oħrajn f’kulma nista’ fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u l-aktar f’dawk tar-ruħ. Ammen.