294. Riflessjoni fuq Luqa 3: 1-6

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 3: 1-6

www-St-Takla-org--luke3

L-Evanġelju skont San Luqa 3: 1-6

[Lq:3:1] Fdak iż-żmien, fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta’ l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni,

[Lq:3:2] fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert.

[Lq:3:3] U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet,

[Lq:3:4] kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija: Leħen ta wieħed igħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu.

[Lq:3:5] Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa; il-mogħdijiet imgħawġa jiddrittaw, u t-triqat imħarbta jitwittew,

[Lq:3:6] U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.’

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min hu Ġwanni l-Battista u x’inhu s-sinifkat tal-messaġġ tiegħu għall-ħajja tagħna?

San Luqa fl-Evanġelju tiegħu jispjegalna f’liema żmien Ġwanni kien mibgħut fid-dinja. Il-mexxejja tad-dinja jintfew ħdejn dan id-dawl li kien se jitfaċċa fuq l-art. B’referenza għal dan l-iben ta’ saċerdot li l-missjoni tiegħu kienet biex iħejji t-triq għal Re li hu fuq kull re ieħor. Ġwanni kien il-passaġġ li jgħaqqad it-Testment il-qadim mall-ġdid fl-istorja tal-mod kif Alla mexa mall-poplu tiegħu. Ġwanni kien profeta, kelliem għal Alla. Il-Kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni fid-deżert. Ġwanni kien il-qaddej tal-Kelma. Il-Kelma t’Alla li saret laħam iġifieri saret bniedem bħalna għalina u għas-Salvazzjoni tagħna.

Għaliex kien fid-deżert?

Ġwanni kien imsejjaħ minn eta’ żgħira biex jiddedika lilu nnifsu għat-talb u għall-Kelma t’Alla. Alla għallmu fis-solitudni tad-deżert u ppreparah għall-ministeru u għall-ġid spiritwali li għad jagħmel ma’ ħafna. Hu huwa l-aħħar profeta tat-Testment il-qadim li juri u jħejji t-triq għall-Messija. Ġwanni huwa wkoll l-ewwel xhud u l-ewwel martri tat-Testment il-ġdid.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta re jkun se jivjaġġa lejn pajjiż imbiegħed jibgħat qablu messaġġier biex jippreparalu t-triq. Ġwanni hu l-messaġġier tar-Re Messjaniku li jiġi biex iwassal is-Saltna vera, eterna u qaddisa tiegħu u t’Alla Missieru.

Isaija minn ħafna żmien qabel ipprofetizza li kellu jkun hemm prekursur qabel il-miġja tal-Messija fid-dinja. Ġwanni bla dubju ħa din it-tħabbira f’qalbu filwaqt li fittex fl-Iskrittura u rrifletta dwar il-Kelma tal-Mulej, meta kien jitlob fil-kwiet tad-deżert.

Kif għandu wieħed jipprepara għall-miġja tar-Re u għas-Saltna qaddisa tiegħu?

Billi jikkonverti, billi jżomm ‘il bogħod qalbu u moħħu mid-dnub u mir-ribelljoni biex jafda u jissottometti ruħu b’rieda ħielsa għall-Kelma t’Alla, b’dik fl-Iskrittura u għat-tgħallim tal-Maġisteru tal-Knisja li hu waqqaf biex twassal Saltnatu fid-dinja. L-Evanġelju ta’ San Luqa jenfasizza li s-sejħa universali tal-Vanġelu hi għal kulħadd mingħajr distinzjoni. Hu jikkwota mill-profeta Isaija li ‘Il-bnedmin kollha jaraw is-Salvazzjoni t’Alla.’ Ġwanni kien fil-bieb taż-żmien il-ġdid ta’ grazzja u ta’ Salvazzjoni u ra mill-bogħod dak li Ġesu’ l-Messija kien se jwettaq permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-maħfra ta’ dnubietna u l-ħajja eterna għal dawk kollha li għad jemmnu f’ismu.

U int tersaq lejn is-saċerdot rappreżentant ta’ Kristu fis-Sagrament tal-Qrar biex tirċievi l-maħfra ta’ dnubietek u l-grazzja li għad tgawdi tal-ħajja eterna fil-glorja fis-Saltna tal-Messija?

U tixhed quddiem l-oħrajn il-ferħ u l-liberta’ tal-Evanġelju?

Itlob …

Mulej imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u ħeġġeġ lil qalbi bi fjammi t’imħabba għall-Kelma tiegħek.

Maħbuba ommi tas-sema, int li kont l-ewwel li adurajt u qdejt b’sottomissjoni u bil-ferħ lil Ġesu’, il-Kelma t’Alla Inkarnata. Kun miegħi jien u ngħix l-istess Kelma u nkun xhud tal-ferħ tal-Evanġelju għal dawk ta’ madwari. Ammen.