305. Riflessjoni fuq Luqa 10: 1-2, 17-20

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 1-2, 17-20

7mai

L-Evanġelju skont San Luqa 10, 1-12, 17-20

[Lq:10:1] F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu.

[Lq:10:2] U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.

[Lq:10:3] Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.

[Lq:10:4] Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.

[Lq:10:5] Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Is-sliem lil din id-dar.’

[Lq:10:6] U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom.

[Lq:10:7] Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.

[Lq:10:8] F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;

[Lq:10:9] fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’

[Lq:10:10] Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu,

[Lq:10:11] ‘Sa t-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet.’

[Lq:10:12] Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.

[Lq:10:17] It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek !”

[Lq:10:18] U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema.

[Lq:10:19] Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta’ l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom.

[Lq:10:20] Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Dak li kienu rċevew mingħand Ġesu’ jridu jgħadduh lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi ħlas għalih. Riedu juru bl-attitudni tagħhom li l-ewwel interess tagħhom huwa Alla u mhux il-qliegħ materjali. Riedu jservu mingħajr skopijiet ħżiena mimlija bil-karita’ u l-paċi u bis-sempliċita’. Riedu jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq ix-xandir tas-Saltna t’Alla u mhux jiġu mfixkla b’affarijiet ta’ inqas importanza. Riedu jivvjaġġaw ħfief jieħdu biss dak li kien l-essenzjal u jħallu warajhom dak li setgħa jiddistrattahom biex ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-ħidma tax-xandir tal-Kelma t’Alla. Kellhom jagħmlu dan ix-xogħol mhux għal dak li setgħu jiksbu minnu, imma għal dak li setgħu jagħtu b’xejn lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi privileġġi speċjali jew xi forma ta’ ħlas.

Il-faqar tal-ispirtu jeħlisna mill-kilba u l-preokkupazzjoni fuq dak li għandu jkollna u joħloq fina spazju għall-providenza t’Alla. Il-Mulej irid li d-dixxipli tiegħu jkunu dipendenti fuqu u mhux fuqhom infushom. It-tieni Ġesu’ qal: ‘Il-ħaddiem ħaqqu ħobżu.’ Hawn naraw verita’ doppja. Il-ħaddiem t’Alla m’għandux ikun ippreokkupat fuq l-affarijet materjali, imma l-poplu t’Alla m’għandu qatt jonqos milli fid-dover tiegħu jagħti lill-ħaddiem t’Alla dak li għandu bżonn biex jgħix.

Inti titlob għall-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju u tissaportja bir-riżorsi materjali tiegħek?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jtemm l-istruzzjonijiet tiegħu bi twissija. Jekk in-nies tirrifjuta l-istedina t’Alla jkunu jġibu l-kundanna fuqhom infushom. Meta Alla jagħtina l-Kelma tiegħu din hemm magħha reponsabbiltajiet kbar li nwieġbu għaliha. L-indifferenza m’għandhiex postha hawn. Bil-mod kif inwieġbu għall-Kelma jew aħna favur jew kontra Alla. Alla jagħtina l-Kelma tiegħu ħalli aħna jkollna l-ħajja fih. Hu jrid jaħdem fina u permezz tagħna għall-glorja tiegħu. Alla jaqsam il-Kelma tiegħu magħna u jibgħatna biex inxandruha b’konvinzjoni u b’sempliċita’ lill-oħrajn.

Int tagħti xhieda tal-verita’ u l-ferħ tal-Vanġelu bil-kliem u bl-eżempju tiegħek quddiem dawk ta’ madwarek?

Itlob …

Mulej agħmel li l-ferħ u l-verita’ tal-Vanġelu jitrasforma lil ħajti ħalli jien nagħti xhieda tiegħek ma’ dawk ta’ madwari. Agħtini li nxandar il-verita’ u d-dawl tiegħek kulfejn immur. Ammen.