306. Riflessjoni fuq Luqa 10: 13-16

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 13-16

unnamed

L-Evanġelju skont San Luqa 10: 13-19

[Lq:10:13] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal: “Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied.

[Lq:10:14] Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom.

[Lq:10:15] U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet!

[Lq:10:16] Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni.”

[Lq:10:17] It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek?”

[Lq:10:18] U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema.

[Lq:10:19] Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta’ l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Li kieku Ġesu’ kellu jżur lil pajjiżek u lill-komunita’ tal-parroċċa tiegħek x’kien jgħid?

Kien iċanfar u jwiddeb bis-sħiħ bl-istess mod li għamel man-nies ta’ Korożajn u Betsajda? U inti kif kont twieġeb?

Kull fejn Ġesu’ mar hu wera dak kollu li għamel kemm Alla jimpurtah mill-bniedem. Korożajn u Betsajda tbierku għax żarhom Ġesu’; Alla nnifsu. Huma semgħu bl-Aħbar it-tajba u esperjenzaw il-ħidma meraviljuża li Ġesu’ għamel għalihom.

Għaliex Ġesu’ kien qalbu sewda u rrabjat ma’ dawn in-nies?

In-nies li semgħu l-Vanġelu ħafna minnhom baqgħu indifferenti. Ġesu’ ċanfarhom għax ma bidlux ħajjtihom. Il-konverżjoni li xtaq minnhom Ġesu’ kienet tfisser bidla tal-qalb u tal-mod kif wieħed jgħix.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Kelma t’Alla tagħti l-ħajja u ssalvana mit-telfien. Mit-telfien ta’ ruħna u kif ukoll ta’ ġisimna. Ir-rabja ta’ Ġesu’ hi lejn id-dnub u kull ma jfixkilna milli nagħmlu r-rieda t’Alla. Bi mħabba ssejħilna nimxu fit-triq tal-verita’ u tal-liberta’, tal-grazzja u tal-ħniena, tal-ġustizzja u tal-qdusija.

Inti tilqa’ l-Kelma tiegħu bil-fidi, bla dubji u bla indifferenza? Tħalliha tibdillek qalbek u l-attitudni tal-ħajja tiegħek?

Itlob …

O Alla l-aktar għoli dawwal id-dlam tal-qlub tagħna u agħtina fidi vera, tama ċerta u mħabba perfetta. Agħtina dak li hu qaddis, l-għerf tiegħek u l-għarfien tiegħek innifsek ħalli nkunu nistgħu nwettqu b’mod komplet ir-rieda mqaddsa tiegħek b’Ibnek Ġesu’ Sidna. Ammen.