293. Riflessjoni fuq Mattew 23: 13-22

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 23: 13-22

Fariseu

L-Evanġelju skont San Mattew 23: 13-22

[Mt:23:13] F’dak iż-żmien Ġesu’ qal: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tagħlqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol!

[Mt:23:15] “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom taqsmu l-ibħra u dduru d-dinja kollha biex iddawwru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom!

[Mt:23:16] “Ħażin għalikom, mexxejja għomja! Intom tgħidu, ‘Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bid-deheb tas-santwarju, ikollu jrodd.

[Mt:23:17] Boloh u għomja! X’inhu l-aqwa? Id-deheb, jew is-santwarju li jqaddes id-deheb?

[Mt:23:18] Tgħidu wkoll, ‘Jekk wieħed jaħlef bl-artal, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bl-offerta ta’ fuq l-artal, ikollu jrodd.’

[Mt:23:19] Ja għomja! X’inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-artal li jqaddes l-offerta?

[Mt:23:20] Mela min jaħlef bl-artal ikun jaħlef kemm bl-artal u kemm b’li jkun hemm fuqu;

[Mt:23:21] u min jaħlef bis-santwarju jkun jaħlef kemm bis-santwarju u kemm b’min jgħammar fih;

[Mt:23:22] u min jaħlef fuq is-sema jkun jaħlef kemm bit-tron ta’ Alla u kemm b’dak li hemm fuqu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif jista’ wieħed ikejjel u jiġġudika t-tajjeb?

Il-profeta Isaija kien ipprofetizza li l-Messija ma jiġġudikax skont ma jidher fl-għajnejn u ma jagħtix sentenza skont ma jisma’, iżda jiġġudika l-imsejknin skont il-ġustizzja u jagħti sentenza skont is-sewwa lill-fqajrin tal-art. Din insibuha fil-ktieb t’Isaija kapitlu 11 versi minn 3 sa 4.

Ġesu’ l-Messija li fuqu Isaija kien ħabbar iċanfar lill-kapijiet reliġjużi ta’ żmienu talli kienu nies qarrieqa u jqarqu bl-oħrajn l-aktar b’dawk innoċenti. Kienu juru wiċċ b’ieħor quddiem in-nies u kienu jagħmlu kollox għal għajn in-nies. Kienu juru għal wiċċ in-nies li kellhom qima lejn il-profeti maqtula minn min fil-passat oppona l-messaġġ tagħhom billi bnewlhom oqbra, imma fl-istess waqt huma stess kienu jopponu l-messaġġ tal-istess Iben t’Alla hekk li jagħlqu widnejhom għall-Kelma tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Huma m’aċċettawx lill-Messija għaliex qlubhom kienu iebsa u tqal biex jisimgħu l-Kelma t’Alla. Huma l-umli biss li jistgħu jirċievu l-għerf u l-għarfien t’Alla. L-Ispirtu s-Santu hu dejjem lest li jġedded l-imħuħ u l-qlub tagħna u biex jimliena bil-paċi, bil-ferħ u bit-tjubija tas-Saltna t’Alla.

Inti tgħożż il-Kelma t’Alla f’qalbek u toqgħod għaliha b’biża’ qaddis u b’qima?

Itlob …

Mulej dawwal lil qalbi bil-għerf tiegħek u għallimni triqatek. Imlieni bl-Ispirtu tiegħek ħalli nħobb dak li tħobb int u nobdi Kelmtek bla riservi.

Għażiża Ommi Marija, int li lqajt bil-ferħ il-Kelma t’Alla mibgħuta lilek mill-anġlu Gabrijiel u b’hekk tnisslet fik il-Kelma inkarnata Ġesu’. Għallimni nilqa’ bl-istess mod il-Kelma t’Alla biex jien ukoll inwelled f’qalbi lil Ġesu’ biex jibqa’ miegħi dejjem. Ammen